Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq iżur ix-xogħlijiet fit-Triq ta’ Għajnsielem
Ix-xogħol fuq it-triq ġdida li l-Gvern qed jibni f’Għajnsielem Għawdex, li mill-Port ta’ l-Imġarr twasslek sax-Xewkija, fi triqtek lejn il-Belt Victoria, jinsab fi stadju avvanzat. Dan ix-xogħol hu ta’ importanza kbira fit-titjib ta’ l-infrastruttura tal-gżira ta’ Għawdex biex din il-gżira reġjun tavvanza wkoll fil-kisbiet tagħha bħall-bqija tal-pajjiż.
Il-Gvern hu kommess li jtejjeb l-infrastruttura tat-toroq tal-pajjiż, anke f’Għawdex, għax jemmen li dan hu fattur importanti fl-ekonomija tal-pajjiż.
Dan qalu il-Perit Jesmond Mugliett, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, meta dal-għodu żar ix-xogħlijiet li qed isiru fit-triq ta’ Għajnsielem, b’tul ta’ 2.4 kilometri; b’investiment qawwi mill-Fond ta’ Koeżjoni ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-valur tat-tender hu ta’ Lm1,500,000 (€3,494,060)pero’ għadd ta’ xogħlijiet li nqalgħu waqt il-bini tat-triq mistenni jżidu l-valur.
Ix-xogħlijiet fit-triq ta’ Għajnsielem jinkludu fost l-oħrajn l-iddisinjar mill-ġdid tal-junction tal-ħeliport fix-Xewkija kif ukoll tal-junction ta’ Chambray, it-twessiegħ tat-triq li tagħti lejn il-ħeliport, il-kostruzzjoni ta’ culverts għall-ilma tax-xita t-tul kollu tat-triq, kif ukoll it-tneħħija ta’ tafal f’ċertu partijiet tat-triq u t-tqegħid mill-ġdid tas-servizzi taħt l-art. Dawn jinkludu xogħlijiet minn Maltacom u Melita cable, sistema mill-WaterServices Corporation b’tul ta’ 4,000m, kif ukoll service culvert taħt l-art b’għoli ta’ 1.8m u wiesgħa 1m.
Il-Ministru Mugliett spjega li x-xogħlijiet fit-triq ta’ Għajnsielem inqasmu fi tlieta: il-junction tal-ħeliport, Triq ix-Xatt u Triq Chambray. Ix-xogħol fuq il-junction tal-ħeliport wasal biex jintemm bis-servizzi kollha mgħoddija taħt l-art u l-bankini lesti.
Fil-parti ta’ Triq ix-Xatt tbiddel mill-ġdid ir-roofing slabs fuq il-garaxxijiet, inbiddlu l-culverts ta’ l-ilma tax-xita. Jonqos biss it-tqegħid tal-cables tad-dawl waqt li l-kisi bl-asfalt hu mistenni fil-ġimgħat li ġejjin.
Fil-parti ta’ Triq Chambray inbena u tlesta ġibjun għall-ħażna ta’ l-ilma u parti sew tas-servizzi tgħaddew diġa’ taħt l-art. Jonqos issa t-twessiegħ ta’ parti mit-triq u l-kisi bl-asfalt.
Bit-tkomplija ta’ din it-triq flimkien mat-triq li mill-Belt Victoria twasslek għal San Lawrenz, ikunu qed isiru aktar minn 5 kilometri ta’ toroq ġodda, b’fondi mill-Unjoni Ewropea fil-gżira Għawdxija. Dan barra xogħlijiet fuq toroq oħra li saru f’Għawdex, liema xogħlijiet qed ibiddlu d-dehra ta’ Għawdex u qed iħallu effett pożittiv fuq l-infrastruttura tal-gżira.
Il-Ministru Mugliett saħaq li llum il-ġurnata kull min jgħaddi mit-toroq Maltin u Għawdxin jintebaħ mill-ewwel bl-għadd kbir ta’ toroq ġodda li qed isiru, kemm arterjali kif ukoll residenzjali. Dan biex tassew intejjbu l-kwalità ta’ l-għixien tagħna. Il-Ministru Jesmond Mugliett temm jgħid li għaldaqstant il-Gvern hu mpenjat u għandu pjan ta’ ħidma fit-tul li qed jitwettaq b’riżultati konkreti fit-toroq ta’ pajjiżna biex jiggarantixxi l-ogħla livell u standards possibbli.
Stqarrijiet Oħra:
PR261965en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...
PR261965