Left arrow Mur Lura

Messagg mill-Prim Ministru, l-Onor Lawrence Gonzi ghall-Milied u s-Sena l-Gdida lill-Maltin u l-Ghawdxin li jghixu barra minn Malta

pr2212
Date Icon 20/12/2009
Għalkemm il-Maltin li jgħixubarra, jinsabu fejn jinsabu,  huma dejjem fi ħsiebna, l-istaġun tal-Milied huwa aktarx l-isbaħ żmien tas-sena biex nuru r-rabta kbira ta’ bejnietna.  U biex niftakru f’dak kollu li jagħmilna dejjem Maltin, anki jekk id-distanzi jkunu kbar.
F’dan iż-żmien inġeddu x-xewqattagħna lil xulxin.  Naħseb li dan iż-żmien huwa fuq kollox xieraq biex niftakru li r-rabta bejn il-Maltin li jgħixu Malta u l-Maltin li jgħixu mxerrdin mad-dinja hi dejjem qawwija, sħiħa u sinċiera. Aħna grati ħafna lejkom li  ġarrejtu l-identità Maltija magħkom kull fejn mortu, u żammejtuha biex għaddejtuha anki lil ġenerazzjonijiet ta’ warajkom.
Pajjiżna jagħraf il-progresstiegħu lill-ħidma tal-unika riżorsa li għandna, li hi l-ħila u l-għaqal tagħna. Dan jgħodd għalina l-Maltin li ngħixu fil-gżira, u jgħodd ukoll għalikom, ħutna li bnejtu l-ħajja tagħkom f’pajjiżi oħrajn. Is-suċċess li intom irnexxielkom tagħmlu fil-pajjiż li laqagħkom huwa għajn tal-akbar sodisfazzjon għalina lkoll, u Malta ssellmilkom għal dan u tirringrazzjakom.
Meta nqallbu l-istorjatal-emigrazzjoni Maltija naraw minnufih liema eżempju tajjeb il-komunitajiet Maltin ipprovdew lil kull pajjiż fejn marru biex bnew il-futur tagħhom.  Jinstema’ dejjem l-istess ġudizzju dwarkom il-Maltin li tgħixu barra: kemm intom nies tal-familja, kemm taħdmu bis-sħiħ, u kemm irnexxielkom tibqgħu Maltin waqt li integrajtu ruħkom sew mal-komunitajiet l-oħra fejn tinsabu.  Din l-armonija ma’ pajjiżkom u mal-pajjiż li laqagħkom hi tassew kumpliment għall-karattru Malti.
Dawn ma humiex  merti żgħar,anzi huma merti li għandhom effett morali kbir fuqna li ngħixu f’Malta. Bis-saħħa tagħkom li tgħixu barra minn Malta aħna nħossu li parti minna tinsab timraħ f’pajjiżi wisq akbar; pajjiżi li fihom ukoll tinbena speċi ta’ Malta żgħira oħra. Nista’ naċċerta lill-komunitajiet Maltin kollha, imxerrdin f’diversi pajjiżi, li intom tinsabu dejjem f’qalbna u li kull sforz li jsir biex tikber ir-rabta ta’ bejnietna huwa dejjem apprezzat.
Il-gratitudni tal-Maltin f’Maltalejkom hija kbira għaliex mhux biss intom tibqgħu dejjem parti mill-familja tagħna, iżda wkoll għaliex intom tajtu s-sehem tagħkom ukoll fil-bini ta’ Malta kif inhi llum. Intom għamiltu dan qabelxejn billi  ġarrejtu l-isem ta’ pajjiżna lil hinn minn xtutna, u żammejtu l-identità ta’ pajjiżkom,  u anki billi għamiltu isem sabiħ kemm għalikom u kemm għal Malta nnifisha.  Dawn huma għalina merti kbar għaliex il-pajjiż tagħna, ċkejken kif inhu, jeħtieġ dejjem reklam tajjeb fil-pajjiżi mbegħdin minnu.
Niftaħru li kien u nittamaw lijibqa’ jkun l-għaqal tagħna lkoll li jwassalna biex minn pajjiż ċkejken nibnu dejjem aktar pajjiż li għandu l-istatura sħiħa ta’ nazzjon u ta’ stat.  Kien l-għaqal tagħna li wassalna biex naraw lil Malta taqbad it-triq tal-progress fl-oqsma kollha tal-ħajja.  Dan il-progress wassal biex pajjiżna kattar l-impiegi u tejjeb il-kundizzjonijiet kemm tax-xogħol u kemm tal-għajxien. Dan il-progress jidher ċar għal kull min iżur lil Malta minn żmien għal ieħor u jara b’liema entużjażmu u b’liema determinazzjoni l-Maltin jaħdmu biex jaraw lil pajjiżna miexi ’l quddiem.  Dan komplejna nagħmluh b’mod partikolari din is-sena fejn Malta, bħal kull pajjiż ieħor, ħasset l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja li laqtet lid-dinja.  Irridu nkomplu naħdmu biex matul l-2010 il-ġerħa li ħass kull pajjiż u l-weġgħat li ħassew in-nies minħabba din il-kriżi, ifiequ.
Is-sena li deħlin fiha għandhatkun sena li tkompli tkabbar u ssaħħaħ ir-rabta ta’ bejnietna. Apparti li hi sena li fiha se nfakkru r-rabta storika antika bejn Malta u San Pawl, fatt storiku u kulturali importanti, is-sena l-ġdida se tara fostna lill-Papa Benedittu XVI.  B’din iż-żjara nittamaw li tidher dejjem aktar l-għaqda li torbot lill-Maltin flimkien. Nittamaw li ċ-ċelebrazzjonijiet li se jsiru jkunu mezz siewi ieħor biex, fost l-oħrajn, tikber u tisseddaq ir-rabta bejna l-Maltin, kemm bejnietna li ngħixu hawn Malta, u kemm bejna u bejnkom, ħutna mxerrdin mad-dinja.  Nistedinkom li aktar minn qatt qabel permezz tat-teknoloġija u l-mezzi ta’ komunikazzjoni ssewgu dak li se jkun qiegħed jiġri f’Malta.  Nistedinkom tingħaqdu magħna f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet li se jsiru f’Malta.
Minn qalbi nixtieq lilkom u lilqrabatkom Milied hieni u s-sena t-tajba.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow