Left arrow Mur Lura

Bis-‘CVA’ aktar nies jidĦlu l-Belt gĦall-qadi, xiri u divertiment

PR0854
Date Icon 11/06/2007

Is-sistema tal-Controlled Vehicular Access (CVA), fil-Belt qed tħalli l-frott mixtieq u aktar nies illum il-ġurnata qed jagħżlu li jidħlu jipparkjaw komdi fil-Belt biex jixtru, jagħmlu l-qadi tagħhom kif ukoll għall-ħruġ u l-entertainment. 

Fil-fatt fl-ewwel xahar kemm ilha fis-seħħ is-sistema tas-CVA l-ammont ta’ vetturi li daħħlu fil-Belt ammontaw għal 69,663 vettura differenti. Dan l-ammont hu aktar mid-doppju ta’ kemm vetturi qabel setgħu jidħlu fil-Belt permezz tal-Liċenzja ‘V’, li kienu jgħoddu madwar 33,000 vettura.  

Dan qalu l-Perit Jesmond Mugliett, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, f’konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret fil-kwartieri tal-Kamra Maltija għan-Negozji Żgħar u Medji, il-GRTU. 

Miċ-ċifri li nġabru fl-ewwel xahar kemm ilha fis-seħħ is-sistema tas-CVA jirriżulta li madwar 10, 472 vettura daħlet il-Belt kuljum bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa, waqt li madwar 7,818 vettura daħlet il-Belt fi tmiem il-Ġimgħa. Kull vettura qattgħet madwar sagħtejn fil-Belt matul Mejju. 

Il-Ministru Jesmond Mugliett qal li l-politika li l-Gvern addotta għar-riġenerazzjoni tal-Belt hi waħda sħiħa li għandha l-iskop li verament tagħti l-ħajja lill-Belt. Il-Ministru Mugliett spjega li l-proġetti kollha fil-Belt li kienu mnedija dan l-aħħar, is-CVA, il-Park and Ride, l-għeluq ta’ ċertu partijiet għall-karozzi kif ukoll il-proġett ta’ pavimentar taċ-ċentru tal-Belt, huma l-qafas ta’ din il-politika. Dawn jikkumplimentaw l-investiment kbir li l-Gvern qed jagħmel fir-restawr, konservazzjoni u tisbiħ tal-Belt. 

Qabel ma daħlet fis-seħħ is-sistema tas-CVA kien kważi mpossibli li persuna tidħol il-Belt bil-vettura tagħha matul il-ġurnata u ssib fejn tipparkja. Issa iżda, permezz tas-CVA, in-nies qed issibha faċli li tidħol il-Belt. Għaldaqstant is-sistema tas-CVA kabbret l-aċċessibiltà tal-Belt u qed tagħti lill-belt kapitali ta’ Malta nifs ġdid kemm bi nhar u partikolarment fil-għaxija. 

Il-Ministru Jesmond Mugliett tenna li l-Gvern hu kommess li jagħti l-ħajja lill-Belt u jsaħħaħ ir-riġenerazzjoni tagħha. Bħala parti minn dan l-impenn il-Ministru Mugliett ħabbar li l-Gvern qed jappoġġja lill-GRTU f’kampanja ta’ promozzjoni biex jikber l-għarfien dwar is-sistema tas-CVA u l-benefiċċji li din toffri.  

Fil-konferenza ta’ l-aħbarijiet tħabbar kif il-GRTU, permezz ta’ l-appoġġ u s-sostenn ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport fi ħdan il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, se tkun qed tqassam 16,000 voucher lil madwar 400 ħanut, liema vouchers jistgħu jissarrfu f’35 ċenteżmu parkeġġ fil-Belt. Dawn il-vouchers se jibdew jingħataw mill-ħwienet u l-kumplessi kummerċjali tal-Belt lill-klijenti tagħhom. B’hekk dawk kollha li jidħlu u jipparkjaw il-Belt biex jixtru jew jagħmlu xi qadja fil-ħinijiet tas-CVA jifmhu aktar il-benefiċċji li toffri s-sistema. 

Il-Gvern permezz tal-ADT flimkien mal-GRTU qed ukoll iniedi kampanja ta’ pubbliċita’ għall-użu intelligenti tas-CVA.  ‘Jeżistu impressjonijiet żbaljati’ qal il-Ministru Mugliett ‘li s-sistema ta’ ħlas għad-dħul fil-Belt Valletta hija għalja u tiskoraġġixxi lil min irid jidħol il-Belt għall-qadi jew għad-divertiment. Ir-rata ta’ ħlas, 35 ċenteżmu kull siegħa hija pjuttost baxxa u orħos minn rati li wieħed iħallas f’diversi parkeġġi privati. Minbarra dan, jeżistu ukoll perjodi fil-ġurnata u fil-ġimgħa fejn il-ħlas huwa totalment b’xejn. Jekk wieħed jidhol il-Belt fil-5.30 p.m.  u jibqa’ hemm kemm irid,  dan ma jħallas xejn. Lanqas jekk wieħed jidħol il-Belt Valletta is-Sibt wara nofs in-nhar, ma jħallas xejn. Il-ĦHadd u l-festi pubbliċi huma b’xejn ukoll. 

Dawn huma ħinijiet fejn il-postijiet ta’ parkeġġ ikunu pjuttost vojta u joffru opportunita’ ġdida u differenti għal min irid jidħol il-Belt għall-qadi, divertiment, użu ta’ uffiċju professjonali, partikolarment fost il-gimgħa filgħaxija.

 Il-Ministru Mugliett appella lis-sidien tal-ħwienet u stabbilimenti tal-catering sabiex ikunu miftuħa partikolarment f’dawn il-ħinijiet u jirreklamaw dan il-ftuħ. ‘Jekk ikun hawn iżjed kummerċ f’dawn il-ħinijiet, dan ifisser li l-kummerċ fil-pajjiż jinfirex iżjed u anke jittaffew problemi ta’ konġestjoni f’żoni kummerċjali oħra’, kompla l-Ministru Mugliett. 

L-użu tas-sistema tas-CVA mhix kejl assolut ta’ kemm qed jidħlu nies il-Belt, kompla l-Ministru Mugliett. Qegħdin ninnotaw żieda fil-patrunaġġ tat-trasport pubbliku kif ukoll żieda fl-użu tal-Park and Ride. Dan minbarra inizjattivi oħra bħar-rotot express li ntroduċiet l-ADT xahar ilu.  

L-inizjattivi għall-aċċessibilita’ aħjar ma jieqfux hawn’, kompla l-Ministru Mugliett. ‘Fil-ġranet li ġejjin sejrin noffru aktar rotot express. Sejrin ukoll inkabbru l-Park and Ride, filwaqt li fil-ġranet li ġejjin hu mistenni jibda jopera s-servizz ta’ l-electric mini cabs. Minn hawn u ftit xhur oħra hu mistenni wkoll li jintemmu n-negozjati dwar il-proġett tal-lifts. 

‘L-opportunijatiet ġodda ta’ aċċessibilita’ flimkien ma’ inizjattivi mis-settur kummerċjali, kif ukoll żieda ta’ attivitajiet kulturali għandhom kollha kemm huma jagħmlu l-Belt Valletta aktar attrajenti, user friendly u vibranti’ temm jgħid il-Ministru Jesmond Mugliett.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO    Infringement proceedings concerning the Finch Research Derogation

PR261965en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX   Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga għar-riċerka dwar l-għasafar tal-għana

PR261965

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga g...

Aktar Stqarrijiet Right arrow