Left arrow Go Back

Il-ViĊi Prim Ministru Tonio Borg Jiffirma sitt ftehim bilaterali mal-Qatar

pr1431
Date Icon 27/08/2009
Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-AffarijietBarranin, l-Onor. Tonio Borg iffirma sitt ftehim bilaterali mal-Qatar li se jkunu qed jgħinu biex jinġieb iktar investiment u jinħoloq iktar xogħol f’pajjiżna. Il-Viċi Prim Ministru Tonio Borg iffirma dawn il-ftehim fil-Qatar fejn qiegħed jakkumpanja lill-President ta’ Malta fi żjara statali, flimkien ma’ delegazzjoni kummerċjali ta’ 26 negozjant u professjonista Malti.
Is-sitt ftehim bilaterali jinkludu qbil dwarServizzi tal-Ajru, dwar il-Ħelsien mit-Tassazzjoni Doppja; Koperazzjoni fil-Qasam Legali; Koperazzjoni u qsim ta’ aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti bejn iż-żewġ pajjiżi, Memorandum of Understanding dwar konsultazzjonijiet politiċi bilaterali  u ieħor dwar il-qasam sportiv.

·       Il-ftehim dwar is-servizzi tal-ajru se jkun qed jagħti l-possibbilta’ biex iż-żewġ pajjiżi jibdew joperaw servizzi tal-ajru regolari.  

·       Dak dwar il-Ħelsien mit-Tassazzjoni Doppja se jkun  qed isaħħaħ il-kummerċ u l-investiment bejn iż-żewġ pajjiżi u jnaqqas id-diffikultajiet lil  min jixtieq jinvesti.  

·       Il-ftehim iffirmat dwar il-qasam legali se jkun qed jgħin liż-żewġ pajjiżi biex jaqsmu bejniethom informazzjoni legali u jgħinu lil xulxin fit-taħriġ f’dan il-kamp.  

·       Dwar il-ftehim għall-qsim ta’ aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti, iż-żewġ pajjiżi se jibdew jinfurmaw lil xulxin fuq dan l-aspett u jaqsmu wkoll stqarrijiet uffiċjali,  ritratti u materjal ieħor li jista’ jgħin biex jiġi organizzat taħriġ f’dan is-settur tal-informazzjoni.  

·       Il-Memorandum of Understanding dwar konsultazzjonijiet politiċi bilaterali se jkun qed jgħin biex jissaħħu l-konsultazzjonijiet bilaterali fuq l-aspett politiku u diplomatiku, kif ukoll iktar kontribuzzjoni miż-żewġ naħat fuq kwistjonijiet importanti li għandhom x’jaqsmu mal-Mediterran u r-Reġjuni tal-Golf.  

·       L-aħħar ftehim huwa dak dwar l-isports fejn iż-żewġ pajjiżi se jkunu qed jorganizzaw bejniethom delegazzjonijiet sportivi. 

Il-Viċi Prim Ministru Borg sostna li dawnil-ftehim se jkunu ta’ għajnuna importanti biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fuq diversi oqsma, fosthom dawk politiċi, kulturali, sportivi kif ukoll legali.  Huwa  tenna li l-qasam kummerċjali qiegħed fuq quddiem tal-aġenda ta’ din iż-żjara fil-Qatar speċjalment meta tqis li qiegħed jakkumpanja delegazzjoni ta’ 26 negozjant u professjonista mid-diversi oqsma ekonomiċi tal-pajjiż.
Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-AffarijietBarranin ikkumenta li l-Gvern qiegħed ikompli l-ħidma tiegħu li jesplora l-possibbilitajiet li pajjiżi bħal Qatar jistgħu joffru lil Malta, fis-settur tal-investiment dirett barrani. Huwa rrefera wkoll għall-ftehim dwar il-Ħelsien mit-Tassazzjoni Doppja u stqarr li fl-aħħar sena u nofs il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin iffirma 11-il ftehim ta’ Ħelsien mit-Tassazzjoni Doppja. Dan huwa pass importanti għall-pajjiżna għaliex permezz ta’ dawn il-ftehim, ikun iktar aġevolat in-negozju u l-kummerċ bejn Malta u l-pajjiżi rispettivi.
Matul il-ġurnata tal-lum, il-Viċi Prim Ministruu Ministru tal-Affarijiet Barranin Tonio Borg iltaqa’ mal-Qatar Business Association fejn indirizza lill-dawk preżenti fosthom negozjanti minn diversi setturi tal-ekonomija tal-Qatar. Huwa tkellem dwar l-esperjenza ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-aħħar ħames snin u sostna li din kienet posittiva ħafna u qed tħalli l-frott mixtieq, tant li l-investiment dirett barrani rdoppja sa minn meta Malta saret membru sħiħ tal-UE. Dr Tonio Borg tkellem dwar l-avvanzi li għamlet Malta fil-qasam ekonomiku fejn semma wkoll id-dħul ta’ pajjiżna fiz-zona ewro. Dr Borg ikkonkluda li hemm possibbilitajiet li ż-żewġ pajjiżi jaħdmu iktar flimkien fuq diversi oqsma speċjalment dawk li ġew iffirmati l-ftehim fuqhom.
Din id-delegazzjoni kummerċjali qed tiġiorganizzata flimkien mal-Malta Enterprise permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea. Il-Malta Enterprise se tkun qed tiffinanzja nofs l-ispiża li daħlu għaliha d-delegazzjoni kummerċjali. Din iż-żjara hija parti minn kullana ta’ żjarat u hija r-raba’ waħda wara li ġew organizzati żjarat kummerċjali oħra matul is-sena li għaddiet fil-Portugall, u fl-Ukraina u iktar kmieni din is-sena fil-Polonja.

Informazzjoni dwar il-Qatar 

Il-Qatar huwa pajjiż b’opportunitajiet kbar ta’ investimenti speċjalment minħabba l-fatt li għandu proġetti importanti ħafna fil-qasam soċjali u ekonomiku, kif ukoll qed jaħdem bis-sħiħ biex isaħħaħ l-infrastruttura tiegħu. Qed jinvesti wkoll ħafna fit-turiżmu tant li qed jinbnew simultanjament 50 lukanda fil-pajjiż. Il-Qatar jagħmel parti mill-Gulf Cooperation Council (GCC) u minkeja li huwa wieħed mill-iżgħar pajjiżi f’dan il-kunsill huwa it-tieni l-ikbar pajjiz fid-dinja li għandu riservi ta’ gas, u l-ekonomija tiegħu fl-aħħar snin kibret b’pass mgħaġġel ħafna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Imfakkar il-65 anniversarju ta’ The Duke of Edinburgh’s International Award f’Malta

PR261987

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imfakkar il-65 a...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  150th anniversary of Carlo Diacono’s birth commemorated with a concert under the patronage of Speaker Carmelo Abela

PR261986en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER 150th anniversary of Carlo Diac...

More Press Releases Right arrow