Left arrow Go Back

Diskors mill-Eccellenza Tieghu Dott. George Abela, President ta’ Malta waqt Cena Statali ad unur il-Maestà Tieghu r-Re Juan Carlos I ta’ Spanja - il-Palazz il-Belt Valletta – l-Erbgha, 25 ta’ Novembru 2009

pr2039
Date Icon 25/11/2009

Maestà,

Prim Ministru u Sinjura Gonzi,

Eċċellenzi,

Sinjuri,

Huwa bi pjaċir kbir li l-mara tiegħi u jien għandna l-unur li nilqgħu lill-Maestà Tiegħek f’dan il-Palazz, li ra fih tmien Gran Mastri Spanjoli jgħixu u jmexxu minn ġewwa l-ħitan tiegħu.  Ix-xbihat tagħhom għadhom preżenti llum, għax  il-pitturi tagħhom jinsabu mdendlin fil-kuriduri jew fis-swali tal-Palazz.  Wieħed jista’ jammira wkoll uħud mill-benefikati li dawn il-Gran Mastri rregalaw lill-Ordni – l-aktar prezzjużi huma s-sett ta’ arazzi Goblin li għadhom iżejnu s-Sala tal-Kunsill, dik li qabel kienet isservi bħala l-Kamra tar-Rappreżentanti, u li ħallas għalihom personalment il-Gran Mastru Aragoniż Ramon Perellos y Roccaful fil-bidu tas-seklu tmintax.

Maestà,

Għadda ftittaż-żmien minn meta monarka Spanjol żar Malta. Kif ninsab ċert li taf, in-Nannu Tiegħek il-Maestà  Tiegħu r-Re Alfonso XIII żar dawn il-gżejjer fl-1927.  Qabel din id-data, l-aħħar Re minn Spanja li żar dawn il-gżejjer kien Alfonso V, Re ta’ Aragona, li għamel waqfa hawn fi triqtu għall-kampanja militari f’Ġerba fl-1432 u qagħad hawn għal xi żmien ma’ familja nobbli fl-Imdina, li dak iż-żmien kienet il-kapitali ta’ Malta, u li  taha t-titlu ta’ “Città Notabile”.
Maltagħandha rabtiet antiki ma’ Spanja.  Fl-1282, Malta bdiet tifforma parti mill-artijiet tal-Kuruna Aragoniża wara ribelljoni kontra l-Anġoini fi Sqallija, magħrufa bħala l-Vespri Siċiljani.
Bħal ma humagħruf tant tajjeb, iż-żwieġ bejn Ferdinandu ta’ Aragona u Isabella ta’ Kastilja fl-1469, ġab miegħu l-għaqda personali tal-kuruna ta’ Aragona ma’ dik ta’ Kastilja.  Żmien wara kien Karlu V, Imperatur tal-Imperu Qaddis Ruman, magħruf ukoll bħala Karlu I ta’ Spanja, mexxej ta’ imperu kbir li kien jinkludi l-gżejjer Maltin, li offra lil Malta lill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann bħala fewdu b’ċens ta’ falkun Malti fis-sena, bħala sinjal li Malta tirrikonoxxi s-sovranità kontinwa ta’ Spanja fuq dawn il-gżejjer li kienu jaqgħu direttament taħt il-kuruna ta’ Sqallija.  Din l-għotja ta’ Malta bħala fewdu minn Carlos Quinto lill-Ordni ta’ San Ġwann kienet deċiżjoni ta’ importanza kbira fl-istorja ta’ Malta u ġabet magħha era ġdida li damet 268 sena, sa meta l-Ordni tkeċċa minn Malta minn Napuljun Bonaparti fl-1798.  Dawn kienu żewġ sekli u nofs li raw trasformazzjoni kbira fil-gżejjer Maltin, li gradwalment żviluppaw fi prinċipalità żgħira Ewropea taħt it-tmexxija tal-Gran Mastru.
Naturalmentseħħew ħafna ġrajjiet minn dakinhar ’l hawn u issa qed ngħixu f’dinja differenti ħafna.  Illum, Malta u Spanja huma msieħba ndaqs fil-familja ta’ nazzjonijiet liberi u demokratiċi tal-Unjoni Ewropea u jikkoperaw bl-aktar mod wiesa’, mhux biss fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea, iżda wkoll f’livelli bilaterali u multilaterali, kif ukoll f’fora fil-Mediterran fl-interess tal-paċi, stabbiltà u progress fir-reġjun Mediterranju.

Maestà,

Iż-żjara Tiegħek hija waħda qasira imma li tfisser ħafna.  Waslet fi żmien meta Spanja qed tipprepara biex tieħu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea f’Jannar tal-2010. Spanja tieħu l-Presidenza xahar wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li se jintroduċi bidliet fundamentali fl-operat tal-Unjoni Ewropea.  It-Trattat jipprovdi għall-parteċipazzjoni akbar mill-Istati Membri, permezz tal-Parlamenti Nazzjonali tagħhom, li jkunu jistgħu jiflu l-proposti tal-kummissjoni qabel ma jkunu finalizzati.  It-Trattat se jkompli jseddaq id-demokrazija fil-kontinent Ewropew tagħna u jressaq lill-Unjoni aktar qrib lejn iċ-ċittadini.  Waqt li qed insemmi d-demokrazija, ta’ min jirrimarka u jfaħħar il-kontribut tal-Maestà Tiegħek lejn id-demokrazija għax huwa bis-saħħa Tiegħek li, minnufih wara li assumejt il-kariga fl-1975, b’ħeġġa kbira nidejt ir-riformi meħtieġa biex tassigura li Spanja terġa’ lura għad-demokrazija, għar-rispett lejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u s-saltna tad-dritt.  Kemm ilek isservi bħala Re, urejt bl-aktar mod ċar l-impenn Tiegħek għad-demokrazija, għall-kunċett ta’ monarquia parlamentaria, u ħdimt kontra kull attentat għar-ritorn lejn sistema mhux demokratika, waqt li għamilt sejħa qawwija biex ikun hemm sostenn għall-gvern demokratiku u leġittimu. Inti eżempju singulari ta’ monarka kostituzzjonali u simbolu essenzjali tal-għaqda ta’ pajjiżek.

Maestà,

Ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ popli tagħna mxew’il quddiem maż-żmien.  Fuq livell politiku l-iskambji huma tal-ogħla livell.  Din iż-żjara, kif ukoll il-laqgħa riċenti li l-Prim Ministru Malti kellu mal-Eċċellenza Tiegħu José Luis Rodríguez Zapatero aktar kmieni dan ix-xahar, turi dan il-fatt b’mod ċar.
Jiena mgħarraf ukoll li se niffirmawDikjarazzjoni Konġunta sabiex issaħħaħ il-Koperazzjoni bejn iż-żewġ Ministeri tal-Affarijiet Barranin tagħna, bħala konferma tar-relazzjonijiet eċċellenti li ntisġu tul is-snin bejn Malta u r-Renju ta’ Spanja, dan waqt li nistennew aktar koperazzjoni fil-livelli kollha fil-ġejjieni.
Ir-relazzjonijiet bilaterali tagħna huma msejsafuq infrastruttura legali solida magħmula minn għadd ta’ ftehimiet f’diversi oqsma ta’ interess komuni.  Issa wasalna biex niffirmaw numru ta’ ftehimiet fl-oqsma tal-edukazzjoni, xjenza u kultura, kummerċ marittimu u koperazzjoni bejn l-iskejjel diplomatiċi.  Jien persważ li dawn il-ftehimiet se jġibu magħhom riżultati pożittivi għall-ġid tal-ekonomiji u ċ-ċittadini tagħna.
Malta uSpanja jikkoperaw mill-qrib f’għadd ta’ oqsma li jirrigwardaw il-Mediterran, bħal fil-każ tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-promozzjoni tal-politika tal-moderazzjoni mad-dinja Għarbija.  Minħabba l-pożizzjoni ġeo-strateġika tagħhom, Malta u Spanja għandhom bosta interessi komuni f’dan ir-reġjun u ħadu diversi inizjattivi, kif ukoll assumew responsabbiltajiet fil-fora Mediterranji, speċjalment f’dak li jirrigwarda r-rispett għad-djalogu mad-dinja Għarbija u Afrikana.
Malta hijapajjiż Ewropew, kif ukoll Mediterranju fil-qalba ta’ dan il-baħar.  Din il-pożizzjoni ġeo-strateġika u r-rabtiet storiċi li għandna mal-ġirien tagħna, ippermettew li nassumu rwol li jressaq l-Ewropa eqreb lejn l-Afrika ta’ Fuq, rwol li aħna nwettqu b’konvinzjoni u dedikazzjoni. Iżda l-pożizzjoni tagħna tefgħetna wkoll fir-rotta tal-immigrazzjoni illegali min-nofsinhar għat-tramuntana, simili ħafna għas-sitwazzjoni ta’ Spanja aktar lejn il-punent. Bl-influssi dejjem jikbru ta’ immigranti, sibna ruħna f’sitwazzjoni fejn ikollna nerfgħu piż tqil totalment sproporzjonat għad-daqs territorjali tagħna u, li nħossu, li għandha tkun ir-responsabbiltà kollettiva tal-Istati Membri kollha. L-eluf ta’ immigranti li jinżlu fuq xtutna japplikaw għal ażil jew forom oħra ta’ protezzjoni internazzjonali.  Għalkemm uħud ġew aċċettati minn pajjiżi oħra jew intbagħtu lura lejn pajjiżhom, aħna xorta għadna nilqgħu numru kbir wisq fil-kuntest tar-riżorsi limitati tagħna u nittamaw li tinsab soluzzjoni dejjiema sabiex dan il-piż jinqasam b’mod aktar effettiv mal-imsieħba Ewropej tagħna. Ninsab kunfidenti li l-Presidenza Spanjola tikkunsidra din il-problema biex tagħtiha prijorità fl-interess tal-partijiet kollha interessati, mhux l-anqas tal-immigranti nfushom.  F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li Malta lesta tospita l-Uffiċċju Ewropew għas-Sostenn tal-Asil ladarba tħoss li hija kkwalifikata u mgħammra biex tagħti sehem xieraq għal soluzzjoni ġusta, għal Ewropa aħjar u b’aktar sigurtà.
Appartiminn koperazzjoni bejn il-Gvernijiet tagħna, wieħed jista’ jikkunsidra wkoll l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet fuq livell Parlamentari.  Jista’ jkun ta’ interess ukoll li nesploraw il-possibbiltà li nlaqqgħu Kumitat Interparlamentari bil-għan li nikkondividu l-esperjenzi u l-opinjonijiet dwar ċerti suġġetti bħal dawk li jolqtu kwistjonijiet dwar l-ambjent, l-immigrazzjoni u l-bijoetika.  Nifhem li diġà kien hemm espressjoni ta’ interess dwar dan it-tip ta’ koperazzjoni.

Maestà,

Skambjikummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi tagħna huma stabbli, b’importazzjoni kull sena minn Spanja għal Malta b’medja ta’ 100 miljun ewro fl-aħħar erba’ snin u l-esportazzjoni minn Malta għal Spanja b’medja li tilħaq biss l-10 fil-mija ta’ dik il-figura.  Nittamaw li jinstab mezz biex jinkiseb bilanċ aktar pożittiv fil-kummerċ, u l-ftuħ uffiċjali tal-Kamra tal-Kummerċ Maltija-Spanjola li seħħ ix-xahar li għadda, jista’ jgħin biex jintlaħaq dan il-għan.
Għandil-pjaċir ninnota li t-turiżmu għal Malta minn Spanja żdied b’mod sostanzjali u rdoppja matul dawn l-aħħar erba’ snin biex kważi laħaq il-50,000 turist is-sena li għaddiet, figura li tinkludi l-istudenti. Is-sena li għaddiet aktar minn 15,000 Malti żaru Spanja, u dan minħabba t-titjiriet diretti bejn Malta u Madrid, Barċellona u Ġirona.  Nittamaw li aktar linji tal-ajru, barra dawk li bħal issa diġà joperaw titjiriet staġjonali, jestendu t-titjiriet tagħhom matul is-sena kollha.
Appartiminn turisti li jiġu Malta bl-ajru, matul dawn l-aħħar snin kien hemm żieda fl-influssi ta’ passiġġieri Spanjoli minn Cruise Liners li s-sena l-oħra qabżu l-110,000 turist – ċifra tassew pożittiva.
L-investiment fl-industrija huwa forma ta’koperazzjoni bilaterali  importantissima.  Għandi pjaċir kbir ninnota li kien hemm żieda ta’ investiment Spanjol lejn pajjiżna kif jidher mit-twaqqif ta’ erba’ impjanti farmaċewtiċi Spanjoli f’Malta.  Ċertament hemm lok li nesploraw opportunitajiet f’setturi oħrajn bħat-teknoloġija tal-informatika kif ukoll f’oqsma oħrajn ta’ teknoloġija avvanzata.
Ma nistaxma nsemmix hawnhekk l-aspett kulturali fl-iskambji bilaterali tagħna.  Inħoss li għandi nirrakkomanda l-proposta valida biex jitwaqqaf Cervantes Institute f’Malta li jippromwovi djalogu inter-kulturali, eqreb u aktar kostruttiv, fir-reġjun tagħna u lil hinn.  Dan ikun qabża kbira ’l quddiem biex tissawwar alleanza ta’ ċiviltajiet kif ipproponiet Spanja fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2005.
Jienkonvint li dawn ir-relazzjonijiet eċċellenti bejn Malta u r-Renju ta’ Spanja se jissaħħu aktar biż-żjara Tiegħek u minn qalbi nixtieq nesprimi apprezzament lill-Maestà Tiegħek talli aċċettajt li tonorana bil-preżenza Rjali Tiegħek.

Eċċellenzi,

Sinjuri,

Nixtieq nagħlaq billi nirringrazzjakom u billi nistedinkom tqumu u terfgħu t-tazzi tagħkom u tixorbu bis-saħħa u għall-benesseri tal-Maestà Tiegħu r-Re Juan Carlos u għar-relazzjonijiet tajbin ħafna bejn Malta u r-Renju ta’ Spanja.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow