Left arrow Go Back

Messagg tal-Milied u s-Sena l-Gdida mill-President ta’ Malta l-E.T. Dott George Abela

pr2230
Date Icon 24/12/2009
Ħuti Maltin uGħawdxin, hu tassew ta’ pjaċir għalija li għall-ewwel darba mindu ġejt elett fil-kariga ta’ President ta’ Malta, nieħu din l-okkażjoni sabiex inwasslilkom dan il-messaġġ tradizzjonali ta’ żmien il-Milied u l-Ewwel tas-Sena.
Għalina l-Maltin,żmien il-Milied huwa xhieda tat-tradizzjoni li sa minn sekli ilu hija l-bażi tal-kultura tagħna – Kristjana u Ewropea.  Il-Milied huwa fuq kollox festa reliġjuża li tikkommmemora l-inkarnazzjoni ta’ Kristu, dik il-ġrajja unika u storika li tat bidu għal era ġdida fl-istorja tal-bniedem u li hija l-oriġini tal-valuri tradizzjonali li ispiraw il-kultura tagħna l-Maltin.
Dan huwa wkolliż-żmien fejn is-sena l-qadima tħalli postha għall-ġdida u fejn wieħed iħares lura lejn is-sena li ntemmet u jħares ‘il quddiem b’tamiet ġodda.
Is-sena li għaddietu ż-żminijiet riċenti ma kinux faċli fix-xena internazzjonali.  Id-dinja għaddiet, u għadha għaddejja, minn kriżi finanzjarja u ekonomika li kkawżat tnaqqis fl-attività ekonomika, telf ta’ impiegi u diffikultajiet finanzjarji mhux żgħar.  Xi pajjiżi sabu ruħhom għall-għarrieda fi kriżi finanzjarja u ekonomika li ma kinux qed jistennew li taħkem b’effetti daqshekk serji.  Pajjiżna ħassha wkoll din il-kriżi imma l-għaqal tal-Maltin deher ċar u l-effetti ta’ dak li ġara barra xtutna nħass b’mod kontenut.  Veru li ntilfu numru ta’ impiegi, u wieħed iħoss simpatija ma’ dawk li ntlaqtu direttament, imma aħna rnexxilna nilqgħu kemm stajna għall-effetti globali tal-gwaj li ġie fuqna minn barra.  Għas-sena li ġejja, nittamaw li nibdew noħorġu mill-effetti tar-riċessjoni mondjali bl-inqas uġiegħ possibbli sabiex pajjiżna jkompli miexi fit-triq tal-progress.
Aħna lkoll nistgħungħinu sabiex pajjiżna jegħleb id-diffikultajiet u jimxi ‘l quddiem -  kull wieħed minna skond il-funzjoni tiegħu fil-ħajja.
Huwa dmir ta’kulħadd li jaqdi d-doveri tiegħu sewwa u jagħti ġurnata tax-xogħol kif jistħoqq.  Huwa dmir tagħna lkoll li nibżgħu għal pajjiżna billi nżommuh fl-aħjar stat possibbli kemm għalina stess u kemm għall-barranin li jżuruna.  Wieħed mill-pilastri tal-ekonomija tagħna huwa t-turiżmu u jkun ta’ ġid għalina li ma nipperikolawx din l-industrija billi nkunu traskurati f’dak li jolqot l-ambjent.
Fis-sena li ġejja,l-Unjoni Ewropea sejra tgħaddi minn ċertu tibdil bħala riżultat tat-Trattat ta’ Lisbona li ġie fis-seħħ fl-ewwel ta’ Diċembru. Hu maħsub u ttamat li l-Unjoni tersaq aktar lejn il-Popli tagħha u li dawn iħossu ruħhom aktar integrati fiha: Popli Ewropej magħqudin flimkien fid-diversità.
Is-sena li ġejja,f’April, se jkollna x-xorti li nilqgħu fostna lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedettu XVI li se jiġi għall-ewwel żjara tiegħu f’Malta.  Kif tafu, fl-ewwel żjara tiegħi barra minn Malta wara l-ħatra bħala President, jiena mort il-Vatikan u ltqajt mal-Qdusija Tiegħu l-Papa li wrieni x-xewqa li jiġi Malta u jiena aċċettajt bil-ferħa. Jiena ċert li din iż-żjara tgħin sabiex aħna l-Maltin nerġgħu nġeddu l-valuri sbieħ li matul l-istorja tagħna tawna s-saħħa biex nibnu soċjetà li ma tħalli lil ħadd barra u li rnexxielha tiżviluppa u timxi ‘l quddiem minkejja ċ-ċokon u n-nuqqas ta’ riżorsi materjali tagħna.
F’pajjiżna kulħaddgħandu postu skond l-abbiltajiet tiegħu.  Kulħadd għandu d-dritt li jimxi ‘l quddiem ħalli jtejjeb il-pożizzjoni tiegħu għalih u għall-familja tiegħu.  Ħadd m’għandu jkun eskluż, la fuq bażi ta’ diżabilità fiżika jew mentali, la fuq bażi ta' kulur tal-ġilda, la fuq bażi ta’ sess, la fuq bażi ta’ opinjonijiet politiċi jew soċjali, la minħabba l-kundizzjoni familjari tiegħu u lanqas minħabba xi twemmin reliġjuż. Iż-żgħażagħ għandhom opportunitajiet ta’ studju u taħriġ daqs qatt qabel, kemm Malta u kemm barra minn xtutna, u wieħed jixtieq li ż-żgħażagħ kollha tagħna jitbiegħdu minn dak kollu li mhux ta’ ġid għalihom u jistinkaw u jimxu ‘l quddiem għax huma l-futur u t-tama ta’ pajjiżna.
Aħna l-Maltin dejjemkellna valuri sodi fejn tidħol il-familja u din hija ħaġa li ta’ min jgħożżha sew. Dan huwa valur imsejjes fuq it-tradizzjonijiet tagħna, valur li jħares lejn il-familja bħala soċjetà fejn issaltan l-għaqda, l-għajnuna reċiproka, u r-rispett bejn il-familjari, l-ulied u l-ġenituri.  Il-Maltin għad għandhom ukoll rispett lejn il-ħajja sa mill-bidu l-aktar bikri tagħha u t-tmiem naturali tagħha.
Fost il-valuri sbieħli l-Maltin huma magħrufin għalihom, insemmi s-solidarjetà u l-fraternità ta’ bejnietna,  il-kompassjoni, il-karità u l-ġenerożità.  Is-servizzi soċjali weħidhom mhux bil-fors li jolqtu l-ħtiġijiet kollha ta’ min hu fil-bżonn u għalhekk il-Community Chest Fund jgħin sabiex tittaffa t-tbatija ta’ ħutna li jkunu f’xi diffikultà.  M’hemm l’ebda sodisfazzjon fil-ħajja akbar minn dak li tħenn għal min ikun fil-bżonn u turi li, bħas-Samaritan it-Tajjeb, inti ma tibqax għaddej imma tieqaf ħalli tgħin b’imħabba lill-proxxmu tiegħek.  Għalhekk, nitlobkom li, waqt li tkunu qed tgawdu l-festi sbieħ ta’ dawn il-ġranet, tkunu ġenerużi ma’ ħutna li jenħtieġu l-għajnuna tagħna.
Nagħlaq danil-messaġġ billi nawgura lilkom ilkoll, Maltin u Għawdxin, Milied ħieni magħqudin flimkien u sena ġdida mimlija ferħ, saħħa, risq u paċi.

Grazzi ħafna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow