Left arrow Mur Lura

Indirizz mill-E.T. Dott. George Abela, President ta’ Malta, fl-okkazjoni ta’ Jum ir-Repubblika - Sala tal-Gran Kunsill, Il-Palazz, Valletta  - il-Hadd, 13 ta’ Dicembru 2009

pr2154
Date Icon 13/12/2009
Illumqegħdin niċċelebraw il-ħamsa u tletin anniversarju mill-proklamazzjoni tar-Repubblika.  Mal-kisba tal-Indipendenza fl-1964, Malta, minkejja l-fatt li ma kien hemm l-ebda familja rjali jew dinastija monarkika Maltija, kellha kostituzzjoni monarkika fejn it-titolari ta’ kuruna ta’ Stat ieħor, rappreżentata minn gvernatur, kienet ukoll il-Kap tal-Istat ta’ Malta.  Wara għaxar snin ta’ monarkija, il-Parlament Malti b’maġġoranza kbira, iddeċieda li Malta ssir repubblika u li b’hekk il-Kap ta’ Stat ikun ċittadin Malti.  Dan kien pass storiku u determinanti fl-evoluzzjoni kostituzzjonali ta’ Malta li, wara għaxar snin indipendenti, kienet rabbiet biżżejjed kunfidenza fiha nnifisha sabiex tkompli tinqata’ mill-irbit tal-passat u taħtar wieħed minn uliedha denji bħala President tar-Repubblika.
Hawnhekk,jiena nrodd ġieħ lill-ewwel President Malti, Sir Anthony Mamo, li ħalla din id-dinja s-sena li għaddiet, kif ukoll lill-Presidenti u Aġenti Presidenti kollha kemm dawk li ħallewna u kemm dawk li għadhom mimlijin bil-għomor.  Kollha kemm huma taw sehem importanti skont iċ-ċirkostanzi taż-żmien li matulu qdew il-kariga ta’ Kapijiet tal-Istat Malti.
Il-bidlagħal Kostituzzjoni repubblikana u l-ħatra ta’ Kap ta’ Stat Malti ġabu bidla fuq kif il-Poplu Malti jħares lejn il-Kostituzzjoni tiegħu.  Il-Kap tal-Istat illum huwa Malti li jissimbolizza l-identità nazzjonali Maltija u jista’ jifhem aħjar lill-Poplu ta’ pajjiżu bħalma, bl-istess mod, il-Poplu jista’ jidentifika ruħu aħjar u aktar mill-qrib ma’ Kap ta’ Stat li jitkellem il-lingwa tiegħu.  Barra minn dan, il-Presidenza saret kariga elettiva, għażla tal-Parlament Malti, u mhux aktar kariga ereditarja.  Daħlet, b’hekk, aktar demokrazija fl-għażla tal-Kap tal-Istat li huwa s-simbolu tal-għaqda u l-unità tal-pajjiż għaliex jirrappreżenta lill-Maltin kollha mingħajr l-ebda eċċezzjoni jew distinzjoni, inklużi l-Maltin li ħallew xtutna u bnew ħajja fil-pajjiżi fejn emigraw imma baqgħu jħossu li huma Maltin.  Fil-każ speċifiku tal-elezzjoni tiegħi, dehret aktar u aktar il-maturità politika tan-Nazzjon meta jiena ġejt elett mill-Kamra tad-Deputati b’vot unanimu.
Il-President mhux biss Kap tal-Istat immasimbolu ħaj tan-Nazzjon li hu jagħmel parti integrali minnu u jiena kburi ħafna b’dan.  In-Nazzjon Malti għandu storja antika.  Il-Maltin, anki tul is-sekli twal meta Malta kienet taħt id-dominazzjoni ta’ potenzi oħra, dejjem identifikaw ruħhom bħala Maltin.  Jista’ jkollna differenzi bejnietna, nistgħu ma naqblux fuq ċerti affarijiet politiċi jew soċjali, imma aħna Poplu u Nazzjon wieħed.  Jiena nixtieq illi s-sentiment ta’ Nazzjon ikompli joktor u jissaħħaħ fostna l-Maltin.  Jiena hawn m’iniex nipprova nqanqal xi sens ta’ nazzjonaliżmu fanatiku u inqas u inqas ta’ xenofobija.  Li qiegħed nipprova ngħid hu li s-sens tagħna ta’ Nazzjon jista’ jixxettel iżjed jekk nikkonċentraw aktar fuq l-għaqda mhux fuq dak li jista’ jifridna, fuq dak li jaċċentwa l-karatteristiċi li jagħmluna Maltin – il-lingwa għażiża tagħna, it-tradizzjonijiet, il-kultura, it-twemmin, il-valuri, il-bżulija u l-għożża tal-familja u dak kollu li jagħżilna minn Popli oħra bħala Maltin – u mhux nikkonċentraw fuq id-differenzi.
L-obbligiewlenin tal-President ta’ Malta huma mfissra fil-Kostituzzjoni u hemm xi doveri oħra li joħorġu minn xi liġijiet oħrajn.  Bħala simbolu tal-Istat u tan-Nazzjon, il-President huwa wkoll garanti tal-istituzzjonijiet tal-Istat u tal-Kostituzzjoni.  Il-President m’għandux fil-prattika poteri li jiggverna għalkemm huwa nominalment il-Kap tal-Eżekuttiv u, bħala prinċipju, irid ikun super partes, jiġifieri ma jxaqleb lejn ebda partit politiku.  Hu sew li jkun hekk.  Madankollu, il-President xorta waħda għandu jinżamm u jżomm ruħu infurmat il-ħin kollu b’dak li qed jiġri, irid ikollu l-polz tal-pajjiż f’idejh u jħoss it-taħbit tal-qalb tal-Poplu.  Li jżomm ’il bogħod mill-politika partiġjana ma jfissrix li ma jkollux opinjonijiet ta’ natura politika, soċjali jew reliġjuża u, fejn iħoss li hu għall-ġid komuni, ifissirhom skont iċ-ċirkostanzi partikolari jew fil-privat mal-awtoritajiet jew organi politiċi u eżekuttivi jew fil-miftuħ bl-akbar diskrezzjoni u prudenza u mingħajr ma jxaqleb lejn l-ebda naħa politika jew jidħol fid-dibattitu kontroversjali.
Il-President, bħala r-rappreżentant tal-Istat utan-Nazzjon bil-poteri tiegħu ċirkoskritti skont il-Kostituzzjoni u l-konvenzjonijiet kostituzzjonali, m’għandux poter ta’ koerżjoni effettiva jew poter li jimponi iżda għandu l-awtorità morali.  L-awtorità morali tiġi mill-fatt li hu qiegħed hemm biex iservi u mhux biex jinqeda, iservi b’sens ta’ kburija lejn il-missjoni tiegħu imma b’umiltà u mħabba lejn pajjiżu u l-Poplu kollu.  L-awtorità morali tiegħu hija msejsa fuq l-imparzjalità tiegħu u l-għaqda li jista’ jnissel għall-għan aħħari li hu l-ġid komuni tan-Nazzjon.
Nemmen lil-President huwa wkoll il-kustodju tal-patrimonju kulturali tan-Nazzjon li jinkludi mhux biss il-wirt kulturali materjali bħall-bini storiku, is-siti arkeoloġiċi u l-wirt artistiku u ambjentali imma wkoll il-patrimonju spiritwali.  Patrimonju spiritwali ma jfissirx biss valuri reliġjużi, għalkemm dawn huma importanti ħafna, imma anki l-wirt etiku, dak li jgħolli l-ispirtu.  Jiena nħossni fid-dover li ninkoraġġixxi li dan jiġi mħares b’kull mod mhux biss mill-Istat imma wkoll mill-għaqdiet volontarji u saħansitra minn kull wieħed u waħda minna.
Il-Maltinhuma magħrufa, u dan jixhduh anki intraprendituri barranin, għall-bżulija tagħhom.  Ix-xogħol huwa valur importanti mhux biss għall-ekonomija imma għax permezz tiegħu l-bniedem iħossu realizzat.  Jiena nitnikket meta nara ħaddiema jitilfu l-post tax-xogħol minħabba l-kriżi ekonomika mondjali li ma setgħetx ma tolqotx lilna wkoll.  Il-Kostituzzjoni repubblikana, sa mill-ewwel kapitlu, tiddikjara ċar li “Malta hija repubblika demokratika bbażata fuq ix-xogħol...”.  Dan l-artiklu jfisser ħafna.  Ix-xogħol sar il-pedament tar-repubblika, ix-xogħol ingħata dinjità fundamentali fid-dokument l-aktar importanti u sinifikattiv fl-ordinament ġuridiku ta’ Malta u dawk li jaħdmu ġew rikonoxxuti bħala l-protagonisti li fuqhom jistrieħ il-pajjiż.
Fl-istessnifs, l-ewwel artiklu jissokta jgħid li r-Repubblika hija bbażata fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwu.  Tajjeb li nfakkar, bħala l-Kap tal-Istat, illi l-Istat jeżisti għall-individwu u mhux l-individwu għall-Istat.  Il-Kostituzzjoni tirrikonoxxi u tiddefendi l-kunċett li l-individwu huwa l-pern li fuqu tinbena s-soċjetà u li dan l-individwu għandu libertajiet u drittijiet inaljenabbli kif jixirqu lil ċittadin f’demokrazija li tħaddan l-aqwa valuri tal-kultura tagħna.  Kull individwu għandu l-valur inestimabbli tiegħu hi x’inhi l-funzjoni tiegħu fis-soċjetà, hu x’inhu l-livell ta’ tagħlim li laħaq u hu x’inhu l-istat tiegħu.  Is-soċjetà tinkludi lil kulħadd indaqs, mingħajr l-ebda diskriminazzjoni u, jekk xi ħadd iħossu diskriminat b’xi mod, sew politiku, soċjali, sesswali, razzjali jew reliġjuż, din id-diskriminazzjoni għandha titneħħa għax mhix denja ta’ demokrazija fejn l-opportunitajiet għandhom ikunu ugwali għal kulħadd.  Hekk titlob il-ġustizzja u hekk titlob il-Kostituzzjoni tagħna.
Illumjidher ċar li hawn kunsens wiesa’ ħafna dwar is-sħubija ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea u l-Maltin, kulma jmorru, mingħajr ma jinsew li huma Maltin, qed iħossuhom iktar ċittadini ta’ din il-familja kbira ta’ nazzjonijiet.  L-Ewropa għandha tradizzjoni millenarja b’għeruq fil-Kristjaneżmu u nħoss li dan għandu jibqa’ valur importanti għalina lkoll.  Għalkemm huwa aċċettat li jkun hemm separazzjoni bejn Stat u Knisja, dan ma jfissirx li għandna nabbandunaw il-valuri tradizzjonali Kristjani tagħna u minflokhom noħolqu vojt fil-valuri.  Għalhekk, filwaqt li nimmilitaw sabiex jiġu mħarsa kif jixraq id-drittijiet umani li jinkludu l-libertà tal-kult u tal-espressjoni, dan ma jfissirx li l-Ewropa għandha tinsa l-kultura tradizzjonali tagħha u tisfa kontinent bla ruħ f’ġieħ korrettezza politika bla direzzjoni.  Il-bniedem u r-rispett lejn id-drittijiet umani jinsabu fil-qalba tal-Kristjaneżmu u għalhekk mhux faċli tifhem kif dan it-twemmin, li fuqu ssawret il-kultura Ewropea, jew is-simboli tiegħu, jistgħu b’xi mod jitqiesu li jiksru d-drittijiet umani kif intqal dan l-aħħar.
Kif inhumagħruf, il-President huwa l-gwardjan tal-Kostituzzjoni u tad-demokrazija.  Il-Kostituzzjoni tgħid ċar li wieħed mill-organi l-aktar fundamentali tad-demokrazija, il-Parlament, jikkonsisti fil-President u l-Kamra tad-Deputati.  Huwa ta’ sodisfazzjon li ninnota t-twaqqif ta’ Kumitat Magħżul li jinkludi membri taż-żewġ naħat tal-Kamra sabiex jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Parlament fuq materji li jolqtu t-tisħiħ tad-demokrazija u tat-trasparenza u, fost affarijiet oħra, it-tisħiħ tal-istituzzjoni tal-Ombudsman billi din l-istituzzjoni tingħata r-responsabbiltà li tikkoordina l-proċessi dwar l-ilmenti amministrattivi fis-settur pubbliku kollu.
Għandi għaxnifhem li dan il-Kumitat se jeżamina wkoll il-funzjonijiet u d-doveri tal-Presidenza u kif dawn evolvew tul dawn l-aħħar 35 sena sabiex jiġu aġġornati għaż-żminijiet tal-lum u ma jibqgħux jirriflettu xi vestiġju taż-żmien kolonjali.
Jienatal-fehma wkoll li wasal iż-żmien biex il-forzi politiċi ta’ pajjiżna jibdew jiddiskutu l-proposta għat-twaqqif tal-Kunsill tal-Istat iffurmat, fost oħrajn, mill-President attwali, mill-Prim Ministru, mill-Kap tal-Oppożizzjoni u mill-Presidenti Emeriti li, għalkemm dawn tal-aħħar m’għadhomx jokkupaw il-kariga, xorta għandhom esperjenza twila x’joffru għall-ġid komuni tas-soċjetà Maltija.  Il-Kunsill tal-Istat li jkun wieħed konsultattiv jista’ jkun ta’ għajnuna fid-diskussjoni ta’ materji varji li jqumu minn żmien għal żmien.
F’danil-jum, jingħataw onorifiċenzi lill-personalitajiet li jimmeritahom dan minħabba l-kontribut li taw lis-soċjetà Maltija, min f’qasam u min f’qasam ieħor.  Dawn il-persuni li se jiġu onorati llum għandhom ikunu ta’ eżempju lil kulħadd u jħajru lil ħaddieħor sabiex jagħmel li jista’ fil-ħidma tiegħu lejn in-Nazzjon u għall-ġid ta’ għajru.  Ta’ dan, jien nirringrazzjahom f’ismi u f’isem il-Poplu Malti.  Ma jfissirx li min ma jirċevix dawn l-onorifiċenzi mhux apprezzat jekk hu wkoll ikun ta kontribut siewi.  Jiena ċert li hawn ħafna nies li f’setturi differenti taw u qed jagħtu kontribut lis-soċjetà u ta’ dan nesprimi lilhom ukoll l-apprezzament sħiħ tiegħi.
Grazzi ul-festi t-tajba lil kulħadd.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow