IR-RAĦAL FIL-MILIED - NAXXAR
Il-Kunsill Lokali Naxxar se jorganizza suq tal-Milied nhar it-13 ta’ Diċembru 2009 bejn l-10.30 a.m. u l-11.00 p.m. fil-qalba tar-raħal bl-isem ‘IR-RAĦAL FIL-MILIED - Naxxar’.
Waqt konferenza stampa li matulha tnehdiet din l-attivita`, kien preżenti s-Segretarju Parlamentari Chris Said, li faħħar l-inizjattiva tal-Kunsill biex joħloq avveniment mhux biss għar-residenti kollha tan-Naxxar iżda wkoll biex iferraħ il-pubbliku li jagħżel li jżur il-lokalita` tan-Naxxar għal din iċ-ċelebrazzjoni ħelwa marbuta mal-Milied.
Chris Said semma kif l-attivitajiet li qed joħolqu l-Kunsilli Lokali qed jgħinu biex jiġġeneraw il-kummerċ fil-lokalitajiet rispettivi, u qed jinvolvu diversi setturi u għaqdiet lokali kif jixhed il-programm tan-Naxxar. Dawn l-attivitajiet qed jagħtu l-opportunita` wkoll lill-pubbliku biex iżur postijiet storiċi u ta’ interess li mhux faċli wieħed jara matul is-sena.
Fit-13 ta’ Diċembru fin-Naxxar, fl-10.30 ta’ filgħodu tibda l-parata mill-iscouts tan-Naxxar, li twassal sal-Knisja fejn issir quddiesa fil-preżenza tal-għaqdiet kollha fin-Naxxar. Wara jsir il-ftuħ uffiċjali tas-suq tal-Milied fejn fi Vjal il-Labour, se jkun hemm stalls ta’ ikel, ħelu, ġugarelli, prodotti tas-sbuħija u ħafna oħrajn minn fejn wieħed jista’ jagħmel ix-xirja tal-Milied u fl-istess ħin iduq xi ħaġa tajba. Il-Kor ta’ Ruth Sammut Casingena u anke dak ta’ San Damian li se jkantaw l-għanjiet tradizzjonali tal-Milied.
Triq Żenqa se tilbes il-libsa ta’ suq tal-fjuri fejn se jkun hemm stands bi fjuri, speċjalment ponsjetti.
It-tfal se jkollhom iż-żona tagħhom, b’logħob u animazzjoni għalihom, fosthom face painting, balloon modellers, stilt walkers u bouncing castles. Attrazzjoni ħelwa hija l-kollezzjoni privata fil-ħanut ‘Memories of Childhood’ fejn hemm esibiti djar tal-pupi antiki mill-isbaħ.
Fi Triq il-Kbira se jkun hemm presepju ħaj mill-isbaħ, b’madwar 40 attur u anke annimali li se jibdlu din it-triq antika fin-Naxxar. Fuq in-naħa l-oħra, fi Triq Santa Luċija se jkunn hemm il-villaġġ ta’ Santa Klaws fejn se jkun qiegħed bil-quadbike flimkien mal-Mother Christmas bejn l-4 p.m. u s-7 p.m. Fi Triq tal-Labour se tkun qed tintrema purtiera ta’ dawl mas-siġar li jagħtu lejn il-Knisja.
Bejn is-2.30 p.m. u t-3.30 p.m. fuq il-palk ta’ wara l-Kappella ta’ Santa Luċija, li fit-13 ta’ Diċembru taħbat il-festa tagħha, u allura se tkun armata b’mod tradizzjonali għall-festa, se jkun hemm il-band ‘Dukes Festival’ li ser tferraħ lill-pubbliku. Hanwhekk se jkun hemm ukoll stalls tal-ġugarelli, ħelu u kejkijiet u anke dar taċ-ċikkulata. Fi Triq il-Ħabs se jkollna log cake twil li jiżbokka fi Triq Żenqa.
L-iscouts li se jkollhom il-headquarters miftuħ għall-wiri u fit-trejqa ta’ ma ġenb il-bandli, se jarmaw ukoll tined tradizzjonali tal-iscouts u cubs u se jintwera kif jinħadmu l-għoqiedi.
Jispikka wkoll presepju magħmul minn artikli tal-baħar li ilu jagħmel unur lin-Naxxarin għal ħafna snin fi Vjal il-21 ta’ Settembru. Fl-istess triq se jkun hemm palk li fuqu se jkun hemm talent show għall-ħabta tas-7.15 p.m. u f’ħinijiet oħra se jkun hemm Christmas parades minn żeffiena flimkien ma’ mudelli professjonali, sal-pjazza.
Għall-ħabta tal-5.15 p.m. l-kor ‘Listen to Our Voices’ ta’ Priscilla Psaila se jkanta għanjiet tal-Milied quddiem is-siġra tradizzjonali tal-Milied ta’ quddiem il-Knisja, u se ssir il-mixegħla b’mod sorpriż, u anke jingħata Ġieħ in-Naxxar.
Fil-bini tal-kunsill lokali ukoll se jintwera kif jinħadem il-presepju Malti mill-Għaqda tal-Presepji, mudell ta’ Knisja mill-Għaqda Mudelli tal-Knejjes u anke xogħol tal-krafts. Se jkun hemm induratur Naxxari fl-isqaq li jinsab fin-nofs ta’ Triq Santa Luċija, u anke artisti jpinġu xenarji Naxxarin fil-pjazza u f’imkejjen oħra.
Lura fil-pjazza, kantanti u żeffiena ser ikunu jferrħu lill-pubbliku preżenti ma’ preżentaturi popolari fuq il-palk prinċipali. Is-Soċjetajiet tad-Duttrina Nisranija se jagħmlu l-purċissjoni tradizzjonali bil-Bambin flimkien mal-mużika ħelwa bid-daqq tat-tanbur u ż-żaqq.
Fit-7:45 ta’ flgħaxija, se jittella’ kunċert mill-Kor tan-Naxxar Jubilate Deo li se jinżamm fil-Knisja Parrokkjali.
Iż-żewġ soċjetajiet tal-banda, Victoria u Peace, se jkunu miftuħin għall-pubbliku, u wieħed se jkollu l-opportunità jara s-swali sbieħ li ż-żewġ każini huma mżejnin bihom, kif ukoll presepji mill-isbah minn artisti magħrufa.
Id-diriġenti ta’ Palazzo Parisio wkoll offrew li jiftħu l-palazz għall-prezz biss ta’ 2 ewro. Din hija opportunità fejn il-pubbliku jista’ jżur wieħed mill-isbaħ palazzi li nsibu fil-gżejjer Maltin.
Bosta hwienet se jkunu miftuha u għall-parkeġġ se jintuża l-eks Trade Fair Grounds. Minn hemm wieħed jista’ jibda billi jżur il-Kappella ta’ San Ġakbu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990