Left arrow Mur Lura

GĦELUQ TAL-PROĠETT TWINNING BEJN MALTA U L-OLANDA

PR0849
Date Icon 08/06/2007

L-Onorevoli Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u Solidarjeta Soċjali ġiet ippreżentata bir-rapport finali tal-proġett Twinning li sar b’kollaborazzjoni bejn Malta u l-Olanda rappreżentata minn l-E.T. Mr. Jan Heidsma, Ambaxxatur għall-Olanda f’Malta.

Il-proġett “Reinforcement of the Drugs National Focal Point in Malta”, kien immexxi mit-Trimbos Institute – The Netherlands Institute for Mental Health and Addiction u l-Kummissjoni Nazzjonali kontra l-Abbuż ta’ Droga, Alkoħol, u Vizzji Oħra, ta’ l-aħħar fi ħdan il-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta Soċjali. Il-proġett li issarraf f’160,000 Ewro għal pajjiżna inbeda f’Mejju ta’ l-2006 u ġie fi tmiemu fi Frar ta’ din is-sena. L-għan ta’ dan il-proġett kien li jiġu stabbiliti arranġamenti formali bejn il-Kummissjoni u l-Focal Point Nazzjonali dwar id-Droga, flimkien ma’ entitajiet konċernati oħra fosthom Ministeri, entitajiet governattivi, u organizzazzjonijiet volontarji. Il-proġett kellu l-għan ukoll li jsib rimedju għal problemi ta’ natura organizzattiva fil-proċeduri ezistenti, filwaqt li titjieb il-kwalita ta’ l-istatistika u l-informazzjoni miġbura u li tkun komparabbli ma’ dik ta’ pajjiżi membri oħra fl-Unjoni Ewropea. Hekk kif stqarr l-E.T. is-Sur Jan Heidsma, Malta kisbet ħafna bis-saħħa ta’ dan il-proġett, u dan mhuwiex it-tmiem imma l-bidu ta’ aktar kooperazzjoni.

Dan il-proġett isegwi proġett ieħor Twinning‘Institution Building for Active Participation in the European Monitoring Centre for Drugs and Drug Addiction’, li ġie finalizzat fl-2004. L-għan ta’ dan il-proġett kien li f’pajjiżna jkollna sistema tajba ta’ informazzjoni dwar id-droga li tagħti iktar opportunitajiet lill-pajjiż li jagħmel sorveljanza effettiva tas-sitwazzjoni. B’riżultat ta’ din l-inizjattiva li ħa pajjiżna meta ssieħeb f’dawn il-proġetti, ġiet imwaqqfa l-Focal Point Nazzjonali Kontra d-Droga.

Dawn iż-żewġ proġetti wittew it-triq sabiex ikollna mekkaniżmi li jagħtu ċ-ċans lil Malta ssegwi l-istess binarji tal-pajjiżi l-oħra fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li niksbu viżjoni iktar wiesa’ tas-sitwazzjoni tad-droga lokalment. Prof. Richard Muscat, Chairperson tal-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Abbuż tad-Drogi, l-Alkoħol u Vizzji Oħra qal ‘it-tieni proġett Twinning ikompli fuq il-passi ta’ l-ewwel proġett li wassal sabiex ġie imwaqqaf il-Focal Point Nazzjonali Kontra d-Droga, u li issa stabilixxa l-qafas li permezz tiegħu aħna żgurati minn data ta’ kwalita. L-għan aħħari hu li jkollna sistema li permezz tagħha nkunu nistgħu nissorveljaw is-sitwazzjoni billi ikollna fis-seħħ sistema ta’ informazzjoni dwar id-droga li sservi ta’ gwida għal formulazzjoni tal-politika u għas-sorveljanza ta’ din il-politika.’

Malta bħalissa tinsab fil-fażi li tippublika t-tielet Rapport Annwali dwar is-sitwazzjoni tad-droga f’pajjiżna. L-Onorevoli Ministru Dolores Cristina stqarret li ‘forsi r-riżultat ewlieni li ksibna minn dan il-proġett kien li issa ser ikollna politika u strateġija nazzjonali li jħarsu s-sitwazzjoni tad-droga, li ser tkun ibbażata fuq ir-riċerka li ħarġet, grazzi wkoll għal dawn il-proġetti’.

L-importanza ta’ dawn il-proġetti tissarraf fil-benefiċċji li ħarġu, fosthom li jkollna stampa ċara tas-sitwazzjoni lokali fl-isfera tad-droga. Din l-informazzjoni twassal ukoll sabiex tkompli tinħoloq kuxjenza dwar is-suġġett tad-droga. Permezz ta’ koordinazzjoni ħolistika li ħaddnu l-partners ewlenin ta’ dan il-proġett flimkien ma’ l-entitajiet konċernati, issaħħaħ in-network sabiex il-problema ta’ l-abbuż tad-droga tiġi eliminata minn pajjiżna. Barra minn hekk, permezz ta’ dan l-eżerċizzju Malta tista’ tikkumpara mar-realtajiet ta’ pajjiżi differenti sabiex ikun hemm komunikazzjoni dwar prattiċi li qegħdin jaħdmu u problemi li huma komuni madwar il-kontinent. Il-benefiċċji li tfasslu minn dan il-proġett jinkludu iżjed effettivita fil-proviżjoni tas-servizzi, iktar kuxjenza dwar il-bżonnijiet tas-soċjeta, u iktar għodda ta’ kontroll li jwasslu għal riżultati aktar effiċjenti.

Il-kooperazjoni bejn diversi entitajiet konċernati inkludiet l-Universita ta’ Malta, fejn ġew applikati metodi dwar il-ġbir ta’ informazzjoni u statistika f’suġġetti ġewwa l-Universita sabiex tiġi assigurata s-sostenibbilta tal-pajjiż fil-qasam tad-droga. Ġew organizzati attivitajiet varji fuq livell akkademiku li laħqu għadd ta’ nies li huma midħla f’dan is-suġġett. Dan kien inkoragġanti għal pajjiżna għaliex serva sabiex tingħaraf l-importanza tal-politika soċjali kif ukoll ta’ l-informazzjoni xjentifika li tifforma parti ewlenija minn dan is-suġġett.

Id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kellu impatt pożittiv ferm fil-qasam tad-droga. Kif imsemmi fit-Trattat ta’ Amsterdam, għall-Unjoni Ewropea, il-ġlieda kontra d-droga m’għandiex tkun xi ħaġa distinta mill-importanza li tingħata lill-liberta, is-sigurta u l-ġustizzja. Azzjoni sabiex tingħeleb il-pjaga li qed tolqot socjetajiet sħaħ hija priorita għall-kooperazzjoni fuq bażi internazzjonali. Il-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta Soċjali jaħdem bi sħiħ sabiex ikollna pajjiż ibbażat fuq l-inklużjoni u s-solidarjeta, u għaldaqstant jinsab fil-quċċata fil-glieda kontra l-vizzju tad-droga u t-tisħiħ tal-komunita. Il-Ministru Cristina saħqet li l-Gvern jaħdem bis-sħiħ sabiex jingħelbu l-ostakli li jxekklu l-iżvilupp tal-komunita. Id-droga tħalli l-effett oppost; id-droga teqred l-armonija tal-komunita. Huwa proprju għalhekk li l-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta Soċjali bena strateġija li tħares lill-familja bhala s-sinsla tal-pajjiż, u tħares l-interessi kemm ta’ l-individwu kif ukoll tas-soċjeta kollha.

Bħala effett ta’ dan kollu, fl-aħħar konferenza Ministerjali tal-‘Pompidou Group’ fi ħdan il-Kunsill ta’ l-Ewropa li saret fi Strasburgu f’Novembru li għadda, il-Ministru Cristina pproponiet li jitwaqqaf l-uffiċċju reġjonali tal-Mediterran ta’ dan il-grupp f’pajjiżna. Din il-proposta ġiet milqugħa pożittivament mill-parteċipanti preżenti għal konferenza.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO    Infringement proceedings concerning the Finch Research Derogation

PR261965en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX   Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga għar-riċerka dwar l-għasafar tal-għana

PR261965

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga g...

Aktar Stqarrijiet Right arrow