Left arrow Go Back

Diskors mill-Onor Mario de Marco, Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, fil-ftuħ tal-Konferenza Nazzjonali fuq ir-Riforma tal-MEPA – 31 ta’ Lulju 2009 - San Ġiljan

pr1311
Date Icon 31/07/2009

Sinjuri,

L-għodwa t-tajba

Nixtieq nibda billi nilqa’ u nirringrazzja lil kull min qiegħed hawn illum sabiex jipparteċipa f’din il-konferenza nazzjonali dwar ir-riforma tal-MEPA.

Ir-riforma tal-MEPA mhijiex riforma ta’ entità waħda. Dan għaliex l-ippjanar u l-ambjent huma minsuġa ma’ kull settur. Mhijiex riforma li ser taffetwa biss lill-impjegati li jaħdmu ma’ din l-Awtorità. Hija riforma li tmiss u taffetwa tista’ tgħid lil kulħadd. Hija riforma li għandha impatt fuq l-impjiegi, li għandha impatt fuq il-kwalità tal-ħajja li ngħixu, li għandha impatt fuq l-iżvilupp ta’ pajjiżna, li għandha impatt fuq Malta kif ser tkun fis-snin li ġejjin. F’dan l-isfond toħroġ ċar l-importanza tal-laqgħa tal-lum u tad-deċiżjonijiet li nieħdu llum, waqt l-implimentazzjoni tar-riforma, u wara.

It-twaqqif tal-Planning Authority, li wara saret il-MEPA, kien pass għaqli. Minkejja kull kritika li tista’ ssir, huwa grazzi għal din l-Awtorità li llum pajjiżna għandu sistema li tħares l-ambjent u li tirregola l-iżvilupp tal-ambjent mibni f’pajjiżna. Lil hinn mill-kritika li ssir, żgur li ħafna japprezzaw ix-xogħol siewi li tagħmel il-MEPA u d-deċiżjonijiet iebsin li tieħu.

Wara snin ta’ żvilupp, ħafna drabi mingħajr sens u viżjoni, li wassal għal żbalji ta’ ppjanar irreversibbli, il-MEPA daħlet sens qawwi ta’ ħsieb u regolamentazzjoni. Imma kien hemm affarijiet fl-operat tal-MEPA li ma kinux qed jaħdmu kif wieħed kien jixtieq. Għalhekk inħass il-bżonn ta’ riforma. Ironikament, u dan huwa punt li ta’ min jixtarru, il-kritika ewlenija li qed issir lil Gvern fuq ir-riforma, hija li l-Gvern qed inaqqas il-poter tal-MEPA li tiddeċiedi l-politika ta’ żvilupp. Jien naqra dan bħala ċertifikat ta’ fiduċja fl-operat tal-MEPA. Il-poplu jrid bidla fil-MEPA imma bidla li ssaħħaħ din l-istituzzjoni u mhux li ddgħajjifha.

Il-parteċipazzjoni tal-pubbliku f’dan il-proċess kienet waħda qawwija. Ma nistax ngħid li din kienet xi sorpriża. Il-MEPA u x-xogħol li twettaq jolqot tista’ tgħid lil kulħadd. Għalhekk kien hemm il-ħtieġa li ssir konsultazzjoni wiesgħa. Tajjeb li nfakkar li l-proċess beda billi saru numru ta’ laqgħat konsultattivi.

Dawn il-laqgħat iggwidaw il-Gvern fit-tfassil tad-dokument “A Blueprint for MEPA’s Reform”. Dan id-dokument jiġbor fih il-ħsibijiet u l-miżuri li l-Gvern qed jipproponi fit-twettiq tar-riforma. Dan id-dokument tpoġġa wkoll għall-konsultazzjoni pubblika.

Hekk kif nieda dan id-dokument, il-Gvern reġa’ sejjaħ numru ta’ laqgħat konsultattivi. Saru wkoll numru ta’ laqgħat mal-ħaddiema tal-MEPA. Il-Gvern nieda wkoll free phone u websajt biex jagħti opportunità lill-pubbliku jwassal il-veduti tiegħu. Il-laqgħat, il-free phone u l-websajt, kif ukoll numru ta’ artikli fil-gazzetti, taw il-frott mixtieq. Il-Gvern ra l-ħsieb tal-poplu fuq din ir-riforma. Il-konferenza tal-lum hija kontinwazzjoni ta’ dan il-proċess ta’ konsultazzjoni.

Din il-Konferenza Nazzjonali hija wkoll opportunità li nagħmlu stock take tal-proposti li rċevejna s’issa, frott tad-diskussjoni attwali. Il-Gvern qed janalizza dawn il-proposti bir-reqqa. Nista’ ngħid li d-dokument finali ser jinkorpora fih numru mill-proposti u suġġerimenti li ħarġu waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni.

Il-ħsieb wara din il-Konferenza huwa li jitkompla l-proċess ta’ konsultazzjoni. Għalhekk wara li jkunu spjegati l-proposti tal-Gvern fuq kull pilastru, ser issir diskussjoni sabiex intom tkunu tistgħu twasslu l-ħsibijiet tagħkom. F’dan l-istadju, ma nixtieqx nidħol fid-dettall tad-diskussjonijiet li saru s’issa. Naħseb iżda li nkun qed ngħin id-diskussjoni tal-lum jekk inwassal l-ħsibijiet tal-Gvern fuq żewġ punti partikulari.

L-ewwel punt huwa dwar ir-rwol tal-istess Gvern fit-tfassil tal-politika tal-ippjanar u l-ambjent. Huwa d-dmir u r-responsabbiltà tal-Gvern li jfassal il-politika li jrid jitmexxa biha l-pajjiż u jagħti direzzjoni strateġika f’dan ir-rigward lill-awtoritajiet u regolaturi li huma responsabbli sabiex jiffurmaw u jimplimentaw il-politika f’diversi oqsma fil-livell tekniku abbażi tad-direzzjoni strateġika mogħtija mill-Gvern.

Din il-politika hija influwenzata minn diversi konsiderazzjonijiet bħal m’huma d-daqs tal-art ta’ pajjiżna u d-densità tal-popolazzjoni tagħna.

Id-daqs ta’ pajjiżna hu li hu. Meta nkunu qed nippjanaw il-politika tal-edukazzjoni rridu nistaqsu x’ser ikun l-impatt ta’ din il-politika fuq l-użu tal-art. Il-maqlub japplika wkoll. Meta nkunu qed infasslu l-politika tal-ippjanar irridu nħarsu lejn l-impatt ta’ din fuq il-politika f’kull settur ieħor inkluż l-edukazzjoni, it-turiżmu, l-agrikultura, l-ambjent, il-politika soċjali, is-saħħa, l-investiment u oħrajn.

Wieħed jista’ jgħid li l-politika tal-ippjanar u l-ambjent hija n-naħa l-oħra tal-munita ta’ kull politika settorjali tal-Gvern. Għalhekk il-Gvern irid ikollu r-riżorsi sabiex ikun f’qagħda li jiżviluppa politika tal-ippjanar u l-ambjent li timxi pari passu mal-politika ġenerali u settorjali tal-pajjiż. Il-Gvern, li għandu f’idejh it-tmexxija strateġika tal-pajjiż, irid ikun strumentali fil-proċess tal-formulazzjoni strateġika tal-politika tal-ippjanar u l-ambjent.

Ċertament fl-iżvilupp tal-politika tal-ippjanar hemm livelli differenti. Waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni qam dibattitu fuq liema livell għandu jkun f’idejn il-politiku u liema livell għandu jkun f’idejn it-tekniku. Mid-diskussjonijiet li kellna, kien hemm qbil li d-direzzjoni strateġika fl-iżvilupp tal-politika tal-ippjanar għandha tkun f’idejn il-Gvern.

Nirreferi b’mod speċjali għal punt li qajjem il-President tal-Kamra tal-Periti, il-Perit Vince Cassar, fejn issuġġerrixxa t-twaqqif ta’ policy unit nazzjonali b’remit li jmur lil hinn mill-politika tal-ippjanar u l-ambjent u li jaħseb fuq l-iżvilupp strateġiku ta’ pajjiżna b’mod ħolistiku u li tkopri fuq kull settur. Dan jirrispekja l-ħsieb tal-Gvern. Biex dan isir, il-Gvern irid isaħħaħ ir-riżorsi umani tiegħu billi fost oħrajn iġib miegħu nies mħarrġa fl-ippjanar u l-ambjent. 

Il-fatt li l-Gvern ser isaħħaħ ir-riżorsi tiegħu ma jfissirx li l-MEPA ser titlef xi sehem li kellha fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika tal-ippjanar u l-ambjent. Tajjeb li jingħad minn issa li l-MEPA kellha u ser jibqa’ jkollha sehem ewlieni fil-proċess tal-formulazzjoni tal-politika tal-ippjanar u l-ambjent. Kellha u ser jibqa’ jkollha rwol importanti fil-proċessi ta’ konsultazzjoni marbuta mal-politika tal-ippjanar u l-ambjent. Il-proċess ta’ permitting, jiġifieri l-proċess li jiddetermina jekk permess jingħatax jew le, kien u ser jibqa’ f’idejn il-MEPA.

It-tieni punt li nixtieq nirreferi għalih huwa dwar id-definizzjoni taż-żmien li tieħu applikazzjoni sakemm tiġi deċiża. Dan il-punt ġej min-nuqqas li qed iħossu l-pubbliku u li l-Gvern irid jindirizza. L-effiċjenza fl-operat tal-MEPA tfisser impjiegi. Tfisser jekk proġett jibqax vijabbli. Tfisser jekk imprenditur jinvestix jew le.

Għalhekk irridu nassiguraw li permessi li huma skont ir-regoli u l-politika ta’ żvilupp jiġu pproċessati fl-inqas żmien possibbli. Kien hemm min esprima l-preokupazzjoni li d-dewmien li kien qed jikkaratterizza l-proċess tal-applikazzjoni issa ser jitmexxa lura fil-proċess ta’ validazzjoni. Konxji minn din il-preokupazzjoni, il-Gvern qed jikkunsidra li anke fil-proċess tal-validazzjoni jkun hemm żminijiet stabbiliti li jkunu in parti determinati mill-applikant stess.

Kif jagħlaq dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, il-Gvern irid jorbot lill-MEPA b’sistema li tiggarantixxi lill-applikant li applikazzjoni ser tinstema’ u tinqata’ fiż-żmien determinat.

Miżura ta’ din ix-xorta tkun suċċess jekk il-partijiet kollha jagħmlu l-biċċa tagħhom. L-ewwel pass irid jagħmlu l-applikant billi jassigura li l-applikazzjoni tkun waħda raġonevoli, realistika u mhejjija tajjeb. Importanti li l-entitajiet li ser jiġu kkonsultati waqt il-proċess tal-ħruġ ta’ permess jagħmlu dan fiż-żmien stipulat.

Iridu jagħmlu l-parti tagħhom il-ħaddiema tal-MEPA. Is-suċċess ta’ kull riforma fl-aħħar mill-aħħar jiddependi fuq l-impenn tan-nies li ser jimplimentawha.

Sinjuri, nixtieq nagħlaq din l-introduzzjoni qasira billi nħeġġeġ lil kull min għad irid jesprimi ruħu fuq din ir-riforma sabiex jagħmel dan. Il-Gvern qiegħed jisma’ biex jagħmel l-aħjar għażla fl-interess ta’ kull wieħed u waħda minna u fl-interess tal-pajjiż.

Il-Gvern għaraf li wasal iż-żmien li ssir bidla. Din il-bidla mhijiex żarmar ta’ sistema imma hija titjib fuq dak li għandna. Il-proċess ta’ konsultazzjoni tana u qed jagħtina d-direzzjoni. Kif semmejt qabel, dan il-proċess ta’ konsultazzjoni ser jitkompla f’din il-konferenza nazzjonali.

Is-suċċess ta’ din ir-riforma jiddependi minn ħafna fatturi. Kull wieħed minna jista’ jagħmel ħafna sabiex din ir-riforma tirnexxi. L-ewwel pass huwa li niddefinixxu l-bidla. Wara jkun imiss li flimkien naħdmu sabiex nimplimentaw il-miżuri tal-bidla. Ilkoll irridu nagħmlu l-parti tagħna. Inħeġġiġkom biex tagħmlu l-parti tagħkom. Wara kollox din il-bidla hija fl-interess ta’ kull wieħed minna u fl-interess nazzjonali u fuq kollox għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  150th anniversary of Carlo Diacono’s birth commemorated with a concert under the patronage of Speaker Carmelo Abela

PR261986en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER 150th anniversary of Carlo Diac...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  Carlo Diacono mfakkar 150 sena minn twelidu b’kunċert taħt il-patroċinju tal-Ispeaker Carmelo Abela

PR261986

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Carlo Diacono mfakkar 150 sena minn t...

More Press Releases Right arrow