Left arrow Go Back

STQARRIJA LILL-KAMRA TAR-RAPPREZENTANTI MILL-PRIM MINISTRU, DR LAWRENCE GONZI, DWAR IL-KUNSILL EWROPEW LI NŻAMM FID-29 U 30 TA’ OTTUBRU 2009 U L-LAQGĦA MAL-PRIM MINISTRU SPANJOL JOSE` LUIS ZAPATERO FIT-2 TA’ NOVEMBRU 2009

pr1918
Date Icon 04/11/2009

Mr Speaker,

Illejla nixtieq nibda billi nirrapporta lildin il-Kamra dwar il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li nżamm bejn id-29 u t-30 ta’ Ottubru. Id-delegazzjoni li mexxejt kienet tinkludi lil Dr Tonio Borg, Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, l-Onor. Philip Mifsud u lir-Rappreżentant Permanenti Malti għall-Unjoni Ewropea, Richard Cachia Caruana.
Nixtieq ukoll nieħu din l-okkażjoni biexnirrapporta lill-Kamra dwar il-laqgħat li kelli mal-Prim Ministru Spanjol, Jose` Luis Zapatero nhar it-Tnejn li għaddew in vista tal-Presidenza Spanjola tal-Kunsill Ewropew li ser tibda fl-1 ta’ Jannar li ġej.
1. IL-KUNSILL EWROPEW (29 u 30 ta’ Ottubru2009)
Nibda billi npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamrakopja tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew u ngħaddi biex nagħti rendikont tal-punti ewlenin diskussi u deċiżi matul dan il-Kunsill.
Dan il-Kunsill, presedut minn FrederikReinfeldt il-Prim Ministru Żvediż, fetaħ bħas-soltu b’indirizz tal-President tal-Parlament Ewropew, Jerzy Buzek. Il-President Buzek qasam l-ideat tiegħu u tal-Parlament dwar it-temi ewlenin li kellna fuq l-aġenda, jiġifieri il-kwestjonijiet istituzzjonali, l-isfida tal-bidla fil-klima, il-qagħda ekonomika u l-immigrazzjoni. Dwar l-aħħar punt, nixtieq nikkwota testwalment minn dak li qal: “We need to show greater solidarity with Malta, Cyprus, Greece, Spain and Italy, who are facing a growing problem of illegal immigrants.”

A. IL-BIDLA FIL-KLIMA

Kemm matul l-ewwel sessjoni (il-Ħamisfil-għaxija) kif ukoll waqt is-sessjoni tal-Ġimgħa ddiskutejna l-bidla fil-klima, l-isfidi li ġġib magħha u r-rispons tal-Unjoni Ewropea għal dan kollu fil-kuntest tal-impenji lejn tnaqqis ta’ emissjonijiet, azzjoni ta’ mitigazzjoni, adattament u ftehim ta’ finanzjament. Dan kien importanti għar-rigward tal-mandat għan-negozjati lejn il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-bidla fil-klima li ser issir f’Kopenhagen f’Diċembru li ġej, fejn l-Unjoni Ewropea tqis li għandu jkollha rwol ewlieni.
Nixtieq infakkar li l-Unjoni Ewropeaintrabtet li, jekk il-pajjiżi żviluppati l-oħra jagħmlu l-istess, tieħu deċiżjoni li sal-2020 tnaqqas l-emissjonijiet li kellha fl-1990 bi 30%. Dan huwa pjan ambizzjuż ħafna.
Bejnietna l-Pajjiżi Membri kien hemm punti ta’tluq differenti dwar il-qsim intern tal-ispejjeż marbuta mal-finanzjament tar-rispons għall-bidla fil-klima u kellna dibattitu vivaċi. In-negozjati f’dan is-sens mal-Presidenza kienu twal u wasalna fi qbil li:
i) l-ispejjeż għandhom jinqasmu b’modeffiċjenti, ġust u maqbul;
ii) l-Istati Membri li jifilħu għandhomjikkontribwixxu mill-ewwel skond il-qagħda ekonomika u finanzjarja tagħhom lejn il-kontribut tal-Unjoni Ewropea; u
iii) jiġi maħtur working party dwaril-kontribut tal-pajjiżi l-oħra.
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopjatal-proposta tal-Presidenza li ġiet approvata mill-Kunsill.

B. IT-TRATTAT TA’ LISBONA

Mill-aħħar Kunsill ‘l hawn, il-Ġermanja, l-Irlandau l-Polonja irratifikaw it-Trattat ta’ Lisbona. Kull ma kien jonqos hija r-ratifika tar-Repubblika Ċeka. Fil-fatt, il-bieraħ il-President tar-Repubblika Ċeka, Vaclav Klaus, iffirma wkoll dan it-Trattat. It-Trattat jistipola li dan jidħol fis-seħħ fl-ewwel tax-xahar wara li kull Stat Membru jkun iddepożita r-ratifika tiegħu
Bħala Kunsill Ewropew qbilna li jiġi mehmużprotokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika Ċeka. Jidher li dan fetaħ it-triq biex ir-Repubblika Ċeka wkoll tirratifika dan it-Trattat u b’hekk is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jkun irratifika dan it-Trattat.
F’dan il-kuntest kellna wkoll diskussjonidwar is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna li jrid jitwaqqaf skond it-Trattat ta’ Lisbona taħt it-tmexxija tar-Rappreżentant Għoli. Dan kollu għandu jiżgura li l-Unjoni Ewropea tkun attur aktar kapaċi, koerenti u strateġiku f’dinja li qed issir dejjem aktar globalizzata.

C. QAGĦDA EKONOMIKA U FINANZJARJA

Ma setax jonqos li niddiskutu l-qagħda ekonomika u finanzjarja. Għalkemm jidher li r-rankatura tad-deterjorament ekonomiku waqfet, xorta fadal problemi kbar, partikolarment fil-qasam tal-impjiegi. Anzi, l-indikazzjonijiet huma li l-qagħda tal-impjiegi fl-Ewropa ser tkompli tiddeterjora.

Mr Speaker,

Il-Gvern iqis li din hija sfida ewlenija. Għalina l-ekonomija tfisser ftit li xejn jekk naqtugħha mis-servizz li tagħti lill-bniedem u lill-familji tagħna, partikolarment permezz tax-xogħol. Għalina ix-xogħol huwa meħtieġ għat-tkabbir ekonomiku, għall-benesseri soċjali u individwali u għall-soċjetà fejn ħadd ma jaqa’ lura. Dan kollu jitlob għaqal, responsabbiltà u direzzjoni.

Kif għidt, għalkemm issa bdejna ngħidu li rridu naħsbu għall-exit strategy mill-problemi ekonomiċi, għalina ekonomija tajba ma tfissirx biss numri tajbin iżda primarjament tfisser impjiegi, u impjiegi tajbin, għall-membri kollha tas-soċjetà tagħna. Dan ma jiġix bi kliem fieragħ, bi proposti irresponsabbli u billi naħarbu mir-realtà. Inqisu li starteġija ġdida Ewropea għall-impjiegi u t-tkabbir għandha tkun parti mir-reviżjoni li jmiss tal-Istrateġija ta’ Lisbona. Id-dinja inbidlet mill-1992, meta ġiet varata din l-Istrateġija, u għalhekk irridu li din l-istrateġija tkun riveduta sabiex flimkien inkunu nistgħu nindirizzaw b’suċċess l-isfidi tal-lum.

D. IMMIGRAZZJONI U AŻIL

L-immigrazzjoni reġgħet kienet fuq l-aġendatal-Kunsill Ewropew. L-isforzi ta’ Malta sabiex twassal il-messaġġ li dan il-fenomenu huwa sfida għall-Ewropa kollha, u mhux għall-pajjiżi tal-Mediterran biss, qed iħallu l-frott. Id-diskussjoni fil-Kunsill kellha dawn l-elementi ewlenin.
Il-proġett pilota għar-rilokazzjonivolontarja ta’ benfiċċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali li jinsabu f’Malta kien riaffermat. Sar ħafna u għadu għaddej ħafna xogħol fuq dan il-proġett pilota kif ukoll għat-twaqqif tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Ażil.
Għar-rigward tal-FRONTEX, kien hemm qbil lidan għandu jiġi msaħħaħ, inkluż il-proposta ta’ Malta għall-formulazzjoni ta’ rules of engagement ċari għall-operazzjonijiet konġunti fuq il-baħar skond il-liġi internazzjonali. Dan it-tisħiħ tal-FRONTEX għandu jinkludi wkoll ko-operazzjoni akbar mal-pajjiżi ta’ oriġini u tranżitu kif ukoll il-possibiltà ta’ kiri ta’ ajruplani, b’finanzi mill-FRONTEX, għar-ripatrijazzjoni konġunta.
Matul dan il-Kunsill iddiskutejna wkoll l-Istrateġijatal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku u l-qagħda fil-Pakistan u l-Afganistan.
2. LAQGĦA MAL-PRIM MINISTRU SPANJOL JOSE`LUIS ZAPATERO (2 ta’ Novembru 2009)

Mr Speaker,

Nhar it-Tnejn li għaddew kelli laqgħamal-Prim Ministru Spanjol Jose` Luis Zapatero in vista tal-Presidenza Spanjola tal-Unjoni Ewropea għas-sitt xhur bejn Jannar u Ġunju tas-sena d-dieħla. Għal din il-laqgħa kont akkumpanjat minn Dr Tonio Borg, Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, u r-Rappreżentant Permanenti Malti għall-Unjoni Ewropea, Richard Cachia Caruana.
L-għan ta’ din il-laqgħa kien li niddiskutuil-prioritajiet matul il-Presidenza Spanjola. Din il-Presidenza se tinżamm fi żmien partikolari, jiġifieri meta l-Ewropa ser tkun qed isaħħaħ l-isforzi biex noħroġu mill-kriżi ekonomika li għaddejna minnha dan l-aħħar żmien. Kif għidt qabel, għalina l-għan ewlieni u l-kejl prinċipali tal-ħidma kollha huwa kemm jirnexxielna li dan l-irkupru ekonomiku ikun tradott f’aktar xogħol u xogħol aħjar għall-ħaddiema tagħna u għall-familji tagħna. Il-Prim Ministru Zapatero indika li l-Presidenza Spanjola ser taħdem biex flimkien nissettjaw l-elementi ewlenin għat-tiġdid tal-Istrateġija ta’ Lisbona għal wara l-2010. Qbilna li l-kriterji ewlenin għall-kejl tas-suċċess tal-politika tagħna għandhom ikunu il-ħolqien ta’ impjiegi u żvilupp ekonomiku sostenibbli fid-dinja tal-llum li qed taffaċċja l-isfida tal-bidla fil-klima u s-sigurtà fl-enerġija. L-isforzi tagħna għandhom jinkludu investiment sostnut fl-edukazzjoni, fir-riċerka u l-innovazzjoni u ambjent favorevoli għall-intrapriża.
Il-Presidenza Spanjola ser tkun involutawkoll fil-bidliet istituzzjonali li jirriżultaw mill-addozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona. Qbilna li l-arranġamenti istituzzjonali ġodda huma għodda tajba u effikaċi sabiex kemm bħala Unjoni kif ukoll bħala pajjiżi inkunu nistgħu niffaċċjaw l-isfidi tad-dinja tal-llum.
Kif mistenni, l-isfida tal-immigrazzjoni kienpunt li ddiskutejna fit-tul. Spanja wkoll taffaċċja problema konsiderevoli f’dan il-qasam. Minkejja dan, id-daqs ta’ Malta, il-qagħda ġeografika ta’ pajjiżna u l-pajjiż ta’ oriġini ta’ ħafna mill-immigranti li jiġu Malta jwasslu għal aspetti partikolari tal-isfida li qed naffaċċjaw aħna. Il-Prim Ministru Zapatero u jien kellna diskussjoni pjuttost twila dwar dan u nixtieq nirraporta li l-Prim Ministru Spanjol fehem sewwa u apprezza ir-realtajiet partikolari ta’ Malta u li dawn jeħtieġu soluzzjonijiet partikolari. Il-proġett pilota għar-rilokazzjoni volontarja ta’ benifiċċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali li jinsabu f’Malta u t-twaqqif tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Ażil ġew diskussi f’dan il-kuntest. Qbilna wkoll li din l-isfida hija wkoll traġedja umana, xi ħaġa li ma rridux ninsew waqt li nindirizzawha b’fermezza. Il-Mediterran għandu jkun element ewlieni tal-aġenda tal-Presidenza Spanjola. Malta lesta u tixtieq tkkontribwixxi fil-ħidma għat-tisħiħ tad-djalogu u r-relazzjoniet bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u l-ġirien tagħna fl-Afrika ta’ Fuq. L-isfidi tal-bidla fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija u l-immigrazzjoni illegali jagħtu dimensjoni partikolari u urġenti lil din ir-relazzjoni u lil dan id-djalogu.
Tkellimna wkoll dwar elementi oħra tal-ħidmamistennija matul il-Presidenza Spanjola, inkluż id-diskussjoni dwar il-Direttiva li tirregola l-Ħin tax-Xogħol (Working Time Directive) u li Malta ser tkompli tinsisti li l-ħaddiema għandu jibqa’ jkollhom il-possibiltà li jagħżlu li jaħdmu aktar minn 48 siegħa fil-ġimgħa, jekk ikunu jixtiequ.
Ir-relazzjoni bejn Malta u Spanja, li tmurlura aktar minn 700 sena ilu, hija relazzjoni eċċellenti. Illum, grazzi għas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea, din ir-relazzjoni ħadet dimensjoni aktar profonda u interessanti. Flimkien, u bħala ugwali, qed nissieħbu sabiex naffaċċjaw l-isfidi li qed jippreżentaw ruħhom kif ukoll sabiex naħtfu l-opportunitajiet b’risq il-membri kollha tas-soċjetà tagħna.

Mr Speaker,

Aħna parti minn din id-dinja waħda. Dinja lifilwaqt li għadha għaddejja minn kriżi finanzjarja u ekonomika, qed tfittex l-aħjar mod kif tindirizza sfidi kbar oħra bħalma huma t-tibdil fil-klima, l-immigrazzjoni illegali, u s-sigurtà fil-provvista tal-enerġija. Dawn huma realtijiet li huma marbutin ma’ xulxin b’mod intimu. Ma nistgħux nindirizzawhom b’mod sodisfaċenti għal rasna u waħedna.
Għandna x-xorti li f’dawn il-mumenti qedinkunu parti mid-deċiżjoniet li jolqtu lilna u lil uliedna. Irridu nagħtu sehemna fit-tfassil tal-miżuri meħtieġa u qed naqsmu il-mezzi li qed ikunu disponibbli biex dawn l-isfidi ndawruhom f’opportunitajiet b’risq is-soċjetà tagħna kollha.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Over 200 students express their vision of the construction sector through art

PR261989en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

More Press Releases Right arrow