Festival ta' Logħob Tradizzjonali Malti fil-Birgu
pr1951
09/11/2009
| Il-Kunsill Lokali tal-Birgu flimkien mal-Mużew | Nazzjonali tal-Etnografija (Il-Palazz tal-Inkwiżitur) fi ħdan Heritage Malta, ser jorganizzaw festival uniku ta' logħob tradizzjonali Malti, nhar il-Ħadd 15 ta' Novembru bejn is-13:00 u s-18:00. |
| Dan | il-festival, li ser jinżamm fit-toroq tal-Birgu u fil-Palazz tal-Inkwiżitur, għandu l-għan li jinvolvi lit-tfal kif ukoll lill-ġenituri tagħhom fil-qawmien mill-ġdid ta' logħob li għal ħafna snin ta ħajja lit-toroq tal-bliet u l-irħula tal-gżejjer tagħna. Kif inhu l-każ ukoll għal forom oħra ta’ wirt intanġibbli, il-logħob tradizzjonali qiegħed f’riskju li jintesa mill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar li m’għadx għandhom l-opportunità jilagħbuh. Dan il-festival għaldaqstant għandu l-għan li jippreżenta l-logħob bħala parti integrali mill-identità kulturali Maltija. |
| Waqt | it-tnedija ta’ dan il-festival, l-Onor Chris Said, Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni faħħar l-inizjattiva u l-kollaborazzjoni ta’ bejn Heritage Malta u l-Kunsill Lokali u stqarr li “fit-tiġdid tal-Kunsilli Lokali rajna li l-awtoritajiet lokali għandhom jibdew jaħdmu aktar biex iħarsu l-wirt kulturali u storiku tal-lokalitajiet tagħna. Din l-attività, li qed tibbenefika mill-iskema mnedija mis-Segretarjat Parlamentari għall-attivitajiet kulturali fil-lokalitajiet, qed tiftaħ tieqa fuq il-passat u fl-istess ħin għat-tfal tagħna qed tinfetaħ tieqa fuq dinja li ftit li xejn jafu dwarha.” |
| L-attività tal-Ħadd wara nofsinhar hi miftuħa | għall-familja kollha u dawk li se jattendu mhux se jkunu biss spettaturi imma se jkollhom l-opportunità jaraw sa fejn twassal il-ħila tagħhom fil-Passju u jqiegħdu għall-prova l-preċiżjoni tal-mira tagħhom fil-Boċċi u l-Ballun Stop. Jistgħu jagħżlu li jiġru wara t-team rivali fil-Gwerra Franċiża, jagħmlu l-almu tagħhom biex jaqbdu maktur qabel ma jagħmel dan l-avversarju tagħhom fil-Logħba tal-Maktur, jippruvaw mill-aħjar biex ma jinqabdux f’Ħarba jew jiġru wara ż-żunżana f’Iż-Żunżana Ddur Iddur. Dawk li jippreferu xi ħaġa li tirrikjedi inqas eżerċizzju fiżiku jistgħu jilagħbu Ħaġa Moħġaġa, Dawra Durella jew Bum Bum il-Bieb, filwaqt li oħrajn jistgħu jiddeċiedu li jattendu sessjoni prattika fejn wieħed jista’ jibni tajra, jew manoċċa kif inhi magħrufa fiż-Żejtun, u mbagħad wara itajjarha. |
| Il-maġġoranza kbira tal-logħob imsemmi kien | fil-quċċata tal-popolarità tiegħu fil-perjodu Ingliż meta ħafna familji ma setgħux jixtru ġugarelli lussużi u ġeneralment it-toroq ma kellhomx traffiku. Xi logħob partikolari kien jirrifletti wkoll il-kuntest soċjopolitiku taż-żmien u kien jirrapreżenta dak li kien ikun mistenni mit-tfal ladarba dawn jikbru. Madankollu, it-tfal ma kienux l-uniċi li kien ikollhom bżonn tad-divertiment; l-irġiel kienu jistennew bil-ħerqa logħba tal-Boċċi ma’ sħabhom wara ġimgħa xogħol. Il-Boċċi li l-oriġini tagħha probabbli tmur lura għal żmien il-Kavallieri, tinvolvi li wieħed jipprova jersaq l-iktar viċin tal-likk u li jżomm lill-avversarji tiegħu milli jagħmlu hekk. |
| Bħala parti minn dan l-isforz biex terġa’ | tqajjem il-logħob tradizzjonali, Heritage Malta, fi ħdan il-Palazz tal-Inkwiżitur, qed torganizza wkoll wirja temporanja ta’ mudelli ta’ altari u għamara tal-knejjes li għal ġenerazzjonijiet servew ta’ ġugarelli għal bosta subien. Dawk li jattendu l-festival ikollhom ukoll l-opportunità li jippreżentaw il-ġugarelli li għandhom fil-pussess tagħhom u li huma ta’ qabel l-1980 bħala donazzjonijiet lill-kollezzjoni nazzjonali. Min jagħti donazzjoni jingħata rċevuta uffiċjali mit-team kuratorjali tal-Palazz tal-Inkwiżitur. |
| Dawk | kollha li se jipparteċipaw f’dan il-festival se titqassmilhom pubblikazzjoni interessanti bi spjega ta’ kull logħba kif kienet tintlagħab. |
Stqarrijiet Oħra:
PR261990
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...
PR261989en