Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U INFORMAZZJONI WAQT LAQGĦA TA’ KONSULTAZZJONI TAL-CORE GROUP TAL-MALTA-EU STEERING AND ACTION COMMITTEE (MEUSAC) FUQ IL-POLITIKA KOMUNI DWAR L-IMMIGRAZZJONI GĦALL-EWROPA

PR1585
Date Icon 24/10/2008

Hu pjaċir tiegħi li bħala chairperson tal-Core Group tal-MEUSAC nilqagħkom għal din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni li l-MEUSAC qed jorganizza biex titkompla d-diskussjoni li nbdiet waqt il-laqgħa tal-Core Group tas-26 ta’ Settembru dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa: prinċipji, azzjonijiet u strumenti.

Din il-laqgħa tal-Core Group, b’koinċidenza, kienet saret l-għada li l-Ministri tal-Ġustizzja u tal-Intern tas-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea kienu qablu dwar Patt Ewropew għall-Immigrazzjoni u l-Ażil, liema patt ġie approvat mill-mexxejja tas-27 pajjiż waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li saret il-ġimgħa l-oħra. Dakinhar tal-laqgħa tal-Core Group, il-Ministru tal-Ġustizzja u Intern, Dott. Carmelo Mifsud Bonnici, kien attenda u ħa sehem fid-diskussjoni. Naturalment, ħafna mill-membri ikkonċentraw l-attenzjoni tagħhom fuq il-ftehim tal-25 ta’ Settembru bil-Ministru Mifsud Bonnici u l-membri juru x-xewqa li d-diskussjoni titkompla. Fil-fatt, qed isiru tħejjijiet għal laqgħa oħra bejn il-membri tal-Core Group u l-Ministru Mifsud Bonnici u uffiċjali għolja tal-Ministeru tiegħu.

Inizjattiva oħra biex titkompla d-diskussjoni hi l-laqgħa tal-lum. F’Ġunju li għadda, il-Parlament Ewropew ħatar lill-Membru Parlamentari Ewropew Malti, Dott. Simon Busuttil, biex ikun ir-rapporteur tal-Parlament Ewropew fuq l-imsemmija Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa. Dott. Busuttil ġentilment talab lill-MEUSAC li bħala parti mill-proċess ta’ tħejjija tar-rapport tiegħu, ikollu l-opportunità li jiltaqa’ mal-membri tal-Core Group u ma rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi li joperaw f’dan il-qasam. Għalhekk, din il-laqgħa tal-lum tippreżentalna opportunità tad-deheb biex minbarra l-konsultazzjonijiet li qed jagħmel il-gvern dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa (u hawn irridu niftakkru li l-gvern, bħal kull gvern ta’ kull pajjiż membru ieħor għandu sehem deċiżiv fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Kunsill tal-UE), istituzzjoni oħra tal-UE, il-Parlament Ewropew, ser tkun qed tagħti widen għall-veduti li ser jiġu espressi hawn illum.

Għandha tkun parti mill-kultura ta’ kif naslu għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li kull fejn, fl-istituzzjonijiet Ewropej, partikolarmanet fil-Kunsill, il-Parlament, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni, rappreżentanti Maltin ikunu preżenti, dawn ifitxxu li jisimgħu dak li dawk li għandhom interess fil-materja f’pajjiżna ikunu iridu jesprimu fir-rigward. Nittamaw li dak li bdejna illum fuq il-Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa, għada pitgħada isseħħ ukoll fuq materji oħra ta’ rilevanza għal pajjiżna u għas-settur jew setturi li fihom noperaw. Fi ħdan l-istrutturi tal-MEUSAC (Core Group u fid-9 kumitat settorjali) il-Gvern hu kommess li dan isir f’dak li jikkonċerna s-sehem tiegħu fil-Kunsill tal-UE.

Fil-proposta tagħha għal Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa, il-Kummissjoni, imqassmin taħt it-tliet setturi ewlenin tal-politika tal-UE - prosperità, solidarjetà u sigurtà.- tippreżenta għaxar prinċipji komuni. Dawn l-għaxar prinċipji jkopru l-aspetti kollha tal-fenomenu tal-immigrazzjoni. Għal kull prinċipju, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll lista ta’ miżuri konkreti li jridu jitwettqu fis-snin li  ġejjin. Dawn l-għaxar prinċipji ilhom jissawru mill-1999 meta l-UE ingħatat kompetenza f’din il-materja. Fil-qosor, dawn l-għaxar prinċipji huma:

  1. Regoli ċari u opportunitajiet indaqs għal kulħadd;
  1. Bilanċ bejn il-ħiliet u l-ħtiġijiet;
  1. L-integrazzjoni hija ċ-ċavetta għal immigrazzjoni b'suċċess - għandha tittejjeb permezz ta' sforzi msaħħa mill-Istati Membri li jilqgħuhom u b'kontribuzzjoni mill-immigranti nfushom ("proċessi b'żewġ naħat");
  1. Trasparenza, fiduċja u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fi ħdan l-UE;
  1. Użu effettiv u koerenti tal-mezzi disponibbli biex il-linji ta' politika komuni dwar l-immigrazzjoni jkunu jistgħu jiksbu l-għanijiet strateġiċi tagħhom filwaqt li għandhom jinkludu element finanzjarju qawwi li jqis is-sitwazzjoni speċifika tal-fruntieri esterni ta' ċerti Stati Membri u ta' l-isfidi migratorji speċifiċi li jkollhom quddiemhom.
  1. Tisħib ma' pajjiżi terzi biex il-materji kollha li għandhom x’jaqsmu mal-fenomenu tal-immigrazzjoni jiġu diskussi u ndirizzati flimkien;
  1. Politika dwar il-viżi li tkun taqdi l-interessi ta' l-Ewropa u ta' sħabha billi tiffaċilita’ id-dħul ta’ viżitaturi bona fide u ttejjeb is-sigurtà;
  1. Immaniġġjar integrat tal-fruntieri biex tinżamm l-integrità taż-żona ta' Schengen mingħajr kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri;
  1. Jitħaffef il-pass fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, u tolleranza żero għat-traffikar tal-persuni - Il-protezzjoni u l-appoġġ għall-vittmi tat-traffikar tal-persuni għandhom jiġu nfurzati;
  1. Linji ta' politika effettiva u sostenibbli li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali.

Filwaqt li issa nistieden lil Dott. Busuttil biex jagħmel l-introduzzjoni tiegħu, nawgura li jkollna laqgħa tajba fejn b’mod ġenwin u sinċier u b’umiltà kbira noffru l-ideat tagħna lill-Membru Parlamentari Ewropew fil-ħidma tiegħu bħala Rapporteur tal-Parlament Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa: prinċipji, azzjonijiet u strumenti.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE HOUSE OF REPRESENTATIVES  Maltese parliamentary delegation participates in the Inter-parliamentary conference on Stability, Economic Coordination and Governance in the EU

PR261983

PRESS RELEASE BY THE HOUSE OF REPRESENTATIVES Maltese parliamentary delega...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR261982en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow