Left arrow Mur Lura

Diskors mill-Onor. Chris Said, Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni waqt Seminar tal-GWU bit-tema ‘Għawdex Reġjun’ – Marsalforn Għawdex -  27 ta’ Novembru 2009

pr2042
Date Icon 26/11/2009
Kifjuruna l-istoriċi, il-ħajja f’Għawdex dejjem kienet xi ftit differenti minn dik f’Malta. Bil-baħar jagħmilha gżira f’arċipelagu ta’ gżejjer, bil-portijiet u l-ajruport ewlenin ibbażati fil-gżira ewlenija u bl-insularità doppja tagħna, jeżistu karatteristiċi f’Għawdex li ma ssibhomx f’Malta. Dawn ġew studjati u dokumentanti. Fil-fatt, illum nitkellmu dwar il-karattru Għawdxi; il-ħaddiem tipiku Għawdxi, l-identità Għawdxija; id-djalett Għawdxi u l-mod ta’ għajxien tagħna.
Bir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew fl-1998dwar l-istatus ta’ gżira/reġjun, naraw li Għawdex jidħol perfettament fid-deskrizzjoni li fassal dan il-Parlament. “Gzira reġjun,” ġie dikjarat, “tikkonsisti f’parti minn Stat Membru, iżda li tkun kompletament ċirkondata bil-baħar, ma jkollha l-ebda kuntatt fiżiku mal-gżira prinċipali u ma tkunx belt kapitali ta’ xi pajjiż.” Dik hija s-sitwazzjoni tal-gżira tagħna.
Sa minnsnin twal ilu dejjem inħass il-bżonn li f’Għawdex ikun hemm struttura reġjonali amministrattiva biex tidentifika u timplimenta dawk il-miżuri speċifiċi li l-iżjed għandu bżonn Għawdex.
L-Għawdxinminn dejjem għarfu li ħadd ma jaf lil Għawdex daqs l-Għawdxin infushom. Fl-1961, per eżempju, twaqqaf il-Kunsill Ċiviku ta’ Għawdex biex jaħdem esklussivament għall-interessi tal-gżira. Kważi 25 sena wara, fl-1987, twaqqaf il-Ministeru għal Għawdex, fejn għall-ewwel darba, Għawdex ingħata siġġu Ministerjali b’Ministeru sħiħ iddedikat għalih. Riċentement għamilna pass ieħor ’il quddiem bit-twaqqif tal-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex tal-MCESD u bil-ħolqien tal-kunċett tar-reġjun ta’ Għawdex fil-politika aġġornata tal-gvern lokali.
Illum, apparti Ministeru ddedikat għal Għawdex,għandna 14-il Kunsilli Lokali li ser ikunu qed jingħaqdu flimkien f’din l-istruttura reġjonali ġdida. Għandna wkoll l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Għawdxija u l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija.
Ħbieb, kull ma jmur qed inħoss dejjem aktar sensta’ inizjattiva ġej minn bosta setturi u rieda li lil din il-gżira mmexxuha ’l quddiem.
Qegħdin hawn dalgħodu biex niddiskutu l-futurta’ Għawdex. Wara l-aħħar Budget tal-Gvern, li fih rajna injezzjoni ta’ 25 miljun euro fi 3 snin għat-twettiq tal-viżjoni eko-Għawdex, il-futur jawgura tajjeb.  Tmenin proposta tanġibbli li bihom nistgħu verament nibdew nibdlu l-gżira tagħna.
Sa minn qabel ma Malta saret membru fl-UnjoniEwropea, ġie ddikjarat b’mod qawwi mill-Gvern li Għawdex għandu bżonn attenzjoni speċjali. Għal din ir-raġuni gawdejna bi sħiħ mill-Programm ta’ Fondi ta’ qabel l-adeżjoni, li permezz tagħhom sar xogħol li kien ilu jistenna li jsir u twettaq pjan ta’ fejn nixtiequ nwasslu lil Għawdex fis-snin li ġejjin.
Nitkellmu dwar bosta bidliet li rridu narawiseħħu. Fosthom hemm tlieta importanti:

·        Irridu titjib fl-infrastruttura tat-trasport lokali

·        Irridu titjib fl-infrastruttura bażika tal-gżira - li għandha tgħin fil-kompetittività tas-settur turistiku billi ssaħħaħ is-swieq li għalihom nimmiraw u ttejjeb il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott turistiku Għawdxi.

·        U rridu li ssir ħidma kbira biex niġġeneraw ix-xogħol bl-iżjed mod innovattiv. Xogħol tajjeb. Għal kulħadd. U f’Għawdex stess.

L-akbar sfida għal Għawdex – 5 snin wara lisirna membri tal-Unjoni Ewropea – hija l-ħolqien tax-xogħol. Irridu – mhux biss nagħmlu lil Għawdex kalamita turistika għal btajjel ta’ mistrieħ iżda kalamita għall-investiment.
Il-globalizzazzjoni ekonomika biddlet l-ordniekonomika tad-dinja. Ġabet magħha sfidi u opportunitajiet. Illum qed nirrealizzaw li pajjiżna ma jistax jikkompeti aktar f’dan l-ambjent ġdid jekk ma jsirx iżjed innovattiv. U huwa dan li rridu naħdmu fuqu …  kif nagħmlu lill-gżira ta’ Għawdex, gżira li toħroġ b’ideat innovattivi għall-ħolqien tax-xogħol.
Inħoss li Għawdex għandu l-vantaġġ li fihpotenzjal straordinarju għall-innovazzjoni. Għandna nies kreattivi f’kull qasam – mill-agrikoltura sal-management … mis-servizzi edukattivi sat-teknoloġija – li għandhom l-entużjażmu biex jibdlu s-settur tagħhom. Għandna kumpaniji, Kunsilli Lokali, organizzazzjonijiet u individwi li qed joħorġu bi prodotti, attivitajiet, servizzi u ideat mill-aktar innovattivi.
L-ikbar potenzjal li għandna jinsab final-Għawdxin. Fil-ħaddiema tagħna nisa u rġiel. Fiż-żgħażagħ mimlija ideat u entużjażmu. U meta l-entużjażmu taqsmu ma' ħaddieħor, jirdoppja. Hekk qed naraw fil-Kunsilli Lokali tagħna li - imħeġġa minn Gvern kontinwament qrib tagħhom - lestew dak li l-iżjed kien meħtieġ u issa daru għal potenzjali moħbija.

U hekk irid ikompli jsir.

·        Biex fejn hemm għelieqi mhux maħduma, nimlewhom bis-siġar.

·        Fejn hemm widien mimlija frott, inniżżlu t-turisti jimxu fihom biex jammiraw dak li jagħmel lill-pajjiżna meraviljuż.

·        Fejn hemm it-talent, nikxfuh u nħeġġuh.

·        Fejn hemm fortifikazzjonijiet u binjiet ta’ valur, nirrestawrawhom.

·        Fejn għandna xi ħaġa li tagħmilna differenti, nieħdu ħsiebha, ninfurmaw lil ħaddieħor biha u niġbdu n-nies lejha.

·        Fejn għandna avvenimenti tipiċi, nagħmluhom avvenimenti annwali li jattiraw nies lokali u turisti.

Biexnixprunaw l-innovità fil-futur irridu nkompli ninvestu fl-istudenti tagħna. Ninvestu fil-kotba, fl-edukazzjoni u fit-tagħlim. U fl-aqwa teknoloġija.
Bħala Għawdxin, irridu nħarsu ’l barra minnxtutna. Biex dak li ħadem f’postijiet oħra naraw li jaħdem ukoll fuq gżiritna u biex fejn naraw li dak li għandna huwa uniku, nieħdu ħsiebu. B’dan f’moħħna jeħtieġ nkomplu naħdmu fuq ħbiberiji u ġemellaġġi bejn il-lokalitajiet tagħna u oħrajn Ewropej u naħtfu kull opportunità li relazzjonijiet transkonfini bħal dawn iġibu magħhom. Jeħtieġ inkomplu naħdmu fuq skambji taż-żgħażagħ u tal-istudenti tagħna ma’ oħrajn barranin. Sabiex imorru, jiksbu l-esperjenza u jiġu lura kollhom entużjażmu u ħeġġa għal dak li hu innovattiv.
Fejnjidħlu proġetti innovattivi ta’ individwali, organizzazzjonijiet u Kunsilli Lokali, il-Gvern mhux biss qed ikun ta’ spalla għalihom iżda qed ikun tagħhom alleat. Għax l-isfida biex insiru iżjed innovattivi hija wkoll l-isfida tal-Gvern. Għal din ir-raġuni qed ngħinu b’kull mod biex inkunu fl-aqwa pożizzjoni biex jiġu akkwistati fondi minn barra għal proġetti innovattivi f’Għawdex. U dawk li qed jakkwistaw dawn il-fondi, iżda li xorta jkollhom joħorġu parti żgħira minn buthom, qed nassistuhom biex il-piż fuqhom ikun l-eħfef possibbli.
L-innovazzjoni ekoloġika hija ta’ interesspartikolari għal Għawdex. Ir-riċerka ambjentali, il-maniġġjar innovattiv tal-iskart, ir-riċiklaġġ, il-ġestjoni tal-provvista tal-ilma u ta’ materjal riċiklat, il-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli u l-ħarsien naturali, huma kollha oqsma li fihom Għawdex jeħtieġ jeċċella fis-snin li ġejjin u li għalihom hemm allokati riżorsi kbar. Il-potenzjal ta’ Għawdex f’dan il-qasam huwa kbir u għalhekk qed induru fuq l-14-il Kunsill Lokali Għawdxi biex jiġbdu lkoll ħabel wieħed.
It-tkabbirekonomiku u t-tkabbir tan-numru ta’ postijiet tax-xogħol huwa marbut mal-kapaċità tal-ekonomija tagħna li tinbidel u tirrinova ruħha b’mod li huwa ekoloġiku u sostenibbli. Diġà għandna madwarna għaddejjin proġetti li jawguraw tajjeb għall-futur – negozjanti u organizzazzjonijiet li qed jorbtu n-negozju tagħhom mal-ambjent tal-madwar u fil-proċess isebbħu l-ambjent u joħolqu x-xogħol. Fuq gżira bħal din, il-potenzjal tal-innovazzjoni ekoloġika huwa enormi.
Jeħtieġbiss li nkunu dinamiċi u nħarsu biss ’il quddiem. Li nilqgħu sfidi ġodda b’entużjażmu. Li ma nieqfux ninbidlu u nevolvu. U b’hekk – iva – konvint li lil Għawdex nistgħu nagħmluh gżira mudell għal reġjuni oħra madwar il-Mediterran. Għax Għawdex huwa differenti minn kull post ieħor u hija r-responsabbiltà tagħna li b’ħidmietna mhux biss inżommu din id-distinzjoni imma nisfruttawha biex nagħmlu suċċess. Huwa l-pjan tagħna bħala Gvern li nagħmlu lil gżiritna gżira sostenibbli, li toffri xogħlijiet ġodda u attraenti lil kull min jixtieq jaħdem, filwaqt li tikkonserva dak li jagħmilha dak li hi.
Manistgħux, għall-gwadann istantanju, nibdlu lil Għawdex f'sempliċi resort turistiku miżgħud bil-bini bħal ma ssib fil-kosta ta' ħafna pajjiżi oħra Mediterranji. Lil Għawdex nistgħu nagħmluh ħafna iżjed minn hekk, jekk niffukaw fuq dak li jagħmlu uniku. Jekk niftakru li fuqu għandna l-eqdem binjiet magħmula mill-bniedem li fadal fid-dinja. Li fuqu ssibilna tradizzjonijiet, festi, mod ta' għajxien u rutini li jnessuk postijiet oħra. Li l-istorja tiegħu tmur lura eluf ta’ snin u li l-kultura tiegħu hija ħajja daqs qatt qabel. F'dinja globalizzata, li fiha tmur fejn tmur ta' spiss, se ssib affarijiet simili, it-turist ta' kwalità qed ifittex postijiet li għarfu jżommu l-identità tagħhom u li joffrulu pakkett esklussiv, li ma jista' jsib imkien iehor. Li joffrulu attivitajiet li ma jinsihomx malajr u li permezz tagħhom il-popolazzjoni lokali taqla' għajxien tajjeb u tippriserva dak li jagħmilha differenti. Hija din l-isfida li għandna quddiemna u hija sfida mill-iżjed eċċitanti.
Il-pjan tagħna għandu jinkludi li lil Għawdexnagħmluh mudell ta' kif għandha titħaddem gżira li tgawdi mix-xemx is-sena kollha. Gżira li tisfrutta l-potenzjal ta' l-enerġija rinnovabbli. Gżira li fiha jiżdiedu l-pannelli solari fuq il-bjut tad-djar tagħna.
Gżira b'sistema ta' trasport pubblikuefficjenti, irħis, li ma jniġġisx u li jaqdik. Gżira b'lukandi u stabbilimenti ekoloġiċi li joffru xogħlijiet innovattivi, attraenti u servizzi ta' kwalità li ma ssibhom imkien ieħor. Gżira b'kalendarju kulturali annwali rikk, mifrux fuq is-sena kollha u li jattira turiżmu ta' kwalità. Gżira li tospita avvenimenti internazzjonali anke fix-xhur tax-xitwa.
Gżira li niesha jkollhom l-għodda li għandhombżonn biex jimxu 'l quddiem u biex iħossuhom kburin bil-kisbiet tagħhom u jiġbdu lkoll ħabel wieħed. Gżira li għalkemm fiżikament maqtugħa minn postijiet oħra, toffri l-aqwa servizzi ta' trasport għal niesha u għal dawk li jridu jżuruha. Fuq kollox gżira li tattira l-investiment - barrani u lokali - u li toffri lill-investituri pakkett attraenti: ħaddiema mħarrġa, bieżla, entużjasti u li jitgħallmu malajr, gżira bilingwi fil-familja kbira Ewropea, kondizzjonijiet eċċellenti ta' għajxien, settur tas-servizzi effiċjenti u sigurtà finanzjarja.
Il-mira biex nagħmluminn Għawdex reġjun mudell hi mira ambizzjuża iżda bħal kull vjaġġ ieħor twil, dan tagħna jibda b'pass ċkejken.  B’Kunsill Lokali li jpoġġi fuq il-bjut tad-djar tiegħu sistema innovattiva ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija. B’organizzazzjoni li tnaddaf il-widien biex fihom tniżżel lit-turisti jammiraw il-pajsaġġ tagħna. B’individwi li jiżviluppaw software tal-kompjuter li joħloq ix-xogħol bla ma jagħmel dannu lill-ambjent. Bil-Gvern li jibqa’ jassisti lil kull min idur lejh b’idea innovattiva. U – b’hekk - b'ħarsitna ffukata biss 'il quddiem, konvint li nistgħu naslu ’l bogħod.
Fl-aħħarnett, nifraħ lill-General Workers’ Uniontal-organizzazzjoni ta’ dan is-seminar u tal-impenn tagħha għall-ġid tal-ħaddiem Għawdxi u tal-gżira Għawdxija.

Grazzi ħafna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow