“IL-KTIEB PASS ‘IL BOGHOD MINNEK”
Fi Pjazza Santa Margerita f’Bormla saret attività “Il-Ktieb Pass ‘il bogħod minnek” sabiex titqajjem kuxjenza ħalli jkun hemm aktar interess fil-qari tal-kotba mill-Maltin u l-Għawdxin. Dan sar b’rabta mad-devoluzzjoni ta’ 51 librerija pubblika f’idejn il-Kunsilli Lokali. Għal din l-attività kienu preżenti l-Ministru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport Dolores Cristina u s-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni Chris Said.
Waqt din l-attività s-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni Chris Said qassam fondi li se jintużaw biex jinxtraw kotba mil-libreriji lokali u reġjonali, vouchers li jissarrfu f’kotba ta’ karattru Malti u numru ta’ pubblikazzjonijiet maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni. Tqassmu wkoll vouchers lil kull librerija li jistgħu jissarrfu f’kotba bil-Malti.
L-Onorevoli Said qal li d-devoluzzjoni tal-libreriji pubbliċi lill-Kunsilli Lokali tidħol fil-qafas tat-tiġdid tal-kunsilli lokali fejn dawn se jifirxu l-ħidma tagħhom fl-oqsma soċjali u edukattivi. F’dan ir-rigward it-tiġdid tal-Kunsilli Lokali se jara li jissaħħaħ il-kunċett tal-libreriji fil-lokalitajiet ħalli dawn jintużaw minn l-akbar numru ta’ nies possibbli. Is-Segretarju Parlamentari qal li fil-liġi se tidħol emenda sabiex il-Kunsilli Lokali jipprovdu l-aħjar servizz mil-libreriji lokali.
Dr Said qal li d-devoluzzjoni tal-libreriji wasslet biex ikun hemm investiment akbar fil-kotba u mmodernizzar tal-libreriji lokali u reġjonali. Bejn is-sena 2000 u l-2008 il-Kunsilli Lokali nefqu aktar minn 300,000 Ewro f’kotba sabiex jintużaw mir-residenti tal-lokalitajiet rispettivi. Huwa qal ukoll li permezz tad-devoluzzjoni għandna ħinijiet tal-ftuħ itwal u hekk il-libreriji saru aċċessibbli għal numru akbar ta’ nies. Dr Said semma wkoll il-kompjuterizzazzjoni tal-libreriji biex l-użu tal-istess libreriji sar aktar faċli.
Chris Said qal li mill-fond speċjali l-Gvern se jkun qed jirdoppja l-budget għal-libreriji sabiex matul din is-sena l-Kunsilli Lokali jkunu jistgħu jinvestu f’aktar kotba fil-libreriji tal-lokalita’. Huwa faħħar ukoll l-inizjattiva tad-Dipartiment tal-Informazzjoni li ħareg direttorju tal-libreriji. Din hija pubblikazzjoni li tikkontjeni l-informazzjoni kollha fuq il-libreriji lokali u reġjonali. Dan il-ktejjeb se jitqassam fil-Kunsilli Lokali u postijiet oħra pubbliċi.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport Dolores Cristina ħabbret li qed isiru tħejjijiet biex id-Dipartiment tal-Libreriji Pubbliċi jinbidel minn kif inhu llum u jkun żviluppat f’entita’ ġuridika bl-iskop li tkun tista’ taħdem b’aktar effiċjenza u anqas burokrazija u allura l-pubbliku jkun moqdi aħjar.
Hi qalet li hu important li aktar nies, tfal, studenti, adulti, ħaddiema, nisa tad-dar, anzjani u oħrajn jagħmlu użu mis-servizz tal-libreriji tagħna u jfittxu aktar il-ktieb. F’dawn il-libreriji wieħed isib kotba ta’ kull xorta, kemm dawk adattati għat-tfal, kotba ta’ studju u anke kotba tal-istorja u oħrajn ta’ mogħdija taż-żmien.
Hemm bżonn li nkomplu nferrxu l-kultura tal-qari għaliex f’dan il-qasam pajjiżna waqa’ xi ftit lura meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra. Dan mhux għax ma hawnx inizjattivi favur il-ktieb u l-qari jew għax ma hawnx għażla ta’ kotba, iżda għaliex fil-ħajja mgħaġġla tal-lum u bil-ħafna aljenazzjonijiet li aħna mdawrin bihom, ftit insibu ħin biex naqraw.
Il-Ministru Cristina ħeġġet lill-Kunsilli Lokali biex meta jħossu l-bżonn li jagħmlu użu mill-faċilitajiet li hemm fl-iskejjel tal-lokalita` tagħhom, jikkomunikaw mal-Prinċipali tal-Kulleġġi u l-Kapijiet tal-Iskejjel biex nagħmlu mill-iskejjel tagħna ċentri ta’ attivita’ fil-komunità. L-investiment fl-iskejjel tagħna għandu jkun sfruttat u użat b’galbu u bi ftehim mal-awtoritajiet konċernati.
Stqarrijiet Oħra:
PR261986en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER 150th anniversary of Carlo Diac...
PR261986