CLICK AIR TOPERA LEJN U MINN MALTA
Il-low cost carriers qed iġorru 44 fil-mija tal-passiġġieri kollha mir-Renju Unit u 26 fil-mija tal-passiġġieri kollha mill-Ġermanja. Dawn huma tnejn mis-swieq ewlenin ta’ pajjiżna. Bħala gżira Malta hi dipendenti mit-trasport bl-ajru. Għalhekk għandna nutilizzaw kull mezz ta’ transport bl-ajru biex l-industrja turistika tagħna tkompli tmur ’l quddiem.
Is-sena li għaddiet erba’ low cost carriers bdew joperaw lejn u minn Malta. ‘Meridiana’ qed topera titjiriet minn Bologna, fl-Italja; ‘Centralwings’ qed topera minn Varsavja fil-Polonja; ‘Germanwings’ minn Cologne u Stuttgart fil-Ġermanja u Ryanair minn Luton, Pisa u Dublin. Ma’ dawn għandha tiżdied il-kumpannija ‘British Jet’ li bdiet l-operazzjonijiet tagħha qabel u qed iġġorr madwar 50,000 passiġġier mir-Renju Unit.
Fil-25 ta’ April il-Gvern ippubblika sejħa għal proposti minn linji ta’ l-ajru biex joperaw rotot ġodda lejn u minn Malta. L-erba’ rotot ittieħdu kollha minn Ryanair li ser tibda tttir minn Bremen fil-Ġermanja mill-25 ta’ Settembru u minn Girona fi Spanja, Bari fl-Italja, u Stokkolma Nykoping fl-Isvezja mit-30 ta’ Ottubru.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech indirizza konferenza ta’ l-aħbarijiet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fl-okkażjoni tat-titjira inawgurali minn Click Air minn u lejn Barċellona. Hu qal li żżid low cost carrier max-xibka ta’ linji ta’ l-ajru li joperaw għal pajjiżna kienet aħbar tajba għas-settur turistiku tagħna.
“Click Air ser tibda topera darbtejn fil-ġimgħa, minn dan ix-xahar sa Ottubru, b’kapaċità ta’ 15,000 passiġġier minn u lejn Malta. Hu stmat li din is-sena din l-linja ta’ l-ajru ser iġġorr aktar minn 5,000 passiġġier f’direzzjoni waħda – li madwar 80 fil-mija minnhom ikunu turisti,” qal il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li jekk din ir-rotta l-ġdida tkun waħda profitabbli nisperaw li nattiraw aktar turisti mill-peninsula Iberiana li hi importanti ħafna għalina.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li s-sitt low cost carriers li qed joperaw lejn u minn Malta mistennija li jġorru 200,000 passiġġier f’sena sħiħa. Hu qal li dan is-sehem ta’ passiġġieri li jġorru l-low cost carriers hu maħsub li jiżdied u dan għandu jkun ta’ benefiċċju għat-turiżmu.
Other Press Releases:
PR261965en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...
PR261965