IL-VIĊI PRIM MINISTRU TONIO BORG F’LAQGĦAT BILATERALI MA’ UFFIĊJALI GĦOLJA MILL-GVERN INDJAN
Wara l-inawgurazzjoni tal-Kummissjoni Għolja Maltija f’New Delhi u tal-Konsolat Malti f’Chennai fl-aħħar jumejn, il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin l-Onor. Tonio Borg illum kellu laqgħat bilaterali mal-Ministru tal-Istat, is-Sinjura Preneet Kaur u mal-Ministru tal-Affarijiet Esterni is-Sur Krishna. F’dawn il-laqgħat ġew diskussi għadd ta’ suġġetti importanti fosthom it-tisħiħ tar-rabtiet bilaterali, kif ukoll ġiet diskussa l-edukazzjoni mal-Ministru tal-Istat, Preenet Kaur.
Il-Ministru Krishna ilu fil-qasam politiku tal-Indja sa mill-1962 fejn kien jagħmel parti mill-Assemblea Leġislattiva ta’ Karnataka. Huwa sar Membru Parlamentari għall-ewwel darba fl-1968, u serva f’diversi karigi importanti matul is-snin. Krishna ngħata l-inkarigu ta’ Ministru tal-Affarijiet Esterni f’Mejju tas-sena li għaddiet.
Il-Ministru Preneet Kaur għandha karriera importanti fil-politika Indjana. Ġiet eletta tliet darbiet bħala Membru Parlamentari sa mill-1999. Ħadmet f’diversi setturi tal-politika speċjalment fit-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-mara fis-soċjeta’ Indjana. Preenet Kaur assumiet ir-rwol tagħha ta’ Ministru tal-Istat f’Mejju tal-2009.
Intant matul il-ġurnata tal-lum, il-Viċi Prim Ministru Tonio Borg indirizza numru sostanzjali ta’ avukati u persuni midħla tal-liġi fil-Qorti Suprema tal-Indja dwar is-similaritajiet bejn il-Kostituzzjoni Maltija u dik Indjana.
Din iż-żjara li qed jagħmel il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tonio Borg hija l-ewwel waħda barra minn Malta għal din is-sena. Matul is-sena li għaddiet Dr Tonio Borg kellu numru kbir ta’ laqgħat ma’ uffiċjali għoljin tal-gvernijiet ta’ diversi pajjiżi. Fosthom kellu laqgħat ma’ ‘l fuq minn 15-il Ministru tal-Affarijiet Barranin, fosthom tar-Russja, ta’ Spanja, ta’ Franza, tal-Polonja, tal-Bulgarija, tas-Slovakkja, tas-Serbja, tal-Ungerija, tal-Awstralja, tal-Italja, tal-Libja, tal-Ġordan, tal-Lebanon, tas-Sirja, tat-Turkija u tal-Alġerija. Ma’ dawn ta’ min isemmi wkoll li l-Viċi Prim Ministru għamel b’kollox ’il fuq minn 30 żjara uffiċjali barra minn Malta fuq ħidma intensiva sabiex il-politika barranija ta’ Malta tkompli titkattar.
Intant matul iż-żjara li qed jagħmel fl-Indja li bdiet nhar it-Tlieta, il-Viċi Prim Ministru Borg iffoka fuq il-potenzjal qawwi li Malta toffri għall-investiment. Dan għamlu b’enfażi fid-diversi taħditiet li huwa kellu ma’ uffiċjali għolja tal-pajjiż, kif ukoll ma’ grupp ta’ għaqdiet tan-negozji fin-Nofsinhar tal-Indja. Dawn il-laqgħat qed ikomplu jkattru r-relazzjoni pożittiva li teżisti bejn Malta u l-Indja mhux biss fil-qasam diplomatiku iżda wkoll f’dak tal-investiment.
Dawn ir-relazzjonijiet komplew jitjiebu u issa n-negozji Maltin għandhom l-għajnuna tal-Kummisjoni Għolja Maltija fi New Delhi fl-Indja, sabiex ifittxu oqsma u opportunitajiet ġodda ta’ kummerċ f’dan il-pajjiż. Flimkien mal-Kummissjoni Għolja, il-Konsolat Malti f’Chennai se jsaħħaħ iktar dawn ir-rabtiet.
Fl-Indja l-aħħar indikaturi ekonomiċi juru li fl-2008 kellha rata ta’ tkabbir ta’ 1.5 fil-mija; filwaqt li r-rata ta’ qgħad kienet ta’ 6.8 fil-mija u l-inflazzjoni telgħet għal 7.8 fil-mija. Kien hemm żieda qawwija kemm fl-importazzjoni kif ukoll fl-esportazzjoni fl-aħħar ħames snin. Fl-2004 Malta kienet timporta b’total ta’ 13-il miljun ewro fl-2004, din iċ-ċifra telgħet għal kważi 32 miljun ewro fl-2008; filwaqt li l-esportazzjoni żdiedet minn 400,000 ewro għal 3 miljun ewro fl-istess perjodu ta’ żmien. Fost l-iktar materjal li Malta tesporta lejn l-Indja hemm dawk marbuta mal-kimika u materjali oħrajn bħal ħadid u makkinarji mekkaniċi.
Iż-żjara tal-Viċi Prim Ministru Borg fl-Indja tintemm għada.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990