Left arrow Mur Lura

INDIRIZZ MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTT. GEORGE ABELA, PRESIDENT TA’ MALTA WAQT ĊENA STATALI AD UNUR TAL-EĊĊELLENZA TIEGĦU S-SUR GEORGI PARVANOV, PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA U S-SINJURA PARVANOVA - IL-PALAZZ IL-BELT VALLETTA - 20 T’OTTUBRU

pr1813
Date Icon 20/10/2009

Sur President u Sinjura Parvanova,

Eċċellenzi,

Mistednin distinti,

Huwata’ pjaċir kbir għall-mara tiegħi Margaret u għalija li nilqgħu f’Malta lill-President tal-Bulgarija u s-Sinjura Parvanova flimkien mad-delegazzjoni Bulgara għal din iż-Żjara Statali li tirrappreżenta pass ieħor lejn it-tisħiħ tar-relazzjonijiet eċċellenti li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi Ewropej tagħna.  Nittama li tqattgħu żjara pjaċevoli f’Malta fejn idduqu l-ħbiberija u l-ospitalità tagħna u tapprezzaw il-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna.
Maltaappoġġjat bil-qawwa l-adeżjoni tal-Bulgarija fl-Unjoni Ewropea u ser tkompli tappoġġja d-dħul tal-Bulgarija fiż-żona euro u l-kandidatura tagħha għas-sħubija fil-ftehim ta’ Schengen.
BħalaStati Membri tal-Unjoni Ewropea, ir-relazzjonijiet tagħna llum ma jiżvolġux biss fuq livell ta’ skambji bilaterali u multilaterali, imma anki fl-ambitu tal-Unjoni Ewropea fi spirtu ta’ solidarjetà.  Bħala membri ta’ din il-familja Ewropea ta’ nazzjonijiet, għandna l-istess valuri ta’ drittijiet tal-bniedem, demokrazija u s-saltna tad-dritt, kif ukoll paċi u prosperità fost il-ġnus li ispiraw lill-missirijiet fundaturi ta’ din l-Unjoni.
Malta ul-Bulgarija huma impenjati u kommessi biex ikomplu jġibu ‘l quddiem il-proġett Ewropew permezz ta’ djalogu kostruttiv u kooperazzjoni effettiva mhux biss fir-reġjuni rispettivi tagħna, iżda anki lil hinn minnhom. Filwaqt li l-Bulgarija tinsisti fuq l-impenn tagħha għall-paċi u s-sigurtà fil-Balkani u l-integrazzjoni tar-reġjun fl-Ewropa, Malta tkompli taderixxi mal-vokazzjoni Mediterranja tagħha billi taħdem fuq livell Ewropew u Internazzjonali, għall-paċi u s-sigurtà fil-Mediterran.  Tul is-snin, Malta ħadet sensiela ta’ inizjattivi li jistgħu jiġu deskritti bħala miżuri biex tisseddaq il-fiduċja biex ikun hemm paċi, stabilità u prosperità fir-reġjun tagħna bħalma ġara fil-każ tal-uffiċċju konġunt li nfetaħ dan l-aħħar bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Lega tal-Istati Għarab.  Waqqafna wkoll f’Malta l-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran li tospita flimkien għall-ewwel darba il-parlamenti nazzjonali kollha ta’ dawk il-pajjiżi li għandhom ix-xtut tagħhom fil-Mediterran.
GħalMalta, hija importanti l-parteċipazzjoni attiva tagħha fil-politika ta’ viċinat tal-Unjoni Ewropea. Il-paċi u l-prosperità fir-reġjuni ġirien tagħna, fil-Mediterran u fiż-żona tal-Punent tal-Balkani, flimkien mar-relazzjonijiet sodi u stabbli tagħna magħhom, jirrappreżentaw l-interess strateġiku komuni tagħna, kif ukoll sfida kbira għall-Unjoni Ewropea.
Maltatemmen li huwa fl-interess tal-Unjoni, hekk kif inhuwa fl-interess tar-reġjun tal-Punent tal-Balkani li titħaffef kemm jista’ jkun l-integrazzjoni ta’ dan ir-reġjun f’Unjoni dinamika, fattur li jkun ta’ għajnuna kbira ħafna biex ikunu konsolidati s-sigurtà u l-istabilità tar-reġjun. F’dan il-kuntest, Malta tilqa’ wkoll il-ftuħ mill-ġdid tan-negozjati għall-adeżjoni tal-Kroazja, għaliex dan huwa fattur sinjifikanti fil-proċess ta’ adeżjoni tal-Kroazja u sinjal ċar lir-reġjun kollu tal-Balkani li jenfasizza l-impenn tal-Unjoni Ewropea biex l-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni tkun objettiv li jista’ jintlaħaq.
Ninsabċert Sur President li int, bħala Ewropew konvint, tittama li tasal il-ġurnata meta t-Trattat ta’ Liżbona jegħleb l-aħħar ostaklu u jiġi ratifikat mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea minħabba li, aktar dewmien biex ikun ratifikat it-Trattat, jista’ jqanqal sentimenti ta’ inċertezza fost iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra.
SurPresident,
Ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Bulgarija humaeċċellenti u mibnija fuq spirtu ta’ ħbiberija, fiduċja u djalogu politiku. Ninsab sodisfatt ninnota li l-Protokoll ta’ Kooperazzjoni bejn iż-żewġ Ministri tal-Affarijiet Barranin tagħna ser jiżdied mal-lista ta’ ftehimiet bilaterali li huma diġà fis-seħħ.
Jienafiduċjuż li hemm aktar skop għat-tkabbir tal-kooperazzjoni bilaterali tagħna u ninsab kuntent li oqsma oħrajn qegħdin jiġu esplorati fir-rigward tal-kooperazzjoni fl-oqsma taż-żgħażagħ u l-isports; it-trasport marittimu u l-protezzjoni rispettiva ta’ informazzjoni klassifikata.  Ninsab fiduċjuż li n-negozjati li għaddejjin fir-rigward ta’ dawn is-setturi, ikunu konklużi u li l-ftehimiet ikunu ffirmati fil-ġejjieni qrib.
Nemmenħafna li r-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi jkunu ta’ benefiċċju mhux biss għar-relazzjonijiet diplomatiċi imma anki jservu bħala mezz ta’ kuntatti bejn iċ-ċittadini tal-pajjiżi rispettivi.  Ikun ta’ benefiċċju li l-kuntatti kulturali u turistiċi bejn Malta u l-Bulgarija jinġiebu aktar ‘il quddiem sabiex iż-żewġ pajjiżi jsiru aktar magħrufa fost iċ-ċittadini tagħna. Il-kultura u l-edukazzjoni jistgħu jġibu l-popli tagħna aktar qrib xulxin.
Ninsabferħan ninnota li llum, komunità mdaqqsa ta’ aktar minn 300 ċittadin Bulgaru jgħixu u jaħdmu f’Malta.  Ħafna minn dawn il-Bulgari integraw tajjeb fis-soċjetà Maltija u qegħdin jagħtu kontribut tajjeb fl-ekonomija Maltija.  Iktar studenti Bulgari jistgħu jutilizzaw il-faċilitajiet li toffri Malta biex ikomplu jkattru l-għarfien tagħhom tal-lingwa Ingliża.
Filwaqtli nsemmi l-ekonomija, nagħmel referenza wkoll għall-kummerċ bilaterali fejn inħoss li hemm ħafna fejn intejbu.  Nemmen li jistgħu jinstabu modi fejn jikbru l-iskambji kummerċjali għall-benefiċċju tal-ekonomiji tagħna. L-organizzazzjonijiet tagħna għall-promozzjoni tal-kummerċ jistgħu jikkooperaw biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni ekonomika bejn iż-żewġ pajjiżi. Negozjanti Maltin u Bulgari jistgħu jieħdu vantaġġ mill-ħiliet reġjonali rispettivi biex jgħinu lil xulxin biex jidħlu għall-proġetti fir-reġjuni tal-Afrika ta’ Fuq u tal-Lvant tal-Ewropa rispettivament.  Hemm potenzjal kbir għal inizjattivi bħal dawn li fl-aħħar mill-aħħar jissarrfu f’benefiċċji għaż-żewġ pajjiżi.
Illum,ma jistgħux jissemmew kwistjonijiet ekonomiċi mingħajr ma tissemma l-kriżi ekonomika u finanzjarja. Malta qiegħda ssegwi l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji biex tilqa’ għall-effetti negattivi fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji tagħna. Għalkemm huwa impossibbli li ma nintlaqtux minn din il-kriżi, irnexxielna negħlbu l-maltemp mingħajr wisq ħsara, grazzi għall-fatt li adottajna l-munita euro u grazzi għal miżuri f’waqthom li ttieħdu mill-Gvern Malti. Filwaqt li swieq finanzjarji jidhru li stabilizzaw irwieħhom u indikaturi riċenti jagħtu lok għall-ottimiżmu li r-riċessjoni qiegħda tbatti, ir-ritorn għal tkabbir sostenibbli għadu ma seħħx. Aktarx li noħorġu minn din il-kriżi f’kuntest ekonomiku u finanzjarju ġdid bi sfidi ġodda quddiemna. B’mod partikolari, jeħtieġ intaffu l-impatt tar-riċessjoni fuq is-swieq tax-xogħol. Huwa hawn li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jistgħu jibbenefikaw minn sforzi koordinati bejniethom bil-għan li tinġieb lura l-fiduċja tal-investituri u tinstab strateġija għal tkabbir sostenibbli.  L-għażliet li nagħmlu llum, ser jiddeterminaw kif ser naffrontaw l-isfidi ta’ għada.
Biexnikkonkludi, ippermettili Sur President, nifraħlek għall-missjoni nobbli tiegħek lejn l-aktar nies żvantaġġati fis-soċjetà Bulgara.  Meta ġejt elett, inti ddikjarajt li ser tkun President “soċjali”.  Filwaqt li żammejt l-impenn tiegħek, inti bdejt il-kampanja “Milied Bulgaru” biex jinġabru fondi għall-kura ta’ tfal morda u biex jiġu modernizzati l-isptarijiet u l-istituzzjonijiet tas-saħħa.  Il-ħidma tiegħek titkellem waħedha u qiegħda tasal aktar minn kliemek.  Nifraħlek għal inizjattiva tant nobbli li bħalha qegħdin inwettqu hawn Malta.

Mistednin distinti,

Nistedinkom terfgħu t-tazzi tagħkom u tixorbu bis-saħħa tal-Eċċellenza Tiegħu l-President tal-Bulgarija u s-Sinjura Parvanova, tal-ħbiberija u l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi u l-popli tagħna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Over 200 students express their vision of the construction sector through art

PR261989en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow