Left arrow Mur Lura

Tintlaħaq il-mira biex jitħawwlu 6,000 sigra flok it-3,000 li ġew vandalizzati fil-Mellieħa

PR0855
Date Icon 11/06/2007

L-erbgħin elf liri Maltin (Lm40,000 - €93,175) li kienu meħtieġa biex ikunu jistgħu jitħawwlu 6,000 siġra flok it-3,000 li kienu vandalizzati minn persuni mhux magħrufa, fil-lejl ta’ bejn it-8 u d-9 ta’ Mejju fil-Mellieħa, inġabru f’inqas minn ħames ġimgħat. Ma’ dawn il-fondi issa ngħaqdu 1,000 siġra oħra li ġew mogħtija għal dan l-għan mill-Ministru għall-Ambjent u l-Protezzjoni Marittima tar-Repubblika ta’ l-Italja, l-Onor. Alfonso Pecoraro Scanio, li għamel żjara qasira f’Malta fi tmien il-ġimgħa li għaddiet.  

Waqt żjara fuq is-sit biex jilqa’ numru ta’ donazzjonijiet minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u kumpaniji privati lejn dan il-fond, il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, l-Onor. George Pullicino qal li l-poplu Malti ta risposta lil min wettaq dan l-att kriminali. Hu esprima sodisfazzjon kbir li l-mira inizjali tal-Gvern li jiġbor Lm40,000 (€93,175) intlaħqet f’daqshekk qasir żmien.  

“Dan wera biċ-ċar li bl-appoġġ tal-pubbliku u  l-isforzi tal-Gvern wasslu biex l-effetti ta’ dan l-att vandalu ġew imxejna fl-anqas żmien possibbli. Li lħaqna l-mira ta’ l-Lm40,000 (€93,175), madanakollu ma jfissirx li ħidmietna ser tieqaf hawn. Is-suċċess tal-kampanja u d-donazzjoni ta’ 1,000 siġra mill-Gvern Taljan ser jagħmluha possibbli li ngħollu l-mira tagħna biex minflok żewġ siġar għal kull siġra vandalizzata, f’Ottubru li ġej inkunu nistgħu inħawwlu tlieta,” qal il-Ministru Pullicino. 

Fil-fatt fit-tielet tmiem il-ġimgħa t’Ottubru, ser issir attivita’ għall-familja kollha mifruxa fuq jumejn biex jitħawwlu dawn is-siġar. Din l-attivita’ ser tkun miftuħa għall-pubbliku in ġenerali filwaqt li ser ikunu mistiedna dawk l-individwi, membri ta’ organizzazzjonijiet u l-impjegati ta’ kumpaniji li taw il-kontribut finanzjarju tagħhom lejn dan il-fond biex jitħawwlu dawn is-siġar. 

L-inizjattiva Foresta 2000 fil-Mellieħa hija proġett ta’ afforestazzjoni li qed isir flimkien ma’ Din l-Art Ħelwa u l-Birdlife. Fost l-organizzazzjonijiet u kumpaniji li  taw id-donazzjonijiet tagħhom kien hemm: Actavis Ltd, Edible Oil Refining Company, Atlas Insurance, Uniblue Systems, Kunsill Lokali Mellieħa, PN Club Mellieħa u l-Grupp Żgħażagħ Manikata. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO    Infringement proceedings concerning the Finch Research Derogation

PR261965en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX   Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga għar-riċerka dwar l-għasafar tal-għana

PR261965

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga g...

Aktar Stqarrijiet Right arrow