F’NOVEMBRU SER JINGĦATA BIDU GĦAL ĦDAX-IL EDIZZJONI TA’ SKOLASPORT F’GĦAWDEX
PR1566
23/10/2008
| Studenti | tal-iskejjel primarji u sekondarji f’Għawdex, qed jerġgħu jingħataw l-opportunità li kull nhar ta’ Sibt, bejn l-1 ta’ Novembru li ġej sal-aħħar ta’ Mejju, jibdew jipparteċipaw f’attivitajiet sportivi fil-programm Skolasport li jiġi organizzat fil-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex. L-attivitajiet ta’ Skolasport ġew organizzati f’Għawdex matul dawn l-aħħar ħdax-il sena, fuq inizjattiva tal-Ministeru għal Għawdex b’koordinazzjoni mal-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex. Is-sessjonijiet jinżammu kull nhar ta’ Sibt filgħodu u l-parteċipanti jkunu jistgħu jużaw it-trasport organizzat li jitlaq mill-pjazza ta’ kull raħal fit-tmienja u nofs ta’ filgħodu u jirritorna għal ħabta tan-nofs siegħa ta’ wara nofsinhar. |
| Fost id-dixxiplini | sportivi li ser ikunu mgħallma hemm dawk tal-hip-hop, breakdance, lawn tennis, ġinnastika, indoor climbing, arti marzjali, handball u basketball. Din is-sena, Skolasport f’Għawdex ser tkun qed toffri tliet dixxiplini tal-isport ġodda, fosthom it-table-tennis, iċ-ċikliżmu u l-ħiliet fil-logħba tal-futbol. L-aħħar żewġ dixxiplini qanqlu entużjażmu fost l-istudenti u fil-fatt kienu l-aktar dixxiplini li ntgħażlu fost l-applikazzjonijiet li ntefgħu sa issa. Barra minn hekk ta’ min isemmi li l-lezzjonijiet fit-table tennis ser ikunu jistgħu jiġu pprovduti wara x-xogħlijiet li saru fl-aħħar xhur, li permezz tagħhom sar titjib fis-sala fejn jintlagħab dan l-isport ta’ ġewwa. Inizjattiva oħra li qed tittieħed ukoll għall-ewwel darba din is-sena, hija dik li tfal li jattendu l-ewwel sena tal-iskola primarja ser ikunu introdotti għall-Kidz Blitz biex b’hekk jitnissel fihom l-ispirtu sportiv sa minn età żgħira. |
| Ġew maħsuba wkoll | attivitajiet oħra għal matul is-sena biex iżewqu l-programm u joffru aktar tagħrif lill-parteċipanti. Lecturers professjonali ser ikunu mistiedna biex jagħtu taħditiet dwar dieta tajba, il-mekkaniżmi tal-ġisem u l-ewwel għajnuna. Ser ikun hemm ukoll żjajjar fil-kumpless sportiv tal-Marsa fejn l-istudenti Għawdxin jipparteċipaw f’diversi attivitajiet sportivi flimkien ma’ studenti oħra li jattendu skolasport f’Malta. Hu wkoll ippjanat li jiġi organizzat jum sportiv f’Diċembru kif ukoll festival tal-arti marzjali li ser ikun jinkludi dimostrazzjonijiet minn atleti professjonali fl-iSpirit Combat, Kick-boxing, Olympic Wrestling, Akido, Kung-Fu u Karate. Din l-attività ser tkun miftuħa għall-pubbliku inġenerali. Il-programm ta’ Skolasport 2008 jiġi fi tmiemu fl-aħħar ta’ Mejju, bil-wirja annwali li matulha l-istudenti li jkunu pparteċipaw juru il-progress li jkunu għamlu matul is-sena. |
| Sadanittant, | fil-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex twaqqfet Customer Care desk fejn ser jibdew jintlaqgħu l-ilmenti u s-suġġerimenti dwar Skolasport. Dan iservi wkoll biex jissaħħaħ is-servizz mogħti lill-pubbliku Għawdxi fil-qasam sportiv u edukattiv. L-applikazzjonijiet għal Skolasport 2008 għadhom qed jintlaqgħu waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju fil-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex, minn fejn jista’ jinkiseb ukoll aktar tagħrif fuq in-numru tat-telefon 21560677. |
Other Press Releases:
PR261983
PRESS RELEASE BY THE HOUSE OF REPRESENTATIVES Maltese parliamentary delega...
PR261982en