L-AMBAXXATI MALTIN QED JGĦINU 50 KUMPANIJA FIX-XAHAR, SABIEX ISAĦĦU L-KUMMERĊ MA’ PAJJIŻI OĦRA FILWAQT LI L-KUMPANIJI INTERNAZZJONALI BAQGĦU INTERESSATI LI JINVESTU F’MALTA MINKEJJA L-KRIŻI EKONOMIKA INTERNAZZJONALI
L-interess fl-investiment f’Malta minn kumpaniji barranin baqa’ fuq l-istess livell tas-sena li għaddiet minkejja l-kriżi finanzjarja internazzjonali. Dan ukoll grazzi għall-ħidma li jwettqu l-Ambaxxaturi Maltin barra minn Malta biex iservu ta’ pont għal dawn il-kumpaniji mal-gżejjer Maltin. Dan ħareġ mill-interventi li saru illum fit-tieni ġurnata tal-Konferenza Annwali tal-Ambaxxaturi Maltin li fiha għamlu l-interventi tagħhom il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, l-Onor. Tonio Fenech, ic-Chairman tal-Malta Enterprise Alan Camilleri, iċ-Chairman tal-Awtorita’ Maltija għas-Servizzi Finanzjarji l-Prof Joseph Bannister u ċ-Chairman tal-FinanceMalta Kenneth Farrugia.
L-investiment kien fost it-temi prinċipali matul din il-ġurnata li kompla jorbot fuq it-temi prominenti li ġew diskussi l-bieraħ li kienu t-turiżmu u l-potenzjal tal-gżira Għawdxija għall-investiment dirett barrani. Fil-ftuħ tal-konferenza matul il-ġurnata tal-bieraħ il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Tonio Borg ħeġġeġ lill-Ambaxxaturi Maltin biex bil-ħidma tagħhom iservu ta’ vetrina għall-Malta sabiex jiżdied l-investiment barrani u t-turiżmu.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech tkellem dwar il-potenzjal li toffri Malta għall-investiment dirett barrani. Din il-preżentazzjoni kienet intiża sabiex l-Ambaxxaturi Maltin, li jservu l-pajjiż barra minn xtutna, ikunu dejjem iktar aġġornati u infurmati dwar x’toffri Malta għall-investitur barrani.
Il-Ministru Tonio Fenech, filwaqt li fiehem ir-rwol importanti li jservu l-Ambaxxaturi Maltin, u fl-istess waqt irringrazzjahom tal-ħidma li jwettqu biex jippromowvu lil Malta f’dan il-qasam, spjega iktar fil-fond x’ifittxu l-investituri barranin qabel jiddeċiedu li jinvestu f’Malta.
Kompla jgħid li Malta għandha diversi kwalitajiet li jagħmluha post ideali għal min jixtieq jinvesti. Dwar dan huwa semma l-aħħar rapport li ġie ppubblikat mill-kumpanija Ernst & Young fuq il-kompettitivita’ ta’ Malta. Il-Ministru Fenech qal li fost l-iktar punti pożittivi huwa l-fatt li Malta għandha ħaddiema mħarrġin sewwa u li joffru kwalita’ għolja fix-xogħol tagħhom. Iktar minn hekk, il-Ministru Fenech spjega li min jinvesti ma’ jħarisx biss lejn l-aspett ekonomiku, iżda wkoll lejn fatturi oħra li joffri l-pajjiż, fosthom il-kwalita’ tal-ħajja inġenerali, il-pożizzjoni ġeografika, il-kwalita’ tas-servizzi edukattivi u tas-saħħa kif ukoll il-qafas legali tal-pajjiż li joffri serħan il-moħħ.
Il-Ministru Fenech tkellem dwar il-viżibilta’ ta’ Malta fil-pajjiżi madwar id-dinja, u stqarr li l-pajjiż qed jaħdem ħafna iktar fuq dan il-punt. Fl-istess waqt, sabiex l-ekonomija tibqa’ tissaħħaħ, u jitnaqqas ir-riskju ta’ impatti qawwija fi żminijiet ta’ kriżi internazzjonali, il-Ministru Fenech sostna li l-pajjiż qed jiddiversifika l-ekonomija tiegħu fuq diversi oqsma, fosthom is-setturi tas-servizzi finanzjarji, l-informatika, u l-manifattura ta’ valur miżjud ogħla.
Dwar il-kompettivita’ tal-pajjiż, il-Ministru Fenech sostna li l-pajjiż qed ikompli jħares ‘il quddiem biex jilħaq l-għanijiet li poġġa quddiemu dan il-gvern bħala parti mill-Viżjoni 2015. Fost il-punti li qed isir ħafna xogħol fuqhom huma l-ħaddiema u l-edukazzjoni tagħhom, ir-riforma fis-servizz pubbliku, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-investiment fl-infrastruttura tal-pajjiż.
Intant iktar tard għamel l-intervent tiegħu ċ-Chairman tal-MFSA il-Prof. Joseph Bannister li spjega l-ħidma tal-Awtorita’ Maltija għas-servizzi finanzjarji u r-rwol tagħha bħala regolatur fis-suq tas-servizzi finanzjarji. Huwa sostna li Malta qed tkompli tattira l-investiment barrani u dan jidher ċar ukoll fin-numru ta’ kumpaniji ġodda li jirreġistraw f’Malta. Sostna li minkejja l-kriżi finanzjarja internazzjonali, huwa mbassar li sal-aħħar tas-sena l-kumpaniji ġodda rreġistrati f’Malta jibqgħu fuq l-istess livell tas-sena li għaddiet.
Waqt il-preżentazzjoni tiegħu, iċ-Chairman tal-Malta Enterprise, Alan Camilleri ħabbar li se jitwaqqaf unit ta’ komunikazzjoni li permezz tiegħu l-Ambaxxaturi u l-Konsli barra minn Malta jkunu jistgħu jikkunttattjaw lil dan l-uffiċċju għal kwalunkwe informazzjoni li jixtiequ. Sostna li dan il-pass qed isir għaliex il-Malta Enterprise temmen fil-validita’ u l-potenzjal li għandhom l-Ambaxxaturi f’dan il-qasam. Din l-inizjattiva ntlaqat tajjeb mill-Ambaxxaturi speċjalment fid-dawl tal-istatistika li turi li fl-ewwel xhur tas-sena l-Ambaxxati kienu ta’ għajnuna għal madwar 50 kumpanija fix-xahar.
L-aħħar preżentazzjoni saret miċ-Chairman tal-FinanceMalta is-Sur Kenneth Farrugia li spjega kif l-Ambaxxaturi jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex fil-ħidma tagħhom huma wkoll isaħħu lil Malta bħala destinazzjoni għall-investiment Finanzjarju.
Intant, bħal ma seħħ il-bieraħ, l-Ambaxxaturi Maltin inqasmu f’żewġ gruppi sabiex ittieħdu f’għadd ta’ kumpaniji kbar lokali li huma xempju tal-investiment barrani f’Malta bħala parti minn eżerċizzju li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin flimkien mal-Malta Enterprise, qiegħed iwettaq biex l-Ambaxxaturi stess ikunu iktar midħla tal-eżiġenzi u l-bżonnijiet ta’ kif jaħdmu l-kumpaniji lokali. Illum ittieħdu f’dawn il-kumpaniji: S.A.W. ltd., Baxter, Methode, Gutenberg, New Energy u Toly.
Stqarrijiet Oħra:
PR261986en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER 150th anniversary of Carlo Diac...
PR261986