AĊĊESS MIFTUĦ GĦAT-TAGĦLIM
Il-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u l-MITA ikkofinanzjaw xogħol ta’ LAN extensions fi tnax-il skola primarja tal-Gvern. Għall-ewwel darba, il-klassijiet tal-kindergarten għandhom aċċess għall-internet. L-iskejjel primarji fejn saru x-xogħlijiet huma: Sta. Venera, B'Kara, Attard, Naxxar, Rabat, San Pawl il-Baħar, Fgura, Kalkara, Żabbar, Żejtun, Żurrieq, Ħamrun.
Punti mid-Diskors tal-Onor. Austin Gatt, Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, fl-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar.
o Iż-żgħażagħ tal-lum jikkomunikaw b’modi iktar avvanzati mill-ġenerazzjonijiet ta’ qabel.
o L-internet sar litteralment kritiku għall-ħajja taż-żgħażagħ u adulti. L-internet sar jintuża għal tant affarijiet diversi: xiri onlajn, riservar ta’ biljetti ta’ l-ajru, emajls flok ittri, riċerka ta’ informazzjoni u ħafna iktar.
o Fl-Ingilterra f’Ottubru ġie ppubblikat survey interessanti minn Professor Michael Hulme (Insitute for Advanced Studies, Lancaster University) ‘Life Support: Young People’s needs in a digital age’ ikkummissjonat minn YouthNet (organizzazzjoni onlajn tal-karita).
o L-għan ta’ l-istudju kien li minn riċerka fuq 994 żagħżugħ ta’ l-eta minn 16 sa 24 sena, jiġi studjat kif il-komunikazzjoni diġitali jkollha impatt fuq l-imġiba taż-żgħażagħ.
o L-istudju sab li:
- 75% miż-żgħażagħ intervistati qalu li ma jgħixux mingħajr l-Internet.
- 45% qalu li jħossuhom l-iktar kuntenti meta jkunu onlajn.
- 82% qalu li użaw l-internet biex ifittxu informazzjoni u pariri għalihom infusom, u
- 60% qalu li użaw l-internet biex ifittxu informazzjoni u pariri għal nies oħra.
o Dan l-istudju juri kemm l-internet mhuwiex biss mod ta’ kif wieħed iżomm kuntatt ma’ nies oħra.
o Min għandu 25 sena jew inqas huwa meqjus bħala digital native għaliex mdorri f’ambjent ta’ kompjuters, internet, mobajl, logħob diġitali. Iż-żgħażagħ tal-lum l-informazzjoni jriduha fl-immedjat, pereżempju l-internet jiffaċilita li ż-żgħażagħ isibu ħbiebhom onlajn x’ħin iridu.
o L-internet sar importanti għaż-żgħażagħ u t-tfal. Jekk aħna qabel konna mmorru l-librerija biex nagħmlu l-homework, issa t-tfal jużaw l-Internet. Jekk aħna qabel konna nilagħbu fit-toroq, it-tfal issa jilagħbu u jikkomunikaw flimkien mid-dar fuq l-internet.
o Niżbaljaw jekk ma napprezzawx biżżejjed l-importanza ta’ l-internet jew ma nħallux iż-żgħażagħ u tfal jaċċessaw l-internet, sakemm ngħallmu t-tfal ikunu attenti x’ jagħmlu fuq l-internet.
o L-internet huwa mezz ta’ komunikazzjoni importanti u ż-żgħażagħ u t-tfal jifmuh iktar milli naħsbu. Għalhekk huwa tajjeb li noffru iktar aċċess għall-internet fl-iskejjel tagħna.
o L-użu tal-kompjuter u l-internet qisu istint naturali sar għat-tfal anke ta’ l-eta tal-kindergarten. Jekk ittihom logħob diġitali ma jdumux ma jitgħallmu jużawh, ħafna drabi l-adulti jdumu iktar biex jitgħallmu! Huwa importanti li aċċess għall-internet ikun offrut mill-iżgħar età ta’ meta wieħed jibda jattendi l-iskola. Fid-dinja tal-lum, jekk ma tafx tuża l-kompjuter u l-internet faċilment tkun eskluż.
o L-iskejjel primarji u sekondarji tal-Gvern kollha għandhom aċċess għall-internet, issa li qed jibda jinfirex għall-klassijiet tal-kindergarten ser jipprepara iktar lill-istudenti meta jibdew il-livell primarju.
o Bi ħsiebna ninvestu aktar fl-iskejjel. Fil-fatt, fil-programm ta’ l-elearning, qed nippjanaw li noffru bandwidth speeds aħjar fl-iskejjel biex it-tfal fl-iskejjel ikunu jistgħu jagħmlu attivitajiet iktar interattivi u ta’ interess.
o Mhux biss importanti li noffru l-aqwa teknoloġiji fl-iskejjel tagħna, imma importanti wkoll li l-għalliema jkunu lesti u preparati għat-teknoloġija daqs u iktar mit-tfal. Fiż-żmenijiet tal-lum, għalliem li mhux lest juża t-teknoloġija fil-klassi, ikun qed jonqos lit-tfal u l-ġenituri tagħhom. Edukazzjoni m’għadiex tfisser kotba biss, imma saret tinkludi l-internet ukoll.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990