Left arrow Go Back

‘Festa Mużika’ tiftaħ l-istaġun tas-sajf

PR0848
Date Icon 08/06/2007

Nhar il-Ħamis 21 ta’ Ġunju Malta tingħaqad ma’ 105 pajjiż ieħor madwar id-dinja biex tiċċelebra l-Jum Dinji tal-Mużika. Għal din l-okkażjoni ser tittella’ Fete de la Musique, Festa Mużika – attività mużikali kbira fejn dawk li jipproduċu l-mużika, dawk li jkantawha u dawk li jħobbu jisimgħuha, jiltaqgħu flimkien f’festa ta’ mużika. 

Din l-attività ser tiġi organizzata fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar u ser tiftaħ l-istaġun tas-sajf.  Għal Festa Mużika ser jiġu armati ħames palkijiet differenti fid-diversi inħawi tal-lokalità fejn ser tindaqq mużika rock, klassika, folk u ‘club’. Ser jieħdu sehem bands, DJs u artisti oħrajn mir-Renju Unit, Franza u Malta. Dawn ser jinkludu The Yardbirds li fiż-żmien kellhom magħhom lil Eric Clapton, Led Zeppelin’s Jimmy Page u l-kittarista famuż Jeff Beck; The Animals,The Killer Queen, DJ Sonique, Prodigy Tribute Band Jilted Generation, Soasis u oħrajn. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta nieda ‘Festa Mużika’ qal li din kienet it-tielet attività li kien qed iħabbar fi żmien ġimgħa għall-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, il-Qawra u Buġibba. Hu qal li dawn l-attivitajiet, flimkien mad-diversi proġetti li l-Gvern għandu maħsuba għal dawn l-inħawi bl-għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea, juru d-determinazzjoni tal-Gvern li jikkontribwixxi biex dawn l-inħawi – li jiġbru fihom madwar 40 fil-mija ta’ l-akkomodazzjoni turistika u faċilitajiet ta’ divertiment – jiġġeddu u jieħdu sehemhom mit-turisti li jżuru pajjiżna. 

“Fete de la Musique bdiet tiġi organizzata fi Franza u ftit, ftit infirxet mad-dinja. Illum din il-festa tal-mużika tiġi ċċelebrata f’105 pajjiżi u hi l-mod sabiħ kif jingħata bidu għall-istaġun tas-sajf fil-21 ta’ Ġunju, il-jum li fih tkun organizzata din il-festa,” qal il-Ministru Zammit Dimech li sostna li f’pajjiżna rridu nagħmlu minn din il-festa street party kbira fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li din ser tkun okkażjoni unika għal dawk kollha li jħobbu l-mużika. Hu tenna li attività ta’ dan il-kobor ma kenitx tkun possibbli li kieku mhux qed jaħdmu flimkien biex tiġi organizzata l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, l-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta, l-Ambaxxata ta’ Franza f’Malta, l-MHRA, l-GRTU u The Buġibba/St Paul’s Bay Bars and Restaurants Association. Hu qal li dan juri li fejn l-istakeholders jingħaqdu flimkien tista’ tiġi organizzata kwalunke attività. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO    Infringement proceedings concerning the Finch Research Derogation

PR261965en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX   Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga għar-riċerka dwar l-għasafar tal-għana

PR261965

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga g...

More Press Releases Right arrow