Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR MARIO GALEA, SEGRETARJU PARLAMENTARI TA’ L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, FIL-FTUĦ TAS-SEMINAR ‘ACTIVE INCLUSION THROUGH SERVICE USER INVOLVEMENT’ ORGANIZZAT MIR-RICHMOND FOUNDATION FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI TAS-SAĦĦA MENTALI – FLORIANA

pr1468
Date Icon 10/10/2008
Terz mill-poplutad-dinja jbgħati minn problema ta’ saħħa mentali f’xi ħin f’sena.  Għal Malta dan ifisser 130,000 persuna f’sena.
Għal min tinteressaħl-istatistika,
wieħed minn kullerba’ nisa jsofru minn depression, filwaqt li fejn jidħlu l-irġiel wieħed minn kull sitta jsofru minn depression, wieħed minn kull 100 jsofru minn schizophrenia waqt li tnejn fil-mija għandhom il-kundizzjoni bi polar.
Minkejja dan,hu stmat li huma biss 26% tan-nies li għandhom problema ta’ saħħa mentali li fil-fatt ifittxu l-għajnuna professjonali li jkollhom bżonn. Dan jikkonferma kemm hemm bżonn inżidu l-għarfien fuq il-problemi tas-saħħa mentali u nkomplu niġġieldu l-istigma.
RichmondFoundation

Irrid nibda biexnirringrazzja lir-Richmond Foundation għax-xogħol li qed tagħmel. Richmond Foundation mhix aġenzija governattiva u ma tagħmilx profitti. Ilha għal dawn l-aħħar 15-il sena toffri servizzi fil-komunità għal persuni li għandhom diffikultajiet ta’ saħħa mentali.
L-ewwel servizz tar-RichmondFoundation kien dak ta’ Villa Chelsea, iżda fi żmien 15-il sena l-fundazzjoni żviluppat diversi servizzi oħrajn fosthom:

Home Support,

SupportiveHousing Scheme,
SupportedEmployment Programme,
Staff andOrganisation Support Programme,

Floriana Hostel

Kids in Development (KIDs)

CTLC (Community Technology Learning Centre).

Dan apparti diversi inizjattivi oħra.

Waħda mill-attivitajiet prinċipali tar-Richmond Foundation hi dik li tippromwovi s-saħħa mentali fil-komunità Maltija u li tagħti informazzjoni dwar kundizzjonijiet tas-saħħa mentali. Il-fundazzjoni taħdem biex tgħin tinbidel il-mentalità tal-pubbliku billi tieħu sehem f’diversi programmi tal-media u tinforma lill-pubbliku dwar  is-saħħa mentali.

Richmond Foundation taħdem ukoll biex tinfluwenza l-policy li tirrigwardja s-saħħa mentali.  Ta’ dan kollu f’isem il-Gvern irrid nerġa’ nuri l-apprezzament tiegħi lir-Richmond Foundation.

L-involviment ta’ min juża s-servizzi

Il-kunċett ta’ l-involviment ta’ min juża s-servizzi hu kunċett ġdid f’pajjiżna. S’issa kien hemm enfasi kbira biex is-servizzi fil-komunità jkunu ta’ kwalità, għall-inqas mill-perspettiva ta’ min joffri dawn is-servizzi jew tal-professjonisti. Sfortunatament ftit kien hemm enfasi biex min fil-fatt juża s-servizzi jkun involut b’mod sħiħ fil-proċess kollu.

Barra minn xtutna dan il-kunċett qabad sew u dan juri li m’aħniex qed nitkellmu fuq xi ħaġa li ma tistax issir. Per eżempju, fl-Ingilterra persuni li jużaw is-servizzi saħansitra jgħinu fl-istess edukazzjoni tal-professjonisti li jagħtu s-servizz. L-idea li l-professjonist jaf kollox u jiddeċiedi hu f’isem il-klijent hija idea antika li llum spiċċa żmienha.

Il-kunċett modern hu “mhux naħdmu għalihom iżda naħdmu magħhom”. Li rrid infisser b’din il-frażi hu li fl-aħħar mill-aħħar il-persuni li jirċievu s-servizz għandhom ħafna x’jagħtu wkoll. Din titlob bidla fl-attitudni fejn mhix aktar kwistjoni ta’ ‘aħna’ u ‘huma’, iżda fejn il-professjonista jidħol f’kollaborazzjoni u koperazzjoni  ma’ min qed jirċievi s-servizzi. Meta xi ħadd joffri servizz ma jfissirx li hu aħjar jew f’pożizzjoni għola minn ħaddieħor, iżda qiegħed hemm biex iservi u jagħti servizz. Min qed jagħti s-servizz irid ukoll jisma’ u jagħti ċans lil min qed juża dak is-servizz biex isemma’ leħnu u jinfluwenza l-istess servizz li qed juża. F’kelma waħda rridu nżarmaw il-mentalità paternalistika li sfortunatament aħna l-professjonisti għandna ħabta nadottaw fil-konfront tal-klijenti tagħna. Ippermettuli nerġa’ nsostni “mhux naħdmu għalihom iżda naħdmu magħhom”.

Meta l-persuni jkunu verament involuti fid-deċiżjonijiet li jolqtu lilhom, ħadd ma jħossu eskluż u allura  hemm inqas ċans li jkun hemm reżistenza. Fl-aħħar mill-aħħar dawk li jirċievu s-servizzi jmorru aħjar. L-inkulżjoni tal-klijenti tgħolli l-istima ta’ min juża s-servizz u aktar hemm ċans li jkun hemm suċċess. Fl-aħħar mill-aħħar meta ninvolvu l-klijenti fil-proċess inkunu qed ngħinu biex il-klijenti tagħna jħossuhom stmati. Ma ninsewx li aħna nagħtu ħafna lill-klijenti tagħna, imma nieħdu lura ħafna wkoll. Kull klijent li niltaqgħu miegħu qed iħallilna xi ħaġa. Tagħlima ġdida. Tbissima, kultant imqar il-kelma ‘Grazzi’. Kull klijent hu tabilħaqq esperjenza.

Stigma

Tajjeb ngħid li meta l-persuni li jużaw is-servizzi jkunu nvoluti b’mod dirett, inkunu qed ngħinu wkoll biex tonqos l-istigma. Irrid nirrikonoxxi li l-istigma naqset tul dawn l-aħħar snin u l-pubbliku sar aktar konxju li bħal ma hawn min jimrad b’attakk tal-qalb jista’ wkoll jimrad bi problemi ta’ saħħa mentali. Minkejja l-progress li sar u qed isir grazzi għall-isforzi ta’ ħafna, il-problema ta’ l-istigma għadha hemm. Dan hu aktar veru f’pajjiż żgħir bħal tagħna, fejn kulħadd jaf lil kulħadd.

Sfortunatament l-istigma hi realtà li għadha taffettwa ħażin lill-persuni li jbagħtu minn problemi ta’ saħħa mentali u anke lill-qraba tagħhom.

Din hi sfida għalina lkoll!   Hawn irrid ngħid kelmtejn lill-ġurnalisti kollha tagħna, huma min huma u jirrapreżentaw liema sezzjoni tal-media.  Żdid l-interess ġenwin tal-ġurnalisti fuq il-problemi ta’ saħħa mentali.  Imma irrid nerġa’ nagħmel l-appell lill-ġurnalisti biex jidħlu partners magħna biex flimkien inkomplu nikkumbattu l-istigma.  Ilkoll irridu noqgħodu attenti xi kliem nużaw, l-ewwel wieħed jien tafux, (dak miġnun, dik tajba għall-frankuni, dak m’aħniex). Il-media fil-fatt tista’ tagħmel ħafna billi tagħti spazju għal ħafna stejjer ta’ suċċess fil-qasam tal-kura tas-saħħa mentali.  Mhux il-qasam tal-mard tal-qalb jew tal-mediċina jew tal-kirurġija biss ikollhom l-istejjer ta’ suċċess.  Anki fil-qasam tal-psikjatrija jkollna ħafna stejjer ta’ suċċess. Stejjer ta’ persuni  li minkejja li kellhom diffikultajiet ta’ saħħa mentali, irnexxielhom jibdlu dawn id-diffikultajiet fi sfida u kibru minn dik l-esperjenza, tgħallmu minnha u llum qed jagħtu s-sehem tagħhom b’mod attiv.

Hostel għan-Nisa

Jekk tħares lejn dawn l-aħħar 15-il sena li Richmond Foundation għandha warajha, storja ta’ suċċess. Biss naf li Richmond Foundation mhux se tieqaf hawn. Ir-Richmond Foundation trid tkompli tiżviluppa s-servizzi tagħha u tindirizza dawk il-persuni li forsi s’issa l-bżonnijiet tagħhom għadhom mhux qed jintlaħqu. Naf li l-fundazzjoni bħalissa qed taħseb biex eventwalment tiftaħ hostel għan-nisa. Dan is-servizz ikun jista’ jagħti servizz lil nisa li jkollhom diffikultajiet ta’ saħħa mentali u b’hekk naħdmu magħhom biex jgħixu fil-komunità. Jien f’isem il-Gvern nemmen u nappoġġja dan il-proġett u sa fejn ikun possibbli lest noffri kull għajnuna. Ejja naħdmu flimkien biex fiż-żmien li ġej ikollna din il-hostel tan-nisa u tkun suċċess bħal dawk fejn hemm l-irġiel.

Konklużjoni

Biex nagħlaq irridinsellem lill-persuni kollha bi problemi ta’ saħħa mentali. Imma ippermettuli nieħu din l-okkażjoni biex insellem ukoll lil dawk kollha li jaħdmu mal-klijenti bi problemi ta’ saħħa mentali.  Grazzi mill-qalb lil kull wieħed u waħda minnkom talli qed  tmissu l-ħajja ta’ tant u tant nies.  Grazzi lilkom kemm jekk qed taħdmu l-Mount Carmel Hospital jew ir-Richmond Foundation jew x’imkien ieħor. Tabilħaqq qed tagħmlu biċċa xogħol tajba ħafna.
Fuq kollox grazzililkom li dalgħodu għażiltu li tattendu għal-dan is-seminar.  Il-fatt li ġejtu hawn qed twasslu messaġġ ċar.  Ifisser li  intom jimpurtakom.  Ifisser li intom tagħtu każ. U tagħtu każ bis-serjetà.  Intom in-nies li fis-skiet qed tagħmlu d-differenza.
Grazzi ta’ l-impenntagħkom f’dan il-qasam. Jekk jogħġobkom komplu agħtu sehemkom. Għad għandna bżonnkom.

Grazzi ħafna.         

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY  Minister Bedingfield stresses the importance of prevention and cooperation in strengthening fire safety

PR261981en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Minister Bedin...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Il-Ministru Bedingfield jisħaq fuq l-importanza tal-prevenzjoni u l-kollaborazzjoni biex tissaħħaħ is-sigurtà kontra n-nirien

PR261981

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Il-Ministru Bedingfield ...

More Press Releases Right arrow