Left arrow Go Back

ATTIVITÀ AGRI-TURISTIKA FI DWIELI FL-GĦARB

pr1479
Date Icon 07/09/2009
Wara s-suċċess li kisbu minn attività similis-sena l-oħra, Anthony u Marisa Hili, il-propjetarji żgħażagħ ta’ intrapriża tal-inbid Għawdxi magħruf bħala Tal-Massar Winery, reġgħu għal darb’oħra ħolqu attività unika ta’ qtugħ ta’ għeneb. Il-vinja privata ta’ din l-intrapriża serviet mhux biss ta’ vetrina għas-sbuħija unika li joffri l-pajsaġġ mhux mimsus tar-raħal pittoresk tal-Għarb iżda wkoll ħolqot esperjenza interessanti għall-parteċipanti kollha. Permezz ta’ din l-attività l-parteċipanti kellhom sehem dirett fil-produzzjoni tal-inbid li se joħroġ fis-suq is-sena d-dieħla.
L-organizzaturi kienu sodisfatti ħafnabil-konkorrenza għal din l-attività li għaliha attendew diversi turisti, residenti barranin u anki grupp imdaqqas ta’ Maltin li qasmu l-fliegu biex ikunu parti minn dan il-grupp ta’ nies, b’kulturi differenti iżda b’għan komuni ta’ ħbiberija b’kuntatt man-natura. Is-sinjuri Hili spjegaw ir-raġuni ewlenija ta’ din l-attività li minn barra li sservi ta’ reklam ħaj għall-inbid li jiġi manifatturat minn vinji li fihom ma jintużawx erbiċidi u li jikklassifikaw għad-D.O.K, tippromwovi wkoll stil ta’ ħajja b’saħħitha fejn wieħed jitħarreġ fiżikament fl-ambjent rurali uniku tal-inħawi.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. GiovannaDebono, kienet mistiedna tingħaqad għal xi ħin f’din l-attività li hija ddeskriviet bħala inizjattiva li tolqot diversi aspetti relatati mal-politika tal-Gvern għal Għawdex. Hija fissret kif fl-ewwel snin tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, Għawdex ibbenefika minn diversi proġetti li kienu ko-finanzjati minn fondi Ewropej. Saru korsijiet biex jippromwovu prattiċi agrikoli tajbin li jgħoddu b’mod partikolari għal Għawdex filwaqt li tnedew skemi biex jgħinu setturi differenti, fosthom l-agrikoltura.
Il-Ministru qalet li l-istorja waratal-Massar tixhed il-benefiċċji li ħarġu minn dawn it-tipi ta’ inizjattivi li permezz tagħhom setgħu jiksbu l-informazzjoni u t-taħriġ meħtieġ biex żviluppaw l-għelieqi tagħhom b’mod li jiġi kkonservat l-ambjent rurali tal-inħawi filwaqt li jinħoloq prodott tipiku Għawdxi. Barra minn hekk, attività bħal dik tal-qtugħ tal-għeneb tikkontribwixxi wkoll bħala attrazzjoni miżjuda għall-Maltin u barranin li jżuru lil Għawdex f’dan iż-żmien tas-sena. Dan kollu jesponi l-karatteristiċi uniċi ta’ Għawdex, speċjalment karatteristiċi tipiċi bħalma huma l-agrikoltura u l-ikel tipiku Għawdxi. Il-Ministru rrimarkat ukoll li attivitajiet bħal dawn huma wkoll kompatibbli mal-viżjoni eko-Għawdex.
Wara li nqatgħu mas-6,000 kilo għeneb tat-tipSan Govese u Sircusian, dawk kollha preżenti kienu mistiedna biex iduqu ikel bnin tipiku Għawdxi li kien ippreparat minn mart il-proprjetarju filwaqt li kienu minn tal-ewwel li daqu l-inbid fin li se jinħareġ fis-suq minn Tal-Massar Winery is-sena d-dieħla.
Fi kliem wieħed mill-parteċipanti ‘Permezz ta’din l-attività u f’dan il-post, wieħed iħossu liberu mit-tensjoni tal-ħajja mgħaġġla għax meta ssir parti min-natura, l-ambjent naturali għandu l-ħila li jsaffik mill-enerġija negattiva u-t-tensjoni li jinġabru fina matul iż-żmien bil-ħajja tal-lum’.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Imfakkar il-65 anniversarju ta’ The Duke of Edinburgh’s International Award f’Malta

PR261987

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imfakkar il-65 a...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  150th anniversary of Carlo Diacono’s birth commemorated with a concert under the patronage of Speaker Carmelo Abela

PR261986en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER 150th anniversary of Carlo Diac...

More Press Releases Right arrow