CREATIVE COMMUNITIES - Networking Local Councils and the Arts
St James Cavalier u l-Malta EU Steering and Action Committee (MEUSAC) organizzaw sett ta’ workshops interattivi u hands-on għall-Kunsilli Lokali u Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi (NGOs) fl-isfera tal-kultura, l-arti u artisti lokali.
Dawn il-workshops, li kienu mifruxa fuq jumejn, kellhom l-għan li jinkoraġixxu l-użu tal-innovazzjoni soċjali bħala għodda għal sostenibbilita’ kulturali. Matul is-sessjonijiet, il-partijiet kollha nteressati ltaqgħu flimkien sabiex joħorgu b’ideat halli jdawwru r-riżorsi eżistenti f’ideat kreattivi u oriġinali li jwasslu għal innovitajiet kulturali.
Il-kunċett bażiku f’dan kollu hu li l-arti u l-kultura għandhom rwol importanti ħafna f’sistema integrali li tista’ ssaħħah l-iżvilupp soċjali u ekonomiku. Il-workshops kienu opportunita’ unika sabiex il-kunsilli lokali jaħdmu mill-qrib mal-artisti lokali li jridu jmexxu proġetti artistiċi fil-komunitajiet.
F’indirizz li għamel fit-tieni ġurnata tal-workshops, is-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, l-Onor. Chris Said qal li dawn il-workshops kienu l-ewwel okkażjoni li għaqqdu d-dinja tal-arti ma’ dik tal-gvern lokali b’mod strutturat.
Chris Said qal li inizjattiva bħal din hija tassew importanti jekk irridu li l-komunitajiet li jagħmlu d-differenza mhux biss fl-isfera artistika imma fl-identita’ tal-lokalita’ tagħhom. L-identita’ għandha tmur lil hinn mill-folklor, tradizzjonijiet u wirt kulturali. L-identita’ tissawwar ukoll bl-innovazzjoni u l-kontemporanjeta’ li l-arti taf iżżewwaq mal-element soċjali.
Is-Segretarju Parlamentari qal li jekk il-kunsilli lokali jridu jkabbru l-potenzjal tal-lokalitajiet tagħhom u jissieħbu fi proġetti kulturali Ewropej ikun tajjeb li jaħdmu mill-qrib mal-komunita’ artistika.
Chris Said qal li l-kunsilli lokali għandhom jiżviluppaw policies li jsostnu u jiffaċilitaw l-oqsma kollha artistiċi u l-kreattivita li tippermetti in-novita’. B’hekk inkunu qed noħolqu lokalitajiet sostenibbli u ħajja u huwa għalhekk li permezz tat-tiġdid il-kunsilli lokali se jkunu qed jgħinu lill-artisti fil-lokalita’ tagħhom.
Chris Said qal li l-Gvern qed jgħin lill-kunsilli lokali biex itellgħu attvitajiet kulturali u tradizzjonali permezz ta’ fond apposta izda l-kunsilli lokali għandhom jibdew jaħsbu wkoll fuq l-iżvilupp tal-ideat biex l-avvenimenti tradizzjonali jitwaħħdu ma’ proġetti ġodda b’ideat innovattivi u hekk naslu għas-sostennibilita’ kulturali u artisitika.
Stqarrijiet Oħra:
PR261986en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER 150th anniversary of Carlo Diac...
PR261986