JITNIEDA PROĊESS TA’ KONSULTAZZJONI LOKALI FIŻ-ŻONA TAL-MAJJISTRAL B’FONDI MILL-PROGRAMM LEADER
pr1815
21/10/2009
| Mil-lum, 13-il kunsill lokali fil-Majjistral | ta’ Malta li jiffurmaw parti mill-‘Majjistral Local Action Group’ se jibdew jiltaqgħu mar-residenti tagħhom biex jiddiskutu ideat għal inizjattivi rurali li se jiġu mwettqa permezz ta’ fondi mill-programm tal-Unjoni Ewropea Leader. B’kollox se jkun hemm 13-il sezzjoni ta’ konsultazzjoni lokali mal-pubbliku u l-ewwel laqgħa tibda llejla f’Ħal Lija fis-6.30pm fis-sala tal-Kunsill Lokali. Ir-residenti stess se jkunu qed jidentifikaw x’jixtiequ jaraw fil-lokalità tagħhom. |
| L-għan tal-inizjattiva Leader huwa li jtejjeb | l-iżvilupp sostenibbli rurali. Din l-inizjattiva tiffoka billi tgħaqqad flimkien is-settur pubbliku mas-settur privat, operaturi fil-qasam tal-agrikoltura, operaturi fit-turiżmu, kif ukoll NGOs. |
| Tliet Local Action Groups ġew iffurmati biex | jilħqu l-maġġoranza rurali ta’ Malta u Għawdex. Dawn huma l-Grupp ta’ Azzjoni Għawdex, dak tal-Majjistral u dak tax-Xlokk, li bejniethom jiġbru taħt il-kappa tagħhom 40 lokalità rurali. Kull Local Action Group ingħata €90,000 biex ifassal strateġija għall-iżvilupp lokali. |
| Chris Said, Segretarju Parlamentari | għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni stqarr li l-aħjar azzjonijiet fil-lokalitajiet se jkunu qed jiġu identifikati permezz tal-laqgħat ta’ konsultazzjoni biex tinġabar l-informazzjoni meħtieġa. ”Permezz ta’ din il-konsultazzjoni se jkunu qed jinstabu soluzzjonijiet xierqa għall-problemi tat-territorju minn dawk l-iktar involuti – jiġifieri r-residenti. L-aħjar suġġerimenti u ideat ser jidħlu fl-istrateġija ta’ żvilupp lokali li se tindika t-tip ta’ azzjonijiet li se jkunu qed jiġu implimentati, kif ukoll iż-żminijiet stipulati għat-twettiq tagħhom. Ghalhekk il-konsultazzjoni ser isservi ta’ bażi għall-iżvilupp ta’ din l-istrateġija fil-lokalitajiet rurali”, qal is-Segretarju Parlamentari. |
| Il-konsultazzjoni fi-żona tal-Majjistral se | tiffoka fuq il-bżonnijiet speċifiċi fit-13 il-lokalità li jikkaratterizzaw l-ekonomija rurali – l-agrikoltura, ir-turiżmu, l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u l-NGOs. F’Għawdex il-konsultazzjoni ntemmet il-bieraħ f’Kerċem, filwaqt li fiż-żona tax-Xlokk din il-konsultazzjoni għaddejja bħalissa. L-istrateġiji tat-tliet Local Action Groups għandhom ikunu mfassla sal-aħħar ta’ Diċembru. |
| It-tip ta’ inizjattivi li se jkunu koperti | permezz ta’ fondi mill-Programm Leader jinkludu inizjattivi fl-agrikoltura, fil-marketing, taħriġ u studju, kif ukoll investimenti kapitali fuq proġetti pjanati speċifikament għat-territorju u li ma jistgħux jiġu finanzjati minn fondi oħra. Għal dawn l-inizjattivi b’kollox hemm allokati kważi €4 miljun fuq medda ta’ 3 snin speċifikament għad-dispożizzjoni tat-tliet gruppi ta’ azzjoni, u li se jgħinu biex joħolqu differenza fiż-żoni rurali, kompla jgħid Chris Said. |
| Is-Sindku ta’ Ħal Lija, Ian Castaldi Paris, | li qed imexxi l-grupp ta’ azzjoni tal-Majjistral stqarr li fil-ġimgħat li ġejjin ser jitqassmu fuljetti bl-informazzjoni dwar il-kunċett ta’ Leader u dwar fejn ser isiru l-laqghat ta’ konsultazzjoni. |
| Il-Kunsilli Lokali msieħba tal-Majjistral | huma Ħal-Lija, Ħ’Attard, il-Għargħur, in-Naxxar, San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, l-iMġarr, l-Iklin, ir-Rabat, Ħad-Dingli, is-Siġġiewi, Mdina u Mtarfa. |
Aktar tagħrif jinsab fuq il-website: www.leadermajjistral.eu
Other Press Releases:
PR261990
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...
PR261989en