JITĦABBAR PROĠETT PILOTA BIEX ISIRU 58 TRIQ RESIDENZJALI FI TLIET LOKALITAJIET
Matul s-sena 2010 mistennija jsiru t-toroq kollha li għad iridu jiġu resurfaced fil-Madliena (Swieqi), Ħal Kirkop u L-Imqabba. B’kollox hu stmat li jsir xogħol fuq tmienja u ħamsin triq f’dawn il-lokalitajiet. Dan ser isir b’fondi li l-Gvern permezz tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali, ser jgħaddi lit-tliet Kunsilli ta’ dawn il-lokalitajiet.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, l-Onor. Chris Said, ħabbar dan waqt attività li saret fil-Madliena fil-preżenza tas-Sindki u Kunsilliera tat-tliet lokalitajiet.
Dr Said qal li dan il-proġett pilota huwa wieħed minn tliet inizjattivi li matul is-sena 2010 ser jittieħdu mis-Segretarjat Parlamentari tiegħu flimkien mal-Kunsilli Lokali, sabiex isir xogħol estensiv fuq toroq residenzjali li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Kunsilli Lokali.
Huwa fakkar li t-toroq residenzjali huma fil-kompetenza tal-Kunsilli Lokali u li fil-proċess ta’ konsultazzjoni għat-tiġdid tal-Kunsilli Lokali li sar sena ilu, eluf ta’ persuni ssottomettew il-proposti tagħhom biex ikun hemm titjib fit-toroq u fl-indafa fil-postijiet pubbliċi. Kien għalhekk illi matul l-aħħar xhur is-Segretarjat Parlamentari ħadem biex isib l-aħjar mezzi kif isir l-akbar ammont ta’ xogħol possibbli fuq it-toroq.
Għal dan il-proġett pilota ġew ivvutati €1.5 miljun u huwa mistenni li jsiru b’kollox 58 triq – 10 f’Ħal Kirkop, 26 fl-Imqabba u 22 fil-Madliena. Ix-xogħol kollu fuq dawn it-toroq mistenni jsir matul l-2010. L-Onor Chris Said spjega li ġew magħżula dawn it-tliet lokalitajiet għall-proġett pilota għaliex dawn kellhom il-preparamenti meħtieġa biex jibda x-xogħol fi stadju avvanzat ħafna. Infatti fil-każ tat-toroq tal-Madliena diġà ġie ppubblikat it-tender filwaqt li fil-każ tal-Imqabba u Hal Kirkop dan ser jiġi ppubblikat fil-ġranet li ġejjin.
Dr Said spjega wkoll li apparti din l-inizjattiva, qed jittieħdu żewg inizjattivi oħra mportanti fejn jidħlu t-toroq residenzjali. L-ewwel waħda hija li fl-2010, il-Kunsilli Lokali kollha bejniethom qed jiġu allokati €5.2 miljun biex isiru xogħlijiet fit-toroq. Il-Kunsilli qed ikunu obbligati li dan l-ammont jintuża biss fuq toroq u ma jista’ jintuża għal ebda skop ieħor. B’kollox hu stmat li jsiru madwar 170 triq madwar Malta u Għawdex. Is-sena 2009 kienet l-ewwel sena fejn l-ammont allokat għat-toroq lill-Kunsilli Lokali kellu jiġi utilizzat bilfors fuq toroq. Infatti bl-€4.8miljun allokati fl-2009 saru ftit aktar minn 160 triq madwar Malta u Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari Said qal li inizjattiva oħra fejn jidħlu t-toroq hija l-ħolqien tal-kunċett ta’public private partnership, biex isir l-akbar ammont ta’ xogħol possibbli fuq toroq. Dr. Said fisser li dan huwa possibbli wara emendi li saru fil-liġi tal-Kunsilli Lokali, liema emendi introduċew il-possibilità li Kunsill Lokali jidħol fi ftehim għal xogħol mal-privat. Infatti fil-budget għas-sena 2010, ġie vvutat €1 miljun biex Kunsilli interessati jingħataw għajnuna oħra biex ikunu jistgħu jibdew. Dan il-fond huwa miftuħ ghal Kunsilli Lokali kollha. Saret laqgħa għall-Kunsilli kollha fejn ġie spjegat kif ser jaħdem dan il-kunċett u qed jiġi preparat tender għal dan il-għan.
Permezz ta’ dan il-fond huwa maħsub li matul is-sena 2010 isiru b’kemm jiswew bejn €8 miljuni u €10 miljuni oħra ta’ xogħlijiet fuq toroq residenzjali mill-Kunsilli Lokali.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990