Left arrow Mur Lura

2010 - SENA TA’ SFIDI U OPPORTUNITAJIET GĦALL-KUNSILLI LOKALI

PR0031
Date Icon 08/01/2010

Waqt seminar li ġie organizzat mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali dwar l-emendi fil-liġi tal-Gvern Lokali, is-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, l-Onor. Chris Said, qassam kopja tal-liġi konsolidata lil kull Sindku, Kunsillier, Segretarju Eżekuttiv u ħaddiema tal-Kunsilli Lokali, bl-emendi li daħlu fis-seħħ f’Diċembru 2009.

Is-Seminar iffoka fuq l-emendi prinċipali fl-Att dwar il-Gvern Lokali u x’daħal fis-seħħ minn dan l-Att. It-tibdil leġislattiv jolqot diversi aspetti, fosthom: iż-żieda fit-terminu tal-Kunsill biex dan ikun jista’ jippjana aħjar u r-rikonoxximent tal-ħidma tal-Kunsilliera Lokali permezz ta’ allowance ta’ €1,200 u aktar riżorsi permezz ta’ fondi speċjali u impjiegi ta’ staff klerikali aktar milli titlob il-liġi. Aspetti oħra jinkludu aktar vuċi lir-residenti, aktar kontabilità u trasparenza u aċċessibilità ikbar permezz tal-ftuħ tal-uffiċċji tal-Kunsill kull nhar ta’ Sibt.

Chris Said qal li s-sena 2009 kienet sena importanti ħafna għall-Kunsilli Lokali f'pajjiżna għaliex matulha ġie konkluż il-proċess ta' konsultazzjoni dwar it-tiġdid tal-Kunsill Lokali, tnieda dokument b'aktar minn 120 proposta u ġew diskussi u approvati mill-Parlament emendi għall-Att dwar il-Kunsilli Lokali.

Sal-lum aktar minn tmenin fil-mija tal-proposti daħlu fis-seħħ. Kienet sena wkoll li rat lill-Kunsilli Lokali jingħataw aktar riżorsi finanzjarji, fejn ingħatat żieda ta' 17% fl-allokazzjoni diretta fuq is-sena ta' qabel, kif ukoll diversi riżorsi umani biex ikunu jistgħu jkomplu bil-ħidma tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari appella biex il-Kunsilli Lokali kollha jimxu mal-liġi u r-regolamenti biex b'hekk jiġi żgurat li l-ħidma tajba li qed issir minn mijiet ta' Kunsilliera madwar Malta u Għawdex ma tiġix imtappna minn ftit li ma josservawx il-liġijiet li jirregolaw il-Kunsilli Lokali.

L-Onor. Chris Said ta ħarsa wkoll lejn s-sena 2010 u fisser din is-sena li ġejja bħala waħda ta' opportunitajiet kbar għall-Kunsilli Lokali f'Malta u Għawdex. Dan għaliex barra li l-Kunsilli Lokali reġgħu ngħataw żieda diretta fl-allokazzjoni ta' 3 miljun euro (żieda oħra ta' 12% fuq din is-sena), il-Kunsilli Lokali ser ikunu jistgħu jibbenefikaw minn ħafna fondi speċjali f'diversi skemi li ser isiru. Huwa stqarr li hemm 24 skema differenti li jvarjaw minn dawk għal attivitajiet, aċċessibilità għal kulħadd, għajnuna għal libreriji, inizjattivi soċjali, restawr ta' postijiet storiċi, xogħol fuq toroq residenzjali, inizjattivi ta' life-long learning, ko-finanzjament ta' proġetti tal-UE, skema għall-enerġija alternattiva u oħrajn.

Is-sena 2010 ser tara wkoll it-twaqqif ta' ħames Kumitati Reġjonali biex il-Kunsilli Lokali jkunu jistgħu jaħdmu aktar mill-qrib ma’ dawk ġirien, kif ukoll 16-il lokalità żgħira ser jiġu msejħa biex jivvutaw u jeleġġu kumitat amministrattiv b’ċertu poteri li jmexxu dawn il-lokalitajiet żgħar. Is-sena 2010 ser tara wkoll it-tibdil li hemm bżonn fis-sistema tal-infurzar lokali biex din tkun għodda oħra f'idejn il-Kunsilli Lokali, biex permezz tagħha jedukaw u jġibu l-ordni fil-lokalitajiet.

Is-Segretarju Parlamentari rringrazzja lill-Kunsilliera, Segretarji Eżekuttivi u impjegati għall-ħidma tagħhom li permezz tagħha qed naraw il-lokalitajiet kollha jimxu ’l quddiem.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow