LAQGĦA F’GĦAWDEX GĦALL-ISTUDENTI UNIVERSITARJI ĠODDA
pr1528
15/09/2009
| Fis-sala | tal-wirjiet tal-Ministeru għal Għawdex ġiet organizzata laqgħa introduttorja għal studenti Għawdxin li din is-sena ser jibdew korsijiet fl-Università ta’ Malta. Din il-laqgħa ġiet imtellgħa fuq inizjattiva tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) u l-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG), bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex u matulha rappreżentanti taż-żewġ għaqdiet Universitarji taw tagħrif dwar uħud mill-aspetti relatati mal-ħajja universitarja li dawn l-istudenti ser jibdew fil-ġimgħat li ġejjin. |
| Minbarra tagħrif | dwar l-għan li għalih twaqqfu l-għaqdiet rispettivi, u x-xogħol li dawn iwettqu matul is-sena b’risq il-membri u l-istudenti li huma jirrappreżentaw, il-kelliema spjegaw ukoll il-funzjoni ta’ għaqdiet oħra fi ħdan id-diversi fakultajiet u ħeġġu lill-istudenti ġodda biex isiru jafu aktar dwarhom matul l-attivitajiet tal-Freshers’ Week li ser ikunu organizzati hekk kif jibda l-ewwel simestru. Il-kelliema ffukaw ukoll fuq aspetti speċifiċi li jolqtu lill-istudenti Għawdxin aktar mill-qrib partikolarment dawk marbuta ma’ tiftix ta’ akkomodazzjoni, traġitti bejn iż-żewġ gżejjer u spejjeż relatati magħhom. Il-GUG permezz tas-sit elettroniku tagħha toffri informazzjoni dwar postijiet ta’ akkomodazzjoni qrib l-Università fejn studenti Għawdxin ikunu jistgħu jalloġġjaw flimkien ma’ studenti oħra sħabhom |
| Għal din | il-laqgħa attendew aktar minn mitt student u studenta li ser jibdew il-korsijiet Universitarji tagħhom din is-sena. Dawn ser jingħaqdu ma’ mijiet ta’ studenti Għawdxin oħra li se jkomplu bl-istudji li huma bdew f’dawn l-aħħar snin. Il-kelliema tal-GUG spjegat kif in-numru ta’ studenti Għawdxin fl-Università ta’ Malta żdied b’mod regolari biex illum kważi jlaħħaq għaxra fil-mija tal-popolazzjoni universitarja. Hija aċċennat ukoll għall-ħidma mwettqa mill-GUG fir-rigward ta’ studenti Għawdxin u kif dawn huma megħjjuna minn sussidji speċjali biex ikopru spejjeż ta’ akkomodazzjoni u trasport bil-baħar. |
| Il-Ministru għal | Għawdex, l-Onor Giovanna Debono, indirizzat lil dawk li attendew u fissret is-sodisfazzjon tagħha għall-fatt li kull ma jmur bosta studenti Għawdxin qed jagħżlu li jkomplu bl-istudji terzjarji tagħhom. Hija spjegat l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex b’risq it-tisħiħ tal-edukazzjoni li jinkludi l-koordinazzjoni ta’ għajnuna finazjarja li matul l-aħħar sena skolastika kienet tammonta għal aktar minn €800,000. Il-Ministru fissret kif din l-għajnuna żdiedet minn €35 għal €116 kull erba’ ġimgħat u kif din ġiet estiża wkoll għal studenti Għawdxin oħrajn li jattendu istituzzjonijiet edukattivi post sekondarji oħra f’Malta. Dan minbarra għajnuna oħra li tkopri spejjeż tat-trasport bil-vapur li tingħata fuq bażi ta’ tliet xhur. |
| Aktar | informazzjoni dwar din l-għajnuna tista’ tinkiseb mill-Ministeru għal Għawdex jew minn fuq l-istand tal-GUG matul l-attivitajiet imtellgħa fuq il-Kampus ta’ l-Università fl-ewwel ġimgħa tas-sena skolastika li ser tibda fil-jiem li ġejjin. |
Other Press Releases:
PR261987
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imfakkar il-65 a...
PR261986en