Left arrow Mur Lura

INDIRIZZ MILL-ONOR. JOE CASSAR, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAS-SAĦĦA, FL-OKKAŻJONI TAL-JUM EWROPEW DWAR L-GĦARFIEN FUQ L-ANTIBIOTIĊI – SPTAR MATER DEI – L-ERBGĦA, 18 TA’ NOVEMBRU 2009

pr1992
Date Icon 18/11/2009

L-iskoperta tal-peniċillina kienet waħda mill-ikbar avvenimenti fl-istorja tal-mediċina. Permezz tal-antibijotiċi, infezzjonijiet li qabel kienu kważi sentenza awtomatika tal-mewt saru kundizzjonijiet li setgħu jiġu kkurati u megħluba. Permezz tal-antibijotiċi l-kwalità tal-ħajja tjiebet b’mod kważi inimmaġinabbli 50 sena ilu. Sfortunatament ġara iżda, li dawn l-istess antibijotiċi li dejjem assumejna li sejrin insibuhom meta jkollna bżonnhom, issa qegħdin nitilfuhom. Ġejna f’sitwazzjoni fejn antibijotiċi li qabel kienu jaħdmu kontra mard serju issa m’għadhomx effettivi. Dan kollu huwa kawża tar-reżistenza li qegħda tiżviluppa f’ħafna bacteria. Raġuni ewlenija għaliex din ir-reżistenza qegħda tiżdied, huwa l-użu hażin ta’ dawn il-mediċini. Eżempju ċar ta’ uzu ħażin huwa meta l-antibijotiċi jittieħdu għal mard kkawżat minn viruses, bħalma per eżempju huma l-irjiħat u l-uġigħ fil-griżmejn li huma daqstant komuni meta tibda x-xitwa. Dan għaliex kif konna għedna fil-kampanja tas-sena l-ohra, l-antibijotici ma jaħdmux kontra l-viruses tal-irjiħat. Anki jekk l-antibijotiċi hemm bżonnhom, xorta nikkontribwixxu għar-reżistenza jekk dawn ma jintużawx kif suppost. Dan jiġri jekk nwaqqfu antibijotiċi kmieni sempliċement għax inħossuna aħjar u ma noħdux il-kors kollu li jkun tana t-tabib.

Huwa importanti li l-messaġġ jasal lil kulħadd. Dan huwa l-għan tal-kampanja li s-Segretarjat Parlamentari għas-Saħħa permezz tal-Kumitat Nazzjonali tal-Antibijotiċi sejjer jerġa’ jniedi. Il-kampanja din is-sena qegħdin nibdewa għada, li huwa l-Jum Ewropew għall-għarfien dwar l-antibijotiċi. Matul il-ġurnata ta’ għada, il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea sejrin jorganizzaw diversi attivitajiet biex iħajru kemm il-poplu inġenerali, kif ukoll lit-tobba u professjonijiet oħra li jaħdmu fl-isfond tas-saħħa, japprezzaw iktar il-problema tar-reżistenza għall-antibijotiċi. Il-messaġġ prinċipali tagħna huwa li ħadd m’għandu jissikka lit-tabib jew lill-ispiżjar sabiex jagħtih antibijotiċi għaliex jaħseb li dawn jistgħu jikkurawlu xi marda bhal riħ u griżmejn juġgħu. Sfortunatament minn informazzjoni u studji li saru, din il-prattika hija ftit jew wisq komuni hawn Malta. Kultant anki naslu f’estremità li jekk l-ewwel tabib jew spiżjar ma jċedix għal pressjoni biex jagħti l-antibijotiċi (għax ovvjament ma jkun hemmx bżonnhom), il-persuna tmur għand tabib jew spiżjar ieħor u tkompli tinsisti għall-antibijotiċi. Ta’ min ifakkar li spiżjara ma jistgħux jagħtu antibijotiċi jekk ma jkunx hemm riċetta tat-tabib; jekk jagħmlu dan ikunu qed jiksru l-liġi. Fl-istess mod, ninkorraġġixu lit-tobba tagħna sabiex jippreskrivu antibijotiċi biss meta veru jkun hemm bżonn u joqgħodu lura jekk fil-fatt il-kundizzjoni tal-pazjent tissuġġerixxi li hija marda u ma tidhirx infezzjoni kkawzata minn bacteria. 

Mhuwiex biss fil-komunità li r-resistenzagħall-antibijotiċi hija importanti. Fil-fatt, madwar id-dinja kollha, l-iktar reżistenza nsibuha fl-isptarijiet, speċjalment dawk speċjalizzati fejn issir kura ta’ natura pjuttost intensiva. L-isptar Mater Dei mhuwiex eċċezzjoni. Għaldaqstant, sa minn żmien l-isptar San Luqa, id-Diviżjoni tas-Saħħa ħadet diversi inizjattivi sabiex innaqqsu r-riskju ta’ infezzjonijiet fil-pazjenti tagħna, ikkawżat minn mikrobi reżistenti għal antibijotiċi. Wieħed minn dawn il-mikrobi li ta’ spiss jissemma huwa l-Meticillin Resistant Staphylococcus Aureus jew kif insibuh l-MRSA. L-MRSA fl-sptarijiet ukoll jiżdied jekk l-użu tal-antibijotiċi ma jkunx meqjus daqs kemm suppost. Barra minn hekk, fl-isptarijiet, dan il-mikrobu jista’ jinxtered minn pazjent għal ieħor permezz tal-idejn ta’ tobba, infermiera u paramediċi. Huwa importanti ħafna li fl-sptarijiet nevitaw dan it-tixrid; huwa ghalhekk li l-isptar Mater Dei għandu dan id-dipartiment sħiħ għal infection prevention and control.
Huwa ta’ inkoraġġament għalija li nara lifir-rapport annwali għas-sena li għaddiet, maħruġ mill-Infection Control Committee tal-isptar Mater Dei, deher titjib u nuqqas fl-ammonti ta’ każijiet ta’ MRSA, speċjalment dawk aktar serji li jinfettaw id-demm. Dawn l-infezzjonijiet issibhom f’pazjenti kritiċi kif ukoll wara operazzjonijiet serji, speċjalment dawk ortopediċi. Dan għandu jkun biss il-bidu iżda għandu jinkorraġġixxi lil kull min jaħdem fil-qasam tas-saħħa biex jagħti aktar attenzjoni biex nkomplu nnaqqsu aktar dawn l-infezzjonijiet. Fil-fatt għadna m’aħnix sodisfatti mil-livell ta’ iġjene tal-idejn fit-tobba, nurses u professjonisti oħra fl-isptar. Dan minkejja li l-isptar għandu aktar minn elf sink fejn tabib jew nurse jista’ jaħsel idejh jew japplika alcohol handrub biex jiddisinfetta l-idejn.
Din hija sfida kbira għal kulħadd. Meta tabibjew nurse ikun nesa jaħsel idejh jew jagħmel l-alcohol qabel jeżamina pazjent, dan żgur ma jkunx sar għal ta’ l-apposta imma minħabba żvista umana. Għaldaqstant aħna ninkorraġġixxu anki lill-pazjenti sabiex jikkontribwixxu għas-saħħa tagħhom innfushom u jgħinu lit-tabib jew lill-infermier; jekk dan ikun nesa’ li jippratika l-iġjene tal-idejn, ma hemm xejn hażin li tfakkru b’mod ċivili sabiex jagħmel dan qabel ma jibda jeżaminak jew jitrattak.
Hija biss bil-kollaborazzjoni u l-għajnuna ta’kulħadd - tobba, infermiera, spiżjara u paramediċi kif ukoll pazjenti u l-poplu in ġenerali  - li bih aħna nistgħu nnaqsu l-problema tar-resistenza għall-antibijotiċi f’pajjizna.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Over 200 students express their vision of the construction sector through art

PR261989en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow