Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MID-DIPARTIMENT GĦAL SAĦĦA AMBJENTALI RIGWARD ĦALIB MANIFATTURAT MILL-MALTA DAIRY PRODUCTS LI QRAS QABEL IŻ-ŻMIEN

pr1417
Date Icon 24/08/2009

B’referenza għal rapporti ppublikati fil-media lokali dwar ħalib manifatturat mill-Malta Dairy Products li qras qabel iż-żmien.

Id-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali fi ħdan id-Diviżjoni Regolazzjoni Saħħa Pubblika jixtieq jinforma lill-pubbliku li huwa responsabbli għas-sorveljar tal-ikel fis-suq filwaqt li t-Taqsima ta’ Regolament Veterinarju, Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd huwa responsabbli għall-monitoraġġ għall-impjanti fejn issir produzzjoni ta’ ikel li joriġina mill-annimali.

Bħal ma hija l-prattika normali partikolarment waqt ix-xhur tas-sajf, is-Servizzi tal-Ispettorat tas-Saħħa fi ħdan id-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali jwettaq spezzjonijiet fis-suq għall-prodotti tal-ħalib peress li jmorru malajr jekk jinżammu f’temperatura sħuna.  Matul din is-sena, l-Ispettorat wettaq 593 spezzjoni għal dan l-iskop ġo ħwienet li jbiegħu bl-imnut u d-distributuri, dwar bejgħ ta’ ħalib li nżamm mhux f’kundizzjoni tajba.  B’riżultat għal dan nbdiet azzjoni legali kontra għaxar operaturi.  Barra minn dan, ħalib li jinstab li mhux qiegħed f’dawk it-temperaturi rakkomandati jinqered taħt is-superviżjoni tal-Ispettorat tas-Saħħa.  Id-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali nieda wkoll programm fejn ittieħdu kampjuni ta’ prodotti tal-ħalib u sussegwentement ġew analizzati 33 kampjun ta’ ħalib lokali.  L-ebda riżultat ma ta’ indikazzjoni ta’ possibilita’ ta’ kontaminazzjoni ħlief għal kampjun ta’ ħalib xkumat li ttieħed minn ġo ħanut nhar it-Tnejn li għadda u li jġib id-data ta’ Uża Sa il-Ġimgħa 21/08.  Dan il-prodott indika li huwa ftit kontaminat bl-Enterobacteriacea.  Enterobacteriacea huwa ndikatur tajjeb li juri kontaminazzjoni fl-ikel, liema ikel jkun għadda minn trattament tas-sħana saħansitra wara l-ipproċessar.  

Nhar it-tnejn, 17 t’Awwissu, 2009 l-Ispettorat tas-Saħħa rċieva total ta’ sitt ilmenti jallegaw li l-ħalib mixtri fi tmiem il-ġimgħa u li jġib id-dati ta’ 18/08 u 19/08 qras qabel iz-żmien.  Dawn l-ilmenti semmew tmint iħwienet f’lokalitajiet differenti madwar Malta, kif ġejjin:

  • Tnejn Birkirkara u tnejn miż-Żejtun
  • Wieħed mill-Fgura, Isla, San Gwann u Swieqi

Il-lokalitajiet fejn l-ilmenti originaw indikaw distribuzzjoni irregolari u għalhekk dan id-Dipartimenti ma kienx f’pożizzjoni li jidentifika is-sors eżatt.  Dan id-Dipartiment informa wkoll b’dak li sab lit-Taqsima ta’ Regolament Veterinarju, Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd bħala l-Awtorita’ Kompetenti tal-faċilita’ tal-produzzjoni.  Fit-18 t’Awwissu, 2009 l-Ispettorat eleva wkoll żewġ kampjuni oħra ta’ ħalib mill-faċilita’ tal-Malta Dairy Products li kellhom id-data Uża Sa ta’ 19/08.  Iż-żewġ kampjuni indikaw ftit kontaminazzjoni bl-Enterobacteriaceae.

Ir-riżultati tal-kampjuni kollha msemmija hawn fuq u li ġew analizzati fil-laboratorju tad-Dipartiment li huwa laboratorju akkreditat bl-ISO17025 kienu ffinalizzati il-Ġimgħa 21/08.

Id-Dipartiment jenfasizza li l-livelli ta’ Enterobacteriaceae misjuba ma jirrendux l-ikel bħala mhux tajjeb ghall-konsum mill-bniedem.  Ir-regolament KE 2073 tal-2005 dwar Kriterji Mikro-bijoloġiċi għall-oġġetti tal-Ikel jirrakomanda li meta l-limiti kif imniżżla bl-istess regolament jiġu maqbuża, il-faċilita’ tal-produzzjoni għandha tiċċekja dwar l-effiċenzja tat-trattament tas-sħana u l-prevenzjoni li ma jerġax jkun hemm kontaminazzjoni kif ukoll il-kwalita’ tal-materja greżża.  Hu għal din ir-raġuni li d-Dipartiment jagħmel spezzjonijiet mingħajr avviż sabiex jiżgura li l-cold chain ma tkunx interrotta.

Id-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali jieħu din l-opportunita’ sabiex ifakkar lill-bejjiegħa bl-imnut, kif ukoll lill-konsumaturi sabiex jiżguraw li prodotti tal-ħalib jinżammu f’temperatura kiesħa l-ħin kollu.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Imfakkar il-65 anniversarju ta’ The Duke of Edinburgh’s International Award f’Malta

PR261987

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imfakkar il-65 a...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  150th anniversary of Carlo Diacono’s birth commemorated with a concert under the patronage of Speaker Carmelo Abela

PR261986en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER 150th anniversary of Carlo Diac...

Aktar Stqarrijiet Right arrow