Left arrow Go Back

IL-VIĊI PRIM MINISTRU TONIO BORG B’APPELL FIL-JUM DINJI UMANITARJU

pr1402
Date Icon 19/08/2009
Il-Viċi PrimMinistru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, l-Onor. Tonio Borg appella biex ma jintesa qatt ix-xogħol siewi u ta’ sagrifiċċju kbir li jitwettaq minn dawk kollha li jagħtu l-assistenza umanitarja internazzjonali f’pajjiżi li jinsabu f’diffikultajiet minħabba diversi raġunijiet, fosthom instabbilta’ politika, gwerer u diżastri naturali.
Huwa qal dan fl-okkażjoni tal-JumDinji Umanitarju li jiġi ċċelebrat fid-19 t’ Awissu madwar id-dinja kollha. F’din id-data partikolari, fl-2003 ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda fl-Iraq, Sergio Vieira de Mello, u 21 staff tal-Ġnus Maqgħuda kienu nqatlu fi splużjoni fil-kwartieri ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f’Bagdad. B’din il-ġurnata għalhekk iddedikata għall-għajnuna umanitarja, ikun qed jingħata radd il-ħajr lil dawk kollha li tilfu ħajjithom waqt li jkunu qed jgħinu lil min hu fil-bżonn.
Il-Viċi PrimMinistru Tonio Borg stqarr li f’Jum simili niftakru fil-bżonnijiet li għandhom bosta pajjiżi li huma fqar u li jinsabu fix-xifer ta’ kriżijiet politiċi u umanitarji. Huwa appella biex minkejja d-diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom dawk li jwettqu missjonijiet simili, xorta waħda l-pajjiżi l-kbar u l-komunitajiet internazzjonali ma joqgħodux lura milli jagħtu din l-għajnuna tant imprezzabbli li ssalva l-ħajja ta’ tant nies li jkunu qed isofru l-ġuħ u l-inġustizzja.
Il-Viċi Prim Ministru fakkar kifil-Gvern Malti dejjem huwa lest li mill-ftit li jista’ u mir-riżorsi limitati tiegħu jgħin lil dawk il-pajjiżi li jinsabu fi bżonn. Fosthom huwa semma d-diżastri naturali li ħalla bosta nies mejta f’ L’Aquila fl-Italja u kif il-Gvern Malti offra l-għajnuna tiegħu f’dan ir-rigward. Ma naqasx milli jsemmi wkoll għajnuna oħra li offra l-Gvern Malti fosthom fit-terremot li laqgħat partijiet miċ-Ċina fix-xhur li għaddew.
Il-Viċi PrimMinistru Tonio Borg ikkonkluda li dan il-Jum Dinji Umanitarju ifakkarna kif il-popolazzjonijiet tad-dinja huma kollha aħwa li għandhom bżonn l-għajnuna ta’ xulxin. Għaldaqstant l-ebda pajjiż m’għandu qatt jonqos minn dmiru u jassisti b’mod umanitarju fil-mumenti kruċjali u bżonnjużi.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Imfakkar il-65 anniversarju ta’ The Duke of Edinburgh’s International Award f’Malta

PR261987

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imfakkar il-65 a...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  150th anniversary of Carlo Diacono’s birth commemorated with a concert under the patronage of Speaker Carmelo Abela

PR261986en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER 150th anniversary of Carlo Diac...

More Press Releases Right arrow