Indirizz mill-E.T. Dott. George Abela, President ta’ Malta, fl-okkazjoni ta’ Jum ir-Repubblika - Sala tal-Gran Kunsill, Il-Palazz, Valletta - il-Hadd, 13 ta’ Dicembru 2009
pr2154
13/12/2009
| Illum | qegħdin niċċelebraw il-ħamsa u tletin anniversarju mill-proklamazzjoni tar-Repubblika. Mal-kisba tal-Indipendenza fl-1964, Malta, minkejja l-fatt li ma kien hemm l-ebda familja rjali jew dinastija monarkika Maltija, kellha kostituzzjoni monarkika fejn it-titolari ta’ kuruna ta’ Stat ieħor, rappreżentata minn gvernatur, kienet ukoll il-Kap tal-Istat ta’ Malta. Wara għaxar snin ta’ monarkija, il-Parlament Malti b’maġġoranza kbira, iddeċieda li Malta ssir repubblika u li b’hekk il-Kap ta’ Stat ikun ċittadin Malti. Dan kien pass storiku u determinanti fl-evoluzzjoni kostituzzjonali ta’ Malta li, wara għaxar snin indipendenti, kienet rabbiet biżżejjed kunfidenza fiha nnifisha sabiex tkompli tinqata’ mill-irbit tal-passat u taħtar wieħed minn uliedha denji bħala President tar-Repubblika. |
| Hawnhekk, | jiena nrodd ġieħ lill-ewwel President Malti, Sir Anthony Mamo, li ħalla din id-dinja s-sena li għaddiet, kif ukoll lill-Presidenti u Aġenti Presidenti kollha kemm dawk li ħallewna u kemm dawk li għadhom mimlijin bil-għomor. Kollha kemm huma taw sehem importanti skont iċ-ċirkostanzi taż-żmien li matulu qdew il-kariga ta’ Kapijiet tal-Istat Malti. |
| Il-bidla | għal Kostituzzjoni repubblikana u l-ħatra ta’ Kap ta’ Stat Malti ġabu bidla fuq kif il-Poplu Malti jħares lejn il-Kostituzzjoni tiegħu. Il-Kap tal-Istat illum huwa Malti li jissimbolizza l-identità nazzjonali Maltija u jista’ jifhem aħjar lill-Poplu ta’ pajjiżu bħalma, bl-istess mod, il-Poplu jista’ jidentifika ruħu aħjar u aktar mill-qrib ma’ Kap ta’ Stat li jitkellem il-lingwa tiegħu. Barra minn dan, il-Presidenza saret kariga elettiva, għażla tal-Parlament Malti, u mhux aktar kariga ereditarja. Daħlet, b’hekk, aktar demokrazija fl-għażla tal-Kap tal-Istat li huwa s-simbolu tal-għaqda u l-unità tal-pajjiż għaliex jirrappreżenta lill-Maltin kollha mingħajr l-ebda eċċezzjoni jew distinzjoni, inklużi l-Maltin li ħallew xtutna u bnew ħajja fil-pajjiżi fejn emigraw imma baqgħu jħossu li huma Maltin. Fil-każ speċifiku tal-elezzjoni tiegħi, dehret aktar u aktar il-maturità politika tan-Nazzjon meta jiena ġejt elett mill-Kamra tad-Deputati b’vot unanimu. |
| Il-President mhux biss Kap tal-Istat imma | simbolu ħaj tan-Nazzjon li hu jagħmel parti integrali minnu u jiena kburi ħafna b’dan. In-Nazzjon Malti għandu storja antika. Il-Maltin, anki tul is-sekli twal meta Malta kienet taħt id-dominazzjoni ta’ potenzi oħra, dejjem identifikaw ruħhom bħala Maltin. Jista’ jkollna differenzi bejnietna, nistgħu ma naqblux fuq ċerti affarijiet politiċi jew soċjali, imma aħna Poplu u Nazzjon wieħed. Jiena nixtieq illi s-sentiment ta’ Nazzjon ikompli joktor u jissaħħaħ fostna l-Maltin. Jiena hawn m’iniex nipprova nqanqal xi sens ta’ nazzjonaliżmu fanatiku u inqas u inqas ta’ xenofobija. Li qiegħed nipprova ngħid hu li s-sens tagħna ta’ Nazzjon jista’ jixxettel iżjed jekk nikkonċentraw aktar fuq l-għaqda mhux fuq dak li jista’ jifridna, fuq dak li jaċċentwa l-karatteristiċi li jagħmluna Maltin – il-lingwa għażiża tagħna, it-tradizzjonijiet, il-kultura, it-twemmin, il-valuri, il-bżulija u l-għożża tal-familja u dak kollu li jagħżilna minn Popli oħra bħala Maltin – u mhux nikkonċentraw fuq id-differenzi. |
| L-obbligi | ewlenin tal-President ta’ Malta huma mfissra fil-Kostituzzjoni u hemm xi doveri oħra li joħorġu minn xi liġijiet oħrajn. Bħala simbolu tal-Istat u tan-Nazzjon, il-President huwa wkoll garanti tal-istituzzjonijiet tal-Istat u tal-Kostituzzjoni. Il-President m’għandux fil-prattika poteri li jiggverna għalkemm huwa nominalment il-Kap tal-Eżekuttiv u, bħala prinċipju, irid ikun super partes, jiġifieri ma jxaqleb lejn ebda partit politiku. Hu sew li jkun hekk. Madankollu, il-President xorta waħda għandu jinżamm u jżomm ruħu infurmat il-ħin kollu b’dak li qed jiġri, irid ikollu l-polz tal-pajjiż f’idejh u jħoss it-taħbit tal-qalb tal-Poplu. Li jżomm ’il bogħod mill-politika partiġjana ma jfissrix li ma jkollux opinjonijiet ta’ natura politika, soċjali jew reliġjuża u, fejn iħoss li hu għall-ġid komuni, ifissirhom skont iċ-ċirkostanzi partikolari jew fil-privat mal-awtoritajiet jew organi politiċi u eżekuttivi jew fil-miftuħ bl-akbar diskrezzjoni u prudenza u mingħajr ma jxaqleb lejn l-ebda naħa politika jew jidħol fid-dibattitu kontroversjali. |
| Il-President, bħala r-rappreżentant tal-Istat u | tan-Nazzjon bil-poteri tiegħu ċirkoskritti skont il-Kostituzzjoni u l-konvenzjonijiet kostituzzjonali, m’għandux poter ta’ koerżjoni effettiva jew poter li jimponi iżda għandu l-awtorità morali. L-awtorità morali tiġi mill-fatt li hu qiegħed hemm biex iservi u mhux biex jinqeda, iservi b’sens ta’ kburija lejn il-missjoni tiegħu imma b’umiltà u mħabba lejn pajjiżu u l-Poplu kollu. L-awtorità morali tiegħu hija msejsa fuq l-imparzjalità tiegħu u l-għaqda li jista’ jnissel għall-għan aħħari li hu l-ġid komuni tan-Nazzjon. |
| Nemmen li | l-President huwa wkoll il-kustodju tal-patrimonju kulturali tan-Nazzjon li jinkludi mhux biss il-wirt kulturali materjali bħall-bini storiku, is-siti arkeoloġiċi u l-wirt artistiku u ambjentali imma wkoll il-patrimonju spiritwali. Patrimonju spiritwali ma jfissirx biss valuri reliġjużi, għalkemm dawn huma importanti ħafna, imma anki l-wirt etiku, dak li jgħolli l-ispirtu. Jiena nħossni fid-dover li ninkoraġġixxi li dan jiġi mħares b’kull mod mhux biss mill-Istat imma wkoll mill-għaqdiet volontarji u saħansitra minn kull wieħed u waħda minna. |
| Il-Maltin | huma magħrufa, u dan jixhduh anki intraprendituri barranin, għall-bżulija tagħhom. Ix-xogħol huwa valur importanti mhux biss għall-ekonomija imma għax permezz tiegħu l-bniedem iħossu realizzat. Jiena nitnikket meta nara ħaddiema jitilfu l-post tax-xogħol minħabba l-kriżi ekonomika mondjali li ma setgħetx ma tolqotx lilna wkoll. Il-Kostituzzjoni repubblikana, sa mill-ewwel kapitlu, tiddikjara ċar li “Malta hija repubblika demokratika bbażata fuq ix-xogħol...”. Dan l-artiklu jfisser ħafna. Ix-xogħol sar il-pedament tar-repubblika, ix-xogħol ingħata dinjità fundamentali fid-dokument l-aktar importanti u sinifikattiv fl-ordinament ġuridiku ta’ Malta u dawk li jaħdmu ġew rikonoxxuti bħala l-protagonisti li fuqhom jistrieħ il-pajjiż. |
| Fl-istess | nifs, l-ewwel artiklu jissokta jgħid li r-Repubblika hija bbażata fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwu. Tajjeb li nfakkar, bħala l-Kap tal-Istat, illi l-Istat jeżisti għall-individwu u mhux l-individwu għall-Istat. Il-Kostituzzjoni tirrikonoxxi u tiddefendi l-kunċett li l-individwu huwa l-pern li fuqu tinbena s-soċjetà u li dan l-individwu għandu libertajiet u drittijiet inaljenabbli kif jixirqu lil ċittadin f’demokrazija li tħaddan l-aqwa valuri tal-kultura tagħna. Kull individwu għandu l-valur inestimabbli tiegħu hi x’inhi l-funzjoni tiegħu fis-soċjetà, hu x’inhu l-livell ta’ tagħlim li laħaq u hu x’inhu l-istat tiegħu. Is-soċjetà tinkludi lil kulħadd indaqs, mingħajr l-ebda diskriminazzjoni u, jekk xi ħadd iħossu diskriminat b’xi mod, sew politiku, soċjali, sesswali, razzjali jew reliġjuż, din id-diskriminazzjoni għandha titneħħa għax mhix denja ta’ demokrazija fejn l-opportunitajiet għandhom ikunu ugwali għal kulħadd. Hekk titlob il-ġustizzja u hekk titlob il-Kostituzzjoni tagħna. |
| Illum | jidher ċar li hawn kunsens wiesa’ ħafna dwar is-sħubija ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea u l-Maltin, kulma jmorru, mingħajr ma jinsew li huma Maltin, qed iħossuhom iktar ċittadini ta’ din il-familja kbira ta’ nazzjonijiet. L-Ewropa għandha tradizzjoni millenarja b’għeruq fil-Kristjaneżmu u nħoss li dan għandu jibqa’ valur importanti għalina lkoll. Għalkemm huwa aċċettat li jkun hemm separazzjoni bejn Stat u Knisja, dan ma jfissirx li għandna nabbandunaw il-valuri tradizzjonali Kristjani tagħna u minflokhom noħolqu vojt fil-valuri. Għalhekk, filwaqt li nimmilitaw sabiex jiġu mħarsa kif jixraq id-drittijiet umani li jinkludu l-libertà tal-kult u tal-espressjoni, dan ma jfissirx li l-Ewropa għandha tinsa l-kultura tradizzjonali tagħha u tisfa kontinent bla ruħ f’ġieħ korrettezza politika bla direzzjoni. Il-bniedem u r-rispett lejn id-drittijiet umani jinsabu fil-qalba tal-Kristjaneżmu u għalhekk mhux faċli tifhem kif dan it-twemmin, li fuqu ssawret il-kultura Ewropea, jew is-simboli tiegħu, jistgħu b’xi mod jitqiesu li jiksru d-drittijiet umani kif intqal dan l-aħħar. |
| Kif inhu | magħruf, il-President huwa l-gwardjan tal-Kostituzzjoni u tad-demokrazija. Il-Kostituzzjoni tgħid ċar li wieħed mill-organi l-aktar fundamentali tad-demokrazija, il-Parlament, jikkonsisti fil-President u l-Kamra tad-Deputati. Huwa ta’ sodisfazzjon li ninnota t-twaqqif ta’ Kumitat Magħżul li jinkludi membri taż-żewġ naħat tal-Kamra sabiex jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Parlament fuq materji li jolqtu t-tisħiħ tad-demokrazija u tat-trasparenza u, fost affarijiet oħra, it-tisħiħ tal-istituzzjoni tal-Ombudsman billi din l-istituzzjoni tingħata r-responsabbiltà li tikkoordina l-proċessi dwar l-ilmenti amministrattivi fis-settur pubbliku kollu. |
| Għandi għax | nifhem li dan il-Kumitat se jeżamina wkoll il-funzjonijiet u d-doveri tal-Presidenza u kif dawn evolvew tul dawn l-aħħar 35 sena sabiex jiġu aġġornati għaż-żminijiet tal-lum u ma jibqgħux jirriflettu xi vestiġju taż-żmien kolonjali. |
| Jiena | tal-fehma wkoll li wasal iż-żmien biex il-forzi politiċi ta’ pajjiżna jibdew jiddiskutu l-proposta għat-twaqqif tal-Kunsill tal-Istat iffurmat, fost oħrajn, mill-President attwali, mill-Prim Ministru, mill-Kap tal-Oppożizzjoni u mill-Presidenti Emeriti li, għalkemm dawn tal-aħħar m’għadhomx jokkupaw il-kariga, xorta għandhom esperjenza twila x’joffru għall-ġid komuni tas-soċjetà Maltija. Il-Kunsill tal-Istat li jkun wieħed konsultattiv jista’ jkun ta’ għajnuna fid-diskussjoni ta’ materji varji li jqumu minn żmien għal żmien. |
| F’dan | il-jum, jingħataw onorifiċenzi lill-personalitajiet li jimmeritahom dan minħabba l-kontribut li taw lis-soċjetà Maltija, min f’qasam u min f’qasam ieħor. Dawn il-persuni li se jiġu onorati llum għandhom ikunu ta’ eżempju lil kulħadd u jħajru lil ħaddieħor sabiex jagħmel li jista’ fil-ħidma tiegħu lejn in-Nazzjon u għall-ġid ta’ għajru. Ta’ dan, jien nirringrazzjahom f’ismi u f’isem il-Poplu Malti. Ma jfissirx li min ma jirċevix dawn l-onorifiċenzi mhux apprezzat jekk hu wkoll ikun ta kontribut siewi. Jiena ċert li hawn ħafna nies li f’setturi differenti taw u qed jagħtu kontribut lis-soċjetà u ta’ dan nesprimi lilhom ukoll l-apprezzament sħiħ tiegħi. |
| Grazzi u | l-festi t-tajba lil kulħadd. |
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990