GĦOTJA TA’ APPARAT LILL-ISPTAR ĠENERALI TA’ GĦAWDEX
pr1966
12/11/2009
| Il-Gozo CCU | Foundation dalgħodu ppreżentat lill-Amministrazzjoni tal-isptar Ġenerali ta’ Għawdex, apparat u sodod ġodda li jaħdmu bl-elettriku, biex jieħdu post dawk li kienu qed jintużaw sa issa fis-sala tas-CCU u l-ITU. Dan l-apparat ġie inawgurat mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, waqt iċ-ċerimonja li saret fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, u li għaliha attenda wkoll is-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, l-Onor. Chris Said. |
| Waqt il-preżentazzjoni ta’ dan l-apparat, | is-Sinjura Carmen Bellamy, li hija ċ-Chairperson tal-Gozo CCU Foundation, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha, filwaqt li spjegat kif hi u żewġha Paul ħassew il-bżonn li jikkontribwixxu għall-benefiċċju tal-isptar, bħala sinjal ta’ apprezzament għas-servizzi mogħtija b’dedikazzjoni mill-amministrazzjoni u l-impjegati tal-isptar. Saħqet li l-apparat ġdid f’Għawdex huwa ta’ benefiċċju mhux biss għall-komunità lokali iżda għal bosta Maltin u turisti li jżuru l-gżira ta’ Għawdex. |
| Minbarra s-sodod elettriċi fis-CCU, sal-lum, | is-CCU Foundation għamlet donazzjoni ta’ monitor għal kull sodda fis-CCU, Central Unit għall-Infermiera, printer, kif ukoll portable monitor li jintuża meta l-pazjenti jiġu trasferiti lejn Malta jew barra minn Malta. Ftit tal-ġimgħat ilu, din il-fondazzjoni għamlet ukoll donazzjoni ta’ apparat ieħor għall-użu fid-dipartiment tal-A & E u fuq l-ambulanzi. |
| Minn naħa tagħha, il-Ministru Giovanna Debono | qalet li l-inizjattivi li jittieħdu minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, bħal dawk li ġew meħuda mill-Gozo CCU Foundation, huma ta’ min japprezzahom. Żiedet tgħid li s-sens filantropiku jappoġġja l-impenn kontinwu tal-gvern biex jagħti servizzi aħjar u aktar moderni lill-komunità. Spjegat kif il-Ministeru għal Għawdex kontinwament iwettaq xogħlijiet ta’ manutenzjoni u jipproġetta faċilitajiet ġodda biex is-servizzi tas-saħħa f’Għawdex ikomplu jiġu mtejba. |
| Il-Ministru Debono fakkret kif fil-baġit li | għadu kif ġie mħabbar, hemm allokazzjoni ta’ fondi li ser jissarfu f’aktar titjib fis-servizzi tas-saħħa f’Għawdex. Dan ser jinkludi x-xiri ta’ żewġ ambulanzi ġodda li ser itejbu s-servizz li jingħata lil pazjenti f’Għawdex kif ukoll oħrajn li jkollhom bżonn ta’ servizzi minn sptarijiet f’Malta. Il-Ministru spjegat ukoll ix-xogħol li għaddej bħala bażi għat-twaqqif ta’ taqsima tar-radjoloġija kif ukoll ir-ristrutturar tat-tieni sala tal-operazzjonijiet, li ser jinkludi xogħol strutturali u xiri ta’ apparat modern. Semmiet ukoll li ser jitfassal Masterplan sħiħ li jindirizza l-ħtiġijiet fil-qasam tas-saħħa f’Għawdex għall-25 sena li ġejjin. |
Il-kumitat tal-Gozo CCU Foundation li ilha mwaqqfa minn Ottubru 2006, esprima l-apprezzament tiegħu għal dawk kollha li taw l-appoġġ tagħhom jew għenu permezz tad-donazzjonijiet jew mezzi oħra matul is-snin. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq is-sit elettroniku www.gozoccufoundation.com jew fuq in-numru tat-telefon 79566496.
Stqarrijiet Oħra:
PR261990
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...
PR261989en