BINI TA’ ĊENTRU ĊIVIKU F’GĦAJNSIELEM
Il-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem għaddej b’xogħol ta’ kostruzzjoni fuq il-bini ta’ ċentru ċiviku ġdid fil-lokalità. Dan iċ-ċentru ċiviku ġdid qed jinbena fi Triq J.G. De Chambrai fiż-żona li llum saret iċ-ċentru tal-lokalità.
Iċ-ċentru ċiviku ta’ Għajnsielem qed jinbena qrib l-iskola primarja, l-iskola tal-arti u l-artiġġjanat u kif ukoll il-librerija pubblika. Barra minn hekk iċ-ċentru se jinkorpora fih għassa tal-pulizija u poliklinika.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni Chris Said żar ix-xogħlijiet li għaddejin fuq is-sit fejn kellu l-opportunità jsegwi mill-qrib dan il-proġett u jiddiskuti l-pjani tal-Kunsill Lokali t’Għajnsielem.
Chris Said qal li t-tiġdid tal-kunsilli lokali jrid jara li l-kunsilli lokali jagħtu l-aqwa servizz lir-residenti, u element importanti biex dan iseħħ huwa li l-kunsill lokali jkollu minn fejn jopera tajjeb u li l-uffiċċji tiegħu jsiru one stop shop li jaqdi lir-residenti tal-lokalità.
Għalhekk huwa faħħar id-deċiżjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem li jibni dan iċ-ċentru viċin faċilitajiet li diġà jeżistu u jinkludi fih dawk il-faċilitajiet li llum ma jeżistux jew m’humiex adekwati.
Iċ-ċentru ċiviku ta’ Għajnsielem se jkun ukoll aċċessibbli għal kulħadd u dan jaqbel ħafna mal-prinċipji tat-tiġdid tal-kunsilli lokali u tal-inizjattiva li ħa s-Segretarjat Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni sabiex il-kunsilli lokali kollha f’Malta u Għawdex isiru aċċessibbli għal kulħadd.
Chris Said faħħar ukoll l-inizjattiva tal-kunsill lokali ta’ Għajnsielem li se jistalla pannelli fotovoltaiċi fuq il-bejt taċ-ċentru ċiviku sabiex ikun qed juża enerġija aktar nadifa. Hawnhekk is-Segretarju Parlamentari Chris Said semma l-iskema ta’ fondi speċjali għall-enerġija effiċjenti li minnha fl-2009 ibbenefikaw 44 lokalità. Din l-iskema, li qed terġa’ tiġi introdotta din is-sena, tinkoraġġixxi lill-kunsilli lokali sabiex jużaw enerġija alternattiva permezz ta’ inizjattivi bħal stallazzjoni ta’ pannelli solari u fotovoltaiċi, energy saving lights fit-toroq u postijiet pubbliċi, u inizjattivi oħra simili.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990