L-INVESTIMENT BARRANI, IL-ĦOLQIEN TAL-IMPJIEGI U S-SINERĠIJA KIENU FOST IT-TEMI EWLENIN LI ĠEW DISKUSSI FIL-KONFERENZA ANNWALI TAL-AMBAXXATURI MALTIN
“Il-konferenza Annwali tal-Ambaxxaturi Maltin serviet bħala esperjenza ta’ kif il-ħidma flimkien b’sinerġija tista’ twassal biex pajjiżna jkompli jikseb riżultati tajbin fil-politika tiegħu barranija, bil-għan li l-ħidma tal-ambaxxaturi sservi għall-aktar investiment u ħolqien tax-xogħol.”
Hekk stqarr il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Tonio Borg, fl-għeluq tal-Konferenza Annwali tal-Ambaxxaturi Maltin li jservu l-pajjiżna fid-diversi ambaxxati li għandha Malta madwar id-dinja.
L-Onor Tonio Borg stqarr li matul dawn il-ġranet rajna sinerġija sħiħa ta’ kontribuzzjonijiet minn diversi entitajiet pubbliċi bħall-Malta Enterprise u l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, u FinanceMalta, minn entitajiet privati bħall-Enrst & Young, u mhux inqas mill-fabbriki lokali li laqgħu fihom l-Ambaxxaturi Maltin.
It-tielet u l-aħħar ġurnata tal-konferenza ffukat fuq il-ħidma li ssir mill-Ambaxxaturi Maltin fid-diversi pajjiżi li huma assenjati lilhom. Fetaħ il-ġurnata tallum il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u Sajd Joe Borg li tkellem dwar il-ħidma li ssir mill-Kummissjoni Ewropea u kif pajjiż bħal Malta qiegħed jikkontribwixxi f’din il-kummissjoni permezz tal-ħidma tiegħu.
Il-Kummissarju Joe Borg ta ħarsa ħafifa lejn il-passi importanti li wettqet Malta tul dawn l-aħħar ħames snin ta’ sħubija. Il-Kummissarju Borg tenna li llum nistghu ngħidu li dak li nnegozja l-pajjiż ta l-frott tieghu. Fl-istess waqt huwa nnota li l-Maltin issa qed iqisu lill-Unjoni Ewropea bħala parti integrali mill-ħajja tagħhom ta’ kuljum, u li m’hawnx iktar dibattitu bejn il-partiti politiċi fuq jekk is-sħubija kienetx xi ħaġa pożittiva jew le.
Intant huwa rrefera għad-dħul tal-munita ewro f’Malta li fil-fehma tiegħu serviet biex iżomm l-ekonomija stabbli f’Malta minkejja l-mewġ li tqajjem mill-kriżi ekonomika internazzjonali. Semma lill-Iżlanda li minkejja x-xettiċiżmu li għandhom lejn l-Unjoni Ewropea issa jridu jissieħbu fiz-zona ewro għaliex fehmu li din tista’ ġġibilhom l-istabbilita’ meħtieġa. Il-Kummissarju Joe Borg temm id-diskors tiegħu billi qal li Malta ssaħħet fl-Unjoni Ewropea, issa jmiss li Malta ssaħħaħ lill-Unjoni għaliex hemm għadd ta’ materji li Malta għandha x’toffri biex tgħin lill-Unjoni Ewropea.
Intant matul il-ġurnata tallum għamlu l-preżentazzjonijiet tagħhom ukoll ir-Rappreżentant Permanenti għall-Malta fl-Unjoni Ewropea l-Ambaxxatur Richard Cachia Caruana li tkellem fost l-oħrajn dwar it-talba ta’ Malta li jitwaqqaf uffiċċju Ewropew għas-Sostenn fil-Qasam tal-Ażil f’Malta, dwar it-Trattat ta’ Lisbona, u l-proġett pilota għar-resettlement ta’ benifiċċjarji mogħtija protezzjoni internazzjonali minn Malta.
Għamlu l-interventi tagħhom l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Olanda Ivan Fsadni li tkellem dwar ir-Reġjun Ewropew. Tkellmet l-Ambaxxatriċi Maltija għat-Tuneżija Vicki Ann Cremona, dwar ir-reġjun Afrikan u tal-Lvant Nofsani. Iktar tard matul il-jum, saret preżentazzjoni dwar l-istħarriġ li sar mill-Ernst & Young dwar il-Malta Attractiveness Survey 2009’. Qabel id-diskors tal-għeluq tal-konferenza mill-Viċi Prim Ministru Tonio Borg, għamlu l-preżentazzjonijiet tagħhom l-Ambaxxatur Malti għaċ-Ċina, Karl Xuereb u l-Ambaxxatur Malti għall-Belġju Christopher Grima.
Fid-diskors tal-għeluq, il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Tonio Borg, fisser kif il-ħsieb ta’ din il-Konferenza, li ssir kull sena, kienet mhux biss li tlaqqa’ l-Ambaxxaturi u flimkien jitħaddtu u jiddiskutu x’ikun sar fl-aħħar sena, u x’jista’ jsir aħjar fis-snin li ġejjin; iżda fuq kollox l-għan aħħari tal-konferenza jkun biex l-Ambaxxaturi jagħrfu dejjem iżjed kif bix-xogħol tagħhom jistgħu jżidu l-preżenza ta’ Malta barra minn xtutna u b’hekk jiżdied iktar l-investiment u jinħolqu iktar impjiegi.
Matul dawn it-tlett ijiem tal-Konferenza tal-Ambaxxaturi, ġiet enfasizzata l-ħidma li jagħmlu l-Ambaxxati biex nattiraw l-investiment barrani f’Malta; tant li l-Ambaxxati Maltin qed jgħinu 50 kumpanija fix-xahar, sabiex isaħħu l-kummerċ ma’ pajjiżi oħra.
Waqt din il-Konferenza, fil-ftuħ tagħha ngħatat ħarsa fuq Għawdex bħala destinazzjoni turistika u ta’ investiment dirett barrani. Dwar dan ġew mistiedna l-Gozo Tourism Association, u l-Gozo Business Chamber li għamlu l-punti tagħhom dwar kif Għawdex jista’ jattira iktar investiment fl-ekonomija u fit-turiżmu.
Suġġett ieħor li ngħata importanza huwa dak turistiku bl-intervent tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu, Josef Formosa Gauci, li tkellem dwar l-importanza tal-ħidma flimkien mal-Ambaxxaturi biex tisseddaq ix-xibka ta’ kuntatti turistiċi barra mill-pajjiż. Fil-preżentazzjoni tiegħu, huwa rrefera wkoll għad-diversi oqsma ta’ koperazzjoni li diġa’ jeżistu fil-qasam turistiku ma’ numru ta’ ambaxxati Maltin barra minn Malta.
Matul il-ġurnata tal-Ħamis, ħareġ li l-kumpaniji internazzjonali baqgħu interessati li jinvestu f’Malta minkejja l-kriżi ekonomika internazzjonali. Dan l-interess huwa grazzi wkoll għall-ħidma li jwettqu l-Ambaxxaturi Maltin barra minn Malta li ħafna drabi jservu ta’ pont għal dawn il-kumpaniji mal-gżejjer Maltin.
Fl-interventi tagħhom matul il-ġurnata tal-Ħamis, il-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment, l-Onor Tonio Fenech, ic-Chairman tal-Malta Enterprise, Alan Camilleri, iċ-Chairman tal-Awtorita’ Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, il-Prof Joseph Bannister u ċ-Chairman tal-FinanceMalta, Kenneth Farrugia, iffukaw fuq ir-rwol tal-Ambaxxaturi bħala Ambaxxaturi mhux biss politiċi iżda wkoll tal-kummerċ.
Fl-intervent tiegħu l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech tkellem dwar il-potenzjal li toffri Malta għall-investiment dirett barrani. Din il-preżentazzjoni kienet intiża sabiex l-Ambaxxaturi Maltin, li jservu l-pajjiż barra minn xtutna, jkunu dejjem iktar aġġornati u infurmati dwar x’toffri Malta għall-investitur barrani.
Iċ-Chairman tal-Malta Enterprise, Alan Camilleri ħabbar li se jitwaqqaf unit ta’ komunikazzjoni li permezz tiegħu l-Ambaxxaturi u l-Konsli barra minn Malta jkunu jistgħu jikkunttatjaw lil dan l-uffiċċju għall-kwalunkwe informazzjoni li jixtiequ. Sostna li dan il-pass qed isir għaliex il-Malta Enterprise temmen fil-validita’ u l-potenzjal li għandhom l-Ambaxxaturi f’dan il-qasam. Din l-inizjattiva ntlaqat tajjeb mill-Ambaxxaturi speċjalment fid-dawl tal-istatistika li turi li fl-ewwel xhur tas-sena l-Ambaxxati kienu ta’ għajnuna għall-madwar 50 kumpanija fix-xahar.
Wieħed mill-eżerċizzji li ntlaqa’ tajjeb ħafna mill-Ambaxxaturi Maltin kien meta ttieħdu fi 11 il-fabbrika lokali li jħaddmu mijiet ta’ nies u jġibu lejn Malta miljuni ta’ ewro f’investiment dirett barrani. Din il-ħidma saret flimkien mal-Malta Enterprise u l-kumpaniji li ttieħdu fihom l-ambaxxaturi: Rimus Riley, New Energy, Actavis, Playmobil, Lewis Press u Medichem. S.A.W. ltd., Baxter, Methode, Gutenberg, New Energy u Toly.
Stqarrijiet Oħra:
PR261986en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER 150th anniversary of Carlo Diac...
PR261986