IL-CRUISELINER MS ROTTERDAM L-AKBAR VAPUR LI JAGĦMEL WAQFA F’GĦAWDEX
| Il-cruiseliner MS Rotterdam għamel waqfa | ta’ ġurnata f'Għawdex wara li ħalla l-Port il-Kbir kmieni filgħodu. L-MS Rotterdam jagħmel parti mil-linja Holland America Line li l-aġenti tagħhom f’Malta huma rappreżentati mill-kumpanija O.F. Gollcher & Sons Ltd. L-MS Rotterdam qed iġorr 1,256 passiġġier flimkien ma’ 589 membru tal-ekwipaġġ, u b’hekk huwa l-ikbar vapur ta’ dan it-tip li waqaf qrib il-gżira ta’ Għawdex. Il-vapur ankra ftit ‘il barra mill-port tal-Imġarr għall-ħabta tal-għaxra ta' filgħodu wara li dar madwar il-gżira. |
| L-attività fl-Imġarr ħadet xejra mhux tas-soltu | hekk kif id-dgħajjes jew tenders bdew iniżżlu l-passiġġieri l-art. Permezz ta' koordinazzjoni mill-Ministeru għal Għawdex ġie mħejji spazju biex tingħata merħba lil dawn il-viżitaturi. Ix-xena kienet imżewqa b'daqq u żfin folkloristiku mill-grupp Menhir tal-Qala filwaqt li ġie offrut ikel tipiku u prodotti ta' ikel artiġjanali. Rappreżentanti tal-Awtorità tat-Turiżmu (MTA) u l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex (GTA) qassmu materjal promozzjonali u informattiv dwar il-gżira ta' Għawdex. |
| Ħafna mill-passiġġieri ħadu numru ta’ | eskursjonijiet varji madwar il-gżira ta’ Għawdex, li kienu koordinati mill-kumpanija Mifsud Brothers. L-attivitajiet kienu jinkludu jeep safaris, żjajjar f'siti storiċi u mużewijiet, esperjenzi agro-turistiċi f'inħawi agrikoli fejn it-turisti setgħu wkoll iduqu ikel, inbid u xorb magħmul mil-lumi u larinġ. Uħud għażlu li jżuru l-gżira ta' Kemmuna u oħrajn ippreferew li jinżlu l-art u jesploraw il-gżira b'mod liberu. Ma naqsux żjajjar madwar il-kampanja u l-ambjenti rurali tal-gżira li f'dan iż-żmien partikolari tas-sena joffru dehra mill-isbaħ. Madwar 950 passiġġier li jammontaw għal 75% tal-passiġġieri fuq l-MS Rotterdam, niżlu l-art matul il-ġurnata. |
Il-Kaptan Henrik Krombeen ta merħba lill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, fi żjara qasira li hija għamlet fuq l-MS Rotterdam. Preżenti kien hemm ukoll is-Sur Karl Gollcher, direttur maniġerjali tal-kumpanija Gollcher, l-aġenti tal-vapur. Il-Ministru Debono esprimiet is-sodisfazzjon tagħha u fissret l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex biex ikabbar il-potenzjal ta’ Għawdex fl-attrazzjoni ta’ turiżmu mill-qasam tal-cruiseliners. Permezz ta' kollaborazzjoni ma' aġenti u operaturi fis-settur, il-Ministeru għal Għawdex jirrikonoxxi u jsostni din l-attività li tirriżulta wkoll f’sors ieħor ta’ promozzjoni valida għall-gżira. Id-diversità fin-numru ta’ eskursjonijiet li ġew organizzati, minbarra li ġġeneraw kummerċ u attività fi żmien relattivament kwiet, esponew ukoll bosta mill-karatteristiċi u attrazzjonijiet uniċi ta’ Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Onor. Mario de Marco, f’kumment dwar iż-żjara ta’ dan il-vapur f’Għawdex, qal li l-MTA tippromwovi b’mod partikolari u ffukat kemm is-settur tal-cruiseliners u kif ukoll dak ta’ Għawdex bħala destinazzjoni separata minn Malta. Iż-żjara tal-lum hija wkoll frott il-ħidma tal-MTA sabiex tkompli tippromwovi lil Għawdex bħala destinazzjoni distinta għat-turisti li jiġu bil-cruiseliners, u hija sinjal tas-sinerġiji li qed jinħolqu f’diversi niċeċ tal-industrija turistika tagħna. Hu żied jgħid li hu sinifikattiv il-fatt li filwaqt li cruiseliners ġeneralment iqattgħu ġurnata f’destinazzjoni, l-MS Rotterdam għażel li jqatta’ ġurnata Malta u ġurnata oħra f’Għawdex, biex b’hekk fil-fatt se jkun qatta’ jumejn fil-Gżejjer Maltin.
Aktar kmieni din is-sena l-Club Med II u r-Royal Clipper ukoll għamlu waqfa qrib Għawdex filwaqt li fit-8 ta’ Novembru li ġej huwa mistenni li l-MS Prinsendam tal-linja Holland America Line, ukoll jagħmel waqfa f’Għawdex wara li jħalli l-Port il-Kbir. L-MS Rotterdam ħalla Għawdex għal ħabta tas-6.00 p.m. fi triqtu lejn Messina.
Stqarrijiet Oħra:
PR261990
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...
PR261989en