Left arrow Mur Lura

IL-CORE GROUP TAL-MEUSAC JIDDISKUTI L-PROPOSTI TAL-KUMMISSJONI EWROPEA DWAR BILANĊ AĦJAR BEJN XOGĦOL U ĦAJJA U DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PRINĊIPJU TA’ TRATTAMENT UGWALI

PR1648
Date Icon 31/10/2008

Illum, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, iltaqa’ l-Core Group tal-Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC) taħt il-presidenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, Dott. Chris Said.

Fuq l-aġenda kien hemm għad-diskussjoni:

1. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea fuq bilanċ aħjar bejn xogħol u ħajja: appoġġ akbar għar-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, privata u tal-familja; u

2. Proposta mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

Il-Komunikazzjoni fuq bilanċ aħjar bejn xogħol u ħajja tinkorpora fiha żewġ abbozzi għall-proposti leġislattivi:

(i) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu [COM 2008 637];

(ii) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f’attività b’kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom u li tirrevoka d-Direttiva 86/613/KEE [COM (2008) 636 final].

Il-proposta għall-trattament ugwali tħaddan Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali [COM(2008)426 final]

Uffiċjali għolja mill-Ministeru għall-Politika Soċjali taw preżentazzjoni lill-Membri tal-Core Group dwar dak li qed tipproponi l-Kummissjoni Ewropea.  Il-Ministeru għall-Politika Soċjali huwa responsabbli mit-tfassil tal-pożizzjoni li se jaddotta pajjiżna fuq it-tliet abbozzi tad-Direttivi.

Fir-rigward tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, ħafna mid-diskussjoni ffukat fuq il-kwistjoni dwar iż-żieda fil-perjodu tal-leave tal-maternita` minn erbatax-il ġimgħa għal tmintax, kif ukoll fuq il-proposta tal-Kummissjoni li wkoll tinkludi:

  • Id-dritt tan-nisa li jaqgħu taħt l-għanijiet tad-Direttiva li liberament jagħżlu meta għandhom jieħdu l-parti tal-leave li mhix obbligatorja (qabel jew wara l-ħlas);
  • Meta jsir il-ħlas qabel id-data prevista, il-leave ta’ qabel it-twelid jiġi estiż sad-data attwali mingħajr ma jkun hemm tnaqqis fil-leave ta’ wara l-ħlas;
  • Il-projbizzjoni ta’ kull preparament għat-tkeċċija mix-xogħol, waqt il-leave tal-maternita`, sakemm dan ma jkunx relatat ma’ ċirkustanzi eċċezzjonali;
  • L-ommijiet għandhom jitħallsu s-salarju sħiħ (li jikkorispondi ma’ dak tal-aħħar xahar) waqt li jkunu fuq leave tal-maternita`, għalkemm Stati Membri jistgħu jistabilixxu limiti sakemm dawn ma jkunux inqas mir-rati mħallsa f’każ ta’ mard;
  • L-ommijiet għandhom id-dritt isaqsu lil min jimpjegahom għal metodi flessibli ta’ kif isir ix-xogħol: min jimpjega għandu l-obbligu li jikkunsidra talba bħal din, imma ma jkollox obbligazzjoni li jaċċetta.

Tqajjmu diversi punti waqt il-laqgħa fosthom x’effett jista’ jkun hemm fuq min iħaddem jekk il-perjodu ta’ maternity leave ikun estiż, il-bżonn li l-mara tibqa’ taħdem anke wara li jkollha t-tfal, il-perjodu ta’ transizzjoni biex dawn il-miżuri jidħlu fis-seħħ f’Malta, kif jista’ jsir arranġament biex il-leave ta’ qabel il-ħlas ikun estiż mingħajr tnaqqis tal-leave ta’ wara l-ħlas f’każ li jkun hemm tibdil fil-ġurnata tal-ħlas, u d-drittijet tal-ommijiet ta’ trabi li jitwieldu b’ xi diżabilità.

L-abbozz tal-proposta l-oħra essenzjalment ifittex li jassigura l-istess trattament lill-konjuġi ta’ assistenza/imsieħba għall-ħajja daqs persuni li jaħdmu għal rashom.  Ommijiet li jaħdmu għal rashom kif ukoll konjuġi ta’ assistenza/imsieħba għall-ħajja huma intitolati għall-istess drittijiet daqs ommijiet impjegati skon il-proposti fil-Komunikazzjoni KUMM (2008) 600.  Punt ieħor imressaq mill-Membri tal-Core Group kien x’ konsegwenzi jista’ jkollu l-introduzzjoni tal-kunċett ta’ imsieħba għall-ħajja, bl-Ingliż “life partners”, fuq l-iStati Membri.  Il-proposta tagħmilha ċara illi mhux ħa tnaqqas mill-kompetenzi tal-iStati Membri.  Dan għaliex huma l-iStati Membri li għandhom id-dritt li jirregolaw dak li għandu x’ jaqsam maż-żwieġ u l-liġi tal-familja. 

Punt ieħor imressaq waqt il-laqgħa dwar it-tielet proposta, kien dak relatat mat-trattament ekwu. Il-Gvern Malti diġà għamilha ċara li għalkemm jaqbel mal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon, twemmin, diżabilita`, eta` jew orjentazzjoni sesswali, it-test propost mill-Kummissjoni jqajjem ċertu diffikultajiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompetenzi tal-iStati Membri. Għalkemm kien hemm proposti li jintroduċu salvagwardji, it-test ma jidhirx li jilħaq dan biżżejjed.

Waqt id-diskussjoni ssemma’ wkoll  li għalkemm affarijiet tal-familja huma regolati bil-liġi nazzjonali, is-soċjeta` Maltija trid tikkunsidra kunċetti ġodda li qed jiżviluppaw fi ħdan is-soċjeta` tagħna. Trid tiġi instigata diskussjoni fi ħdan is-soċjeta` tagħna sabiex jintlaħaq qbil dwar kif il-familja għandha tiġi definita fil-kuntest tar-realtajiet soċjali tal-lum.   

Affarijiet oħra

Il-Kap tal-MEUSAC, Dr Vanni Xuereb informal lill-Membri tal-Core Group li l-proċess għar-reklutaġġ tal-Kap tal-Unit tal-Konsultazzjon kif ukoll is-segretarji tal-Kumitati Settorjali għaddej.

Preżenti għall-laqgħa tal-Core Group kien hemm: is-Segretarju Parlamentari Chris Said (Chairperson, Vanni Xuereb (Kap, MEUSAC), Godwin Grima (Segretarju Permanenti Ewlieni), Richard Cachia Caruana (Rappreżentant Permanenti għall-UE), Peter Portelli (Segretarju Permanenti, Uffiċċju tal-Prim Ministru), Cecilia Attard Pirotta (Segretarju Permanenti, Minsteru tal-Affarijiet Barranin), Graziella Pullicino (A/Kap, Segretarjat UE), Gabriella Pace (Kap tal-Informazzjoni, MEUSAC), Josie Muscat (Azzjoni Nazzjonali), Arthur Rossi (CMTU), Ray Muscat (FOI), Joe Grech (Gozo Business Chamber), Tony Zarb (GWU), Paul De Battista (Malta Employers’ Association), Alexander Bonello (MHRA), George Abela (MLP), Paul Borg Olivier (PN) u Romina Bartolo (UHM) kif ukoll membri sostituti u osservaturi

Preżenti għad-diskussjoni dwar il-Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea kien hemm Uffiċjali Għolja mill-Ministeru għall-Politika Soċjali:

Dr. Natasha Azzopardi Muscat (Direttur Ġenerali Strategy and Sustanability), Dr. Noel Vella (Direttur, Industrial & Employment Relations Department), Mark Musu` (Direttur EU Affairs).

Il-laqgħa tal-Core Group tal-Malta-EU Steering and Action Committee mal-Ministru tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, Dott. Carmerlo Mifsud Bonnici, se ssir fis-7 ta’ Novembru biex titkompla d-diskussjoni fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni. Il-laqgħa se tkompli fuq dak li kien beda jiġi diskuss mill-Core Group fis-26 ta’ Settembru.  Laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni saret il-Ġimgħa 24 ta’ Ottubru bejn ir-Rapporteur tal-Parlament Ewropew fuq il-Proposta tal-Kummissjoni dwar Politika Komuni tal-Immigrazzjoni, il-MPE Malti Dr. Simon Busuttil u membri tal-Core Group kif ukoll rappreżentanti tal-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fis-settur.      

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE HOUSE OF REPRESENTATIVES  Maltese parliamentary delegation participates in the Inter-parliamentary conference on Stability, Economic Coordination and Governance in the EU

PR261983

PRESS RELEASE BY THE HOUSE OF REPRESENTATIVES Maltese parliamentary delega...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR261982en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow