Left arrow Mur Lura

L-Ambaxxati  Maltin għandhom ikunu vetrina għal Malta –  L-Onor. Dr. Tonio Borg

pr1303
Date Icon 29/07/2009

Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, l-Onor.  Tonio Borg ħeġġeġ lill-Ambaxxaturi Maltin biex bil-ħidma tagħhom iservu ta’ vetrina għal Malta sabiex jiżdied l-investiment barrani u t-turiżmu. Huwa qal dan fid-diskors tal-ftuħ tal-Konferenza Annwali tal-Ambaxxaturi Maltin li jservu l-pajjiżna barra minn Malta.

Fid-diskors tiegħu l-Viċi Prim Ministru Borg tkellem dwar diversi suġġetti li jinteressaw il-ħidma tal-Ambaxxati barra minn Malta. Huwa qal li l-ebda politika barranija ta’ ebda pajjiż ma tagħmel sens jekk ma tiġix aġġornata għaż-żminijet li nkunu qed ngħixu fihom. Huwa fakkar kif fl-aħħar sena, d-dinja affaċċjat kriżi ekonomika qawwija u din ħalliet l-impatt tagħha fuq diversi pajjiżi.

L-Onor. Tonio Borg saħaq li din kellha l-impatt tagħha fuq Malta u fuq il-ħidma li jwettaq il-pajjiz barra minn xtutna. Għaldaqstant appella biex kulħadd jieħu in konsiderazzjoni x’aġġustamenti jistgħu isiru biex il-pajjiż ma jibqax passiv quddiem din ir-realta’.

Dwar l-aspett ekonomiku u kummerċjali, il-Viċi Prim Ministru qal li l-Ambaxxati għandhom ikunu vetrina għal pajjiżna b’enfażi fuq investiment f’Malta u pubbliċita’ għal skopijiet ta’ turiżmu. Qal ukoll li f’din il-konferenza qed tingħata, iktar minn qatt qabel, l-enfasi speċjali fuq kif nistgħu nattiraw aktar investiment lejn pajjiżna fi żminijiet diffiċli.

Tenna li minkejja l-limitazzjonijiet tar-riżorsi tal-pajjiż, kull ambaxxata għandha tiddedika parti sew mill-ħidma tagħha għal dan l-iskop. Dwar dan huwa rrefera wkoll għad-diversi delegazzjonijiet kummerċjali li saru fl-aħħar sena u għall-konferenza tal-Konsli Onorarji f’Malta li saret iktar kmieni din is-sena.

Dwar l-aspett diplomatiku, l-Onor. Tonio Borg tkellem dwar il-ħidma politika fl-Unjoni Ewropea. Irrefera għall-immigrazzjoni, u li bħala Gvern irnexxilu jressaq il-quddiem bl-aħjar mod possibbli il-pozizzjoni ta’ Malta fuq din il-kwistjoni li tant taffettwa lill-Maltin u lil kull min qed isofri minn din il-problema umana. Qal li għall-ewwel darba Malta ssemmiet fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew u anki il-proġett pilota dwar l-immigrazzjoni varat mill-Kummissjoni Ewropea.

Huwa appella lill-Ambaxxaturi biex iseddqu l-ħidma tagħhom fuq dan l-aspett u jwasslu l-leħen ta’ Malta fil-pajjiżi li qegħdin fihom. Dwar l-Uffiċċju Ewropew dwar l-Ażil, il-Viċi Prim Ministru qal li Malta għandha każ tajjeb biex tirbaħ l-argument biex dan jitwaqqaf f’Malta. Huwa appella lill-Ambaxxaturi biex jagħmlu l-almu kollu tagħhom sabiex dan l-uffiċċju jiġi Malta.

Il-Viċi Prim Ministru qal li fl-aħħar sena saret ħidma biex l-ambaxxati jitpoġġew fil-qalba tal-immaġini tal-Ministeru, kif ukoll saret ħidma biex in-nies isiru jafu iktar bil-ħidma tal-Ambaxxati. Dwar dan huwa rrefera għall-Manwal tal-Ivjaġġar li ġie ppubblikat fl-aħħar ġimgħat u li kellu suċċess kbir b’eluf ta’ kopji jitqassmu fi ftit ġranet. Dan se jkun qed iqarreb iktar l-Ambaxxati lejn il-poplu Malti.

Intant wara d-diskors tal-ftuħ tal-Viċi Prim Ministru, saru għadd ta’ preżentazzjonijiet.  Il-gżira Għawdxija ingħatat attenzjoni partikolari bħala destinazzjoni  turistika u għall-investiment dirett barrani. Fil-preżentazzjoni li saret mill-Gozo Business Chamber, intqal li laqgħat bħal dawn mal-Ambaxxaturi jagħtu opportunita’ kbira biex Għawdex isemma leħnu f’diversi pajjiżi. Fakkar kif Għawdex għandu l-problema tal-insularita’ doppja li ħafna drabi titfa diffikulta’ doppja fuq Għawdex fir-rispett ta’ Malta. Madanakollu l-Gozo Business Chamber għamlu l-argument tagħhom dwar kif l-Ambaxxaturi Maltin barra minn Malta jistgħu iservu lill-Għawdex fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum.

Filwaqt li l-Gozo Tourism Association fil-preżentazzjoni li għamlet qalet li din il-konferenza hija opportunita’ unika bħala eżerċizzju ta’ marketing, kif ukoll possibbilta’ tajba biex jitkattru iktar il-kuntatti. L-Assoċjazzjoni tenniet li l-Ambaxxaturi jistgħu ikunu wkoll ambaxxaturi turistiċi għall-gżira Għawdxija.

Matul il-jum tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu, Josef Formosa Gauci li tkellem dwar l-importanza tal-ħidma flimkien mal-Ambaxxaturi biex tisseddaq ix-xibka ta’ kuntatti turistiċi barra mill-pajjiż. Fil-preżentazzjoni tiegħu, huwa rrefera wkoll għad-diversi oqsma ta’ koperazzjoni li diġa’ jeżistu fil-qasam turistiku ma’ numru ta’ ambaxxati Maltin barra minn Malta. .

Intant matul il-ġurnata tal-lum, l-Ambaxxaturi Maltin inqasmu f’żewġ gruppi sabiex ittieħdu f’għadd ta’ kumpaniji kbar lokali li huma xempju tal-investiment barrani f’Malta bħala parti minn eżerċizzju li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, flimkien mal-Malta Enterprise, qiegħed iwettaq biex l-Ambaxxaturi stess ikunu iktar midħla tal-esiġenzi u l-bżonnijiet ta’ kif jaħdmu l-kumpaniji lokali. Dawn il-kumpaniji li ttieħdu fihom l-Ambaxxaturi huma: Rimus Riley, New Energy, Actavis, Playmobil, Lewis Press u Medichem.

Dan l-eżerċizzju tqies bħala wieħed essenzjali u ntlaqa’ tajjeb mill-Ambaxxaturi stess li setgħu jaraw b’għajnejhom il-ħidma li ssir minn dawn il-kumpaniji li joħolqu mijiet ta’ impjiegi f’Malta. Dan se jitkompla għada fejn ukoll se jittieħdu f’numru ieħor ta’ kumpaniji.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  150th anniversary of Carlo Diacono’s birth commemorated with a concert under the patronage of Speaker Carmelo Abela

PR261986en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER 150th anniversary of Carlo Diac...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  Carlo Diacono mfakkar 150 sena minn twelidu b’kunċert taħt il-patroċinju tal-Ispeaker Carmelo Abela

PR261986

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Carlo Diacono mfakkar 150 sena minn t...

Aktar Stqarrijiet Right arrow