DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U INFORMAZZJONI WAQT LAQGĦA TA’ KONSULTAZZJONI TAL-CORE GROUP TAL-MALTA-EU STEERING AND ACTION COMMITTEE (MEUSAC) FUQ IL-POLITIKA KOMUNI DWAR L-IMMIGRAZZJONI GĦALL-EWROPA
Hu pjaċir tiegħi li bħala chairperson tal-Core Group tal-MEUSAC nilqagħkom għal din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni li l-MEUSAC qed jorganizza biex titkompla d-diskussjoni li nbdiet waqt il-laqgħa tal-Core Group tas-26 ta’ Settembru dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa: prinċipji, azzjonijiet u strumenti.
Din il-laqgħa tal-Core Group, b’koinċidenza, kienet saret l-għada li l-Ministri tal-Ġustizzja u tal-Intern tas-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea kienu qablu dwar Patt Ewropew għall-Immigrazzjoni u l-Ażil, liema patt ġie approvat mill-mexxejja tas-27 pajjiż waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li saret il-ġimgħa l-oħra. Dakinhar tal-laqgħa tal-Core Group, il-Ministru tal-Ġustizzja u Intern, Dott. Carmelo Mifsud Bonnici, kien attenda u ħa sehem fid-diskussjoni. Naturalment, ħafna mill-membri ikkonċentraw l-attenzjoni tagħhom fuq il-ftehim tal-25 ta’ Settembru bil-Ministru Mifsud Bonnici u l-membri juru x-xewqa li d-diskussjoni titkompla. Fil-fatt, qed isiru tħejjijiet għal laqgħa oħra bejn il-membri tal-Core Group u l-Ministru Mifsud Bonnici u uffiċjali għolja tal-Ministeru tiegħu.
Inizjattiva oħra biex titkompla d-diskussjoni hi l-laqgħa tal-lum. F’Ġunju li għadda, il-Parlament Ewropew ħatar lill-Membru Parlamentari Ewropew Malti, Dott. Simon Busuttil, biex ikun ir-rapporteur tal-Parlament Ewropew fuq l-imsemmija Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa. Dott. Busuttil ġentilment talab lill-MEUSAC li bħala parti mill-proċess ta’ tħejjija tar-rapport tiegħu, ikollu l-opportunità li jiltaqa’ mal-membri tal-Core Group u ma rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi li joperaw f’dan il-qasam. Għalhekk, din il-laqgħa tal-lum tippreżentalna opportunità tad-deheb biex minbarra l-konsultazzjonijiet li qed jagħmel il-gvern dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa (u hawn irridu niftakkru li l-gvern, bħal kull gvern ta’ kull pajjiż membru ieħor għandu sehem deċiżiv fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Kunsill tal-UE), istituzzjoni oħra tal-UE, il-Parlament Ewropew, ser tkun qed tagħti widen għall-veduti li ser jiġu espressi hawn illum.
Għandha tkun parti mill-kultura ta’ kif naslu għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li kull fejn, fl-istituzzjonijiet Ewropej, partikolarmanet fil-Kunsill, il-Parlament, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni, rappreżentanti Maltin ikunu preżenti, dawn ifitxxu li jisimgħu dak li dawk li għandhom interess fil-materja f’pajjiżna ikunu iridu jesprimu fir-rigward. Nittamaw li dak li bdejna illum fuq il-Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa, għada pitgħada isseħħ ukoll fuq materji oħra ta’ rilevanza għal pajjiżna u għas-settur jew setturi li fihom noperaw. Fi ħdan l-istrutturi tal-MEUSAC (Core Group u fid-9 kumitat settorjali) il-Gvern hu kommess li dan isir f’dak li jikkonċerna s-sehem tiegħu fil-Kunsill tal-UE.
Fil-proposta tagħha għal Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa, il-Kummissjoni, imqassmin taħt it-tliet setturi ewlenin tal-politika tal-UE - prosperità, solidarjetà u sigurtà.- tippreżenta għaxar prinċipji komuni. Dawn l-għaxar prinċipji jkopru l-aspetti kollha tal-fenomenu tal-immigrazzjoni. Għal kull prinċipju, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll lista ta’ miżuri konkreti li jridu jitwettqu fis-snin li ġejjin. Dawn l-għaxar prinċipji ilhom jissawru mill-1999 meta l-UE ingħatat kompetenza f’din il-materja. Fil-qosor, dawn l-għaxar prinċipji huma:
- Regoli ċari u opportunitajiet indaqs għal kulħadd;
- Bilanċ bejn il-ħiliet u l-ħtiġijiet;
- L-integrazzjoni hija ċ-ċavetta għal immigrazzjoni b'suċċess - għandha tittejjeb permezz ta' sforzi msaħħa mill-Istati Membri li jilqgħuhom u b'kontribuzzjoni mill-immigranti nfushom ("proċessi b'żewġ naħat");
- Trasparenza, fiduċja u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fi ħdan l-UE;
- Użu effettiv u koerenti tal-mezzi disponibbli biex il-linji ta' politika komuni dwar l-immigrazzjoni jkunu jistgħu jiksbu l-għanijiet strateġiċi tagħhom filwaqt li għandhom jinkludu element finanzjarju qawwi li jqis is-sitwazzjoni speċifika tal-fruntieri esterni ta' ċerti Stati Membri u ta' l-isfidi migratorji speċifiċi li jkollhom quddiemhom.
- Tisħib ma' pajjiżi terzi biex il-materji kollha li għandhom x’jaqsmu mal-fenomenu tal-immigrazzjoni jiġu diskussi u ndirizzati flimkien;
- Politika dwar il-viżi li tkun taqdi l-interessi ta' l-Ewropa u ta' sħabha billi tiffaċilita’ id-dħul ta’ viżitaturi bona fide u ttejjeb is-sigurtà;
- Immaniġġjar integrat tal-fruntieri biex tinżamm l-integrità taż-żona ta' Schengen mingħajr kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri;
- Jitħaffef il-pass fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, u tolleranza żero għat-traffikar tal-persuni - Il-protezzjoni u l-appoġġ għall-vittmi tat-traffikar tal-persuni għandhom jiġu nfurzati;
- Linji ta' politika effettiva u sostenibbli li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali.
Filwaqt li issa nistieden lil Dott. Busuttil biex jagħmel l-introduzzjoni tiegħu, nawgura li jkollna laqgħa tajba fejn b’mod ġenwin u sinċier u b’umiltà kbira noffru l-ideat tagħna lill-Membru Parlamentari Ewropew fil-ħidma tiegħu bħala Rapporteur tal-Parlament Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa: prinċipji, azzjonijiet u strumenti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261983
PRESS RELEASE BY THE HOUSE OF REPRESENTATIVES Maltese parliamentary delega...
PR261982en