Left arrow Go Back

DISKORS TA’ L-ONOR ANTON TABONE, SPEAKER TAL-KAMRA TAR-RAPPREŻENTANTI, FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊERIMONJA TAS-SETTE GIUGNO – MISRAĦ SAN ĠORĠ, IL-BELT VALLETTA

PR0843
Date Icon 07/06/2007

Hemm ħafna okkażjonijiet fil-ħajja tagħna li jiġu regolarment iċċelebrati u forsi jidhru li jaqgħu f’ċerta rutina. Dan itellef xi ftit mis-sinifikat tagħhom. Irrid naħseb li l-kommemorazzjoni tas-Sette Giugno mhix xi waħda minn dawn l-okkażjonijiet li jsiru biss b’rispett lejn il-kalendarju. Kif għidt fil-passat huwa ta’ ġieħ għall-Parlament tagħna li f’Marzu 1989 iffissa din il-ġurnata bħala waħda mill-festi nazzjonali. Huwa doveruż għalina u għal ta’ warajna li nibqgħu kull sena nfakkru dan l-avveniment. Għalhekk nagħmlu tajjeb li kull sena nsemmu u nagħtu ġieħ lil erbgħa minn ħutna li tmienja u tmenin sena ilu taw ħajjithom għal patrija.  

Filwaqt li niċċelebraw f’riġlejn dan il-monument il-ġrajja glorjuża tas-Sette Giugno u niftakru fil-kisbiet kbar li għamlu missirijietna matul is-snin li għaddew mill-1919,  huwa xieraq ukoll li niftakru fil-persuni li ħallsu b’ħajjithom u li għalhekk jistħoqqilhom ġieħ kbir. Dawn kienu Abela Carmelo, Attard Emanuele,  Bajjada Giuseppe u Dyer Lorenzo. Il-monument taċ-ċelebri skultur Boris Edwards li hemm fuq qabarhom fiċ-ċimiteru ta’ l-Addolorata huwa ddedikat Ai caduti del Sette Giugno u dawk tassew waqgħu, tassew taw ħajjithom għal kawża nazzjonali. Għad li din il-ġrajja hija mfakkra b’dak il-monument u b’dan hekk imponenti li hawn hawnhekk, xogħol l-artist Anton Agius, hemm bżonn niftakru iżjed fil-vittmi tas-Sette Giugno. Għad li hemm triqat imsemmija għalihom f’diversi lokalitajiet ikun xieraq ħafna jekk jitpoġġew xi plakek, jew irħamiet żgħar fil-postijiet proprja fejn dawn ġew feruti, b’wieħed minnhom jaqa’ ftit passi ’il bogħod minn fejn qed nitkellem. B’hekk il-Maltin u l-Għawdxin ta’ llum u wisq iktar dawk ta’ għada, ikunu jistgħu jaraw b’għajnejhom stess il-post proprju fil-Belt kapitali tagħna fejn dawn il-qalbiena waqgħu. 

Huwa wkoll importanti li nfakkru bl-ikbar għożża u kburija l-mixja twila u diffiċli ta’ pajjiżna biex kiseb il-ħelsien tiegħu. Illum sfortunatament minħabba l-istil ta’ ħajja li ġab miegħu l-progress forsi ftit niftakru f’dawk il-ġrajjiet li bnew ftit ftit dak li finalment kiseb pajjiżna meta akkwista l-Indipendenza tiegħu. Għalhekk importanti ħafna li dawn il-ġrajjiet kommemorati bħal din ta’ llum nfakkruhom b’ċerta solennità. Hemm bżonn li nittrasmettu lill-uliedna tagħrif awtentiku dwar dak li verament ġara fil-ġranet imdemmija tas-Sette Giugno. Ir-rakkont ta’ dak li ġara akkumpanjat mill-apprezzament ta’ l-ambjent li wassal biex dawk il-ġrajjiet iseħħu għandu jkollu post importanti ħafna fl-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet li telgħin. Diġà ġew pubblikati diversi kotba, bosta minnhom riċerkati sewwa, dwar dan l-avveniment. Iżda nħoss li għad irid isir ħafna aktar biex miċ-ċokon it-tfal tagħna jiffamiljarizzaw rwieħom sew ma’ dawn il-ġrajjiet ta’ tmienja u tmenin sena ilu. 

Naħseb li taqblu miegħi li s-sens ta’ patrijottiżmu fil-ġenerazzjoni ta’ llum qiegħed inin. Jidher qisu xi ħaġa antikwata, superata. Dan forsi għax pajjiżna llum mhux rinfaċċjat b’theddid għal ħelsien tiegħu. Illum qed inħossu li wara li akkwistajna dak li ġenerazzjonijiet passati tant ħolmu u xtaqu, nistgħu ninsew kemm batew biex fl-aħħar akkwistawh. Għalhekk huwa obbligu tagħna li nibqgħu napprezzaw u nfakkru dak kollu li twettaq biex pajjiżna llum hu fejn hu. Fl-iskejjel tagħna, f’kull qasam edukattiv u ta’ formazzjoni, hemm bżonn li nibqgħu ntanbru fuq il-ġrajjiet, il-provi, is-sofferenzi tal-passat. Ma rridux li ż-żgħażagħ tagħna jieħdu l-idea li dak kollu li twettaq waqa’ mis-sema. Li dak kollu li ksibna ngħata lilna fuq platt tal-fidda. L-istorja twila ta’ ħidma, sagrifiċċji, tbatija, eroiżmu ta’ ħafna Maltin u Għawdxin ta’ ħila matul is-sekli trid tibqa’ tiġi rrakkuntata mingħajr żigarelli, fil-forma l-iktar reali u vera tagħha sakemm iż-żgħażagħ tagħna jibdew japprezzaw aktar il-valuri nazzjonali li għamlu minn Malta stat sovran. 

Ftit tax-xhur ilu ppubblikajna l-istorja tal-Parlament Malti. Hija storja li tfisser fid-dettall dak kollu fil-qasam leġislattiv li sawwar lil pajjiżna matul iż-żmien. Hemm imniżżlin dawk il-ġrajjiet li mmarkaw l-istorja twila tal-Parlament tagħna. Kienu ġrajjiet li ħafna drabi ġew immarkati minn dibattiti jaħarqu, minn episodji li juru ħafna kuntrasti iżda li finalment meta l-ħsejjes tad-dibattiti jikkwitaw insibu li ġew magħmulin liġijiet li mexxew lil pajjiżna fit-triq tal-progress. Huwa veru li perijodu twil mill-istorja parlamentari tagħna għaddejnih bħala kolonja ta’ pajjiż barrani. Iżda huwa veru wkoll illi l-ewwel parlament tagħna twaqqaf tista’ tgħid bħala waħda mill-effetti tal-ġrajjiet tas-Sette Giugno. Inħeġġeġ għalhekk lil kulħadd, speċjalment liż-żgħażagħ tagħna biex jaqbdu f’idejhom il-ktieb, xogħol il-Professur Godfrey Pirotta, u jistudjawh sewwa biex jaraw kif matul iż-żmien b’għaqal u b’għerf il-parlamentari tagħna kienu u għadhom kapaċi jilqgħu għall-isfidi li jiltaqgħu magħhom.

Naħseb li huwa d-dover tagħna l-Parlamentari li nagħtu eżempju tajjeb għal dak li huma l-valuri nazzjonali. Illum il-Parlament għandu rwol iktar importanti minn qatt qabel. Illum mhux biss m’għadniex kolonja, iżda nappartjenu għal għaqda li tħaddan fiha 26 pajjiż ieħor. Fl-isfond ta’ din ir-realtà ġdida rridu nkomplu nagħtu liġijiet lill-pajjiżna li jagħmluh mhux biss modern iżda li jżomm u jsostni standard għoli għaċ-ċittadini tiegħu. Irrid insemmi b’sodisfazzjon li l-Parlament tagħna fil-maġġoranza tal-każi jaf isib dik l-unanimità fl-għemil tal-liġijiet li ġejja minn ċerta maturità. Il-liġijiet mgħoddija llum huma iktar komplessi u jilħqu raġġ ikbar ta’ influwenza minn qatt qabel. Dan ifisser illi biex tgħaddihom mill-Parlament jeħtieġ iktar attenzjoni u studju iktar bir-reqqa. Iżda huwa ta’ pjaċir li ninnota li ħafnadrabi kemm il-gruppi politiċi rappreżentati fil-Parlament kif ukoll il-Membri individwali jidhru li fehmu dan u nista’ ngħid li llum, għajr għal xi eċċezzjonijiet, jeżisti spirtu ta’ kooperazzjoni. Dan jgħin ħafna biex ix-xogħol parlamentari jkun iktar siewi u jsir fi żmien iqsar. Ifisser ukoll li r-responsabbiltà ta’ min imexxi l-Parlament tkun tista’ tiġi merfugħa aħjar. Madankollu nibqa’ nappella biex tissaħħaħ il-kultura ta’ rispett reċiproku bejn il-Membri u lejn l-Istituzzjoni kif ukoll impenn dejjem ikbar fid-doveri u responsabiltajiet li aħna ilkoll inġorru. 

Għalhekk filwaqt li nfakkru din il-ġrajja storika li kebbset in-niċċa lejn il-mixja għal sistema ta’ demokrazija parlamentari, li nħaddnu b’tant għożża, huwa daqstant importanti li nixħtu ħarsitna lejn il-ġejjieni u naraw x’hemm bżonn biex insaħħu l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna biex b’hekk  jissaħħaħ l-ambjent demokratiku kollu li jdawwarna.  Dan mhux kliem ġdid.  Appellajt sena wara l-oħra biex lill-Parlament tagħna nagħtuh liebsa aktar attraenti, aktar professjonali li tixraq għaż-żminijiet tal-lum.  Ejjew flimkien nibdlu dak li hemm bżonn ħalli l-Parlament u partikolarment il-Membri tiegħu jkunu jistgħu jagħtu servizz aħjar kemm f’Malta u kemm barra minn Malta bil-parteċipazzjoni tagħhom f’diversi fora internazzjonali.   

Napprezza li resqin lejn it-tmiem ta’ leġislatura.  Pero’ din m’għandhiex isservi biex nibqgħu passivi.  Iċ-ċirkustanzi jitolbu mod ieħor.  Ħafna drabi rajt x’għamlu parlamenti oħrajn, parlamenti ta’ pajjiżi li huma membri ta’ l-Unjoni Ewropea u oħrajn li m’humiex, biex ilaħħqu ma’ l-obbligi tagħhom.  M’iniex qed nitkellem fuq Parlamenti ta’ pajjiżi kbar, li għandhom riżorsi ħafna aktar minna, imma qed nirreferi għal parlamenti ta’ pajjiżi relattivament żgħar. Meta tipparaguna l-faċilitajiet u s-servizzi li joffru lill-Membri tagħhom ma’ dak li għandna aħna, jiddispjaċini ngħid li bqajna lura. 

Ma rridx niftiehem ħażin u xi ħadd jgħidli li qed nara kollox iswed.  Għamilna passi ’l quddiem.  Ipprovdejna faċilitajiet aħjar għall-Membri tagħna billi allokajna numru ta’ uffiċini liċ-Ċhairpersons tal-Kumitati Permanenti tal-Kamra. Mhux hekk biss, imma waqqafna wkoll Documentation Centre bil-għan u bit-tama li jkun sors ta’ informazzjoni għall-Membri kollha tal-Kamra.  Żiedna aktar computers għall-użu tal-Membri sabiex tiġi aktar faċilitata r-riċerka u l-preparazzjoni li Membru jkun jixtieq jagħmel.  Biex ikun hemm aċċess aħjar għal dawn il-faċilitajiet ġie stallat lift li għaqqad il-Kamra tad-Deputati direttament ma’ dawn l-uffiċini. Imma dan mhux biżżejjed.  Hemm bżonn ta’ qabża kbira fil-kwalità  ’l quddiem.  Per eżempju, x’qed iżomm biex nirrevedu u nsaħħu l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra?  Għaliex sal-lum bqajna passivi quddiem rapport mitbugħ mill-Management Efficiency Unit fuq kif il-Parlament jista’ jkollu strutturi aktar effiċjenti u professjonali biex ikun jista’ jakkwista l-awtonomija tiegħu?  Għaliex dan il-biża’ kollu minn bidla li hemm bżonnha u li trid issir?   

Din hi karba ġenwina ta’ Membru li ilu fil-Parlament għal dawn l-aħħar wieħed u erbgħin sena.  Jiena ninnota b’interess l-artikli li jinkitbu mill-Membri Parlamentari li jisħqu fuq il-bżonn li l-Parlament jaġġorna ruħu għaż-żminijiet tal-lum.  Ix-xogħol ta’ Membru Parlamentari huwa wieħed professjonali daqs professjonijiet oħra li wkoll huma ta’ importanza u ta’ bżonn għall-pajjiż. U allura, iva għandna naħsbu kif, mingħajr aktar dewmien, il-Membri Parlamentari tagħna jġorru r-responsabilitajiet u d-dmirijiet ta’ professjoni parlamentari sħiħa li tagħtihom lura dak kollu li jagħtu professjonijiet oħra. Il-Membri Parlamentari Maltin iridu jlaħħqu u jipparagunaw tajjeb ma’ parlamentari oħrajn minn diversi pajjiżi.  Ma nistax ma nammettix illi bir-riżorsi finanzjarji u umani li għandha bħalissa l-amministrazzjoni tal-Parlament għad-dispożizzjoni tagħha, qed isiru l-mirakli. Imma ma nistgħux nibqgħu nibbażaw ruħna fuq il-mirakli.  

Wieħed minn dawn il-mirakli kien li, matul din l-aħħar sena, Membri fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra ħadmu bis-sħiħ biex l-inizjattiva li ħa l-Parlament Malti, dik li titwaqqaf l-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran kif ukoll li Malta tospita s-sede tas-Segretarjat ta’ din l-Assemblea ssir realtà. Matul dawn l-aħħar xhur, inħatar ukoll is-Segretarju Eżekuttiv ta’ nazzjonalità Taljana li se jkun residenti Malta fi żmien mhux ’il bogħod. Dan kollu seħħ u għandi pjaċir ngħid illi issa, flimkien ma’ Ministeri oħra, l-uffiċċju tiegħi qed jaħdem biex il-post li offra l-Gvern, dak ta’ Palazzo Spinola, jiġi mtejjeb ħalli jkun jista’ joffri l-faċilitajiet li hemm bżonn.  Barra minn hekk, irridu nħejju ruħna biex norganizzaw it-tieni laqgħa ta’ din l-Assemblea f’Novembru li ġej.  Filwaqt li nirringrazzja lil dawk kollha li huma konnessi ma’ dan il-proġett, jiġifieri l-membri tat-Task Force li kont waqqaft xi xhur ilu, nappella biex il-ħidma li għandha issir sabiex Palazzo Spinola jiġi restawrat għas-sbuħija oriġinali tiegħu, tibda mingħajr dewmien. 

Irrid insemmi wkoll il-laqgħa ta’ ’l fuq minn tliet mitt delegat li kellna meta f’Novembru 2006 il-Parlament Malti ospita l-Assemblea Parlamentari ta’ l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa. Apparti l-President u s-Segretarju Ġenerali ta’ din l-Assemblea, kellna diversi personalitajiet oħra li onorawna bil-preżenza tagħhom, fosthom l-iSpeaker ta’ Georgia, l-iSpeaker tas-Senat Belġjan, id-Deputat Speaker tal-Knesset u s-Segretarju tal-Kungress tal-Poplu Libjan inkarigat mill-affarijiet barranin li attenda għall-ewwel darba laqgħa ta’ l-Assemblea Parlamentari ta’ l-OSCE. Ta’ dan niżżiħajr lil dawk kollha li taw sehemhom biex din il-Konferenza tkun suċċess.

 Ma nistax ma nsemmix ukoll li, għall-ewwel darba, l-Uffiċċju tiegħi, b’kooperazzjoni ma’ l-Uffiċċju ta’ l-Iskrivan tal-Kamra, ħa l-inkarigu biex jippubblika rapport annwali tal-ħidma parlamentari għas-sena 2006.  Dan kien l-ewwel tentattiv biex il-Parlament Malti jkollu l-pubblikazzjoni tiegħu li tiġbor fiha l-avvenimenti li ġraw matul is-sena preċedenti. Nawgura li dan l-impenn jinżamm fis-snin li ġejjin kif ukoll isir sforz akbar ħalli, fejn nistgħu, intejbu fuq dak li sar.  

Nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lill-Membri kollha tal-Kamra, lill-membri ta’ l-istaff u lill-kollaboraturi stretti tiegħi għall-ħidma kbira li twettqet tul din l-aħħar sena.

Fl-aħħarnett, ma nistax nagħlaq dan id-diskors mingħajr ma nagħmel appell ieħor ġenwin biex il-ġrajjiet glorjużi ta’ l-istorja ta’ pajjiżna, bis-Sette Giugno fuq quddiem nett, jibqgħu jiġu studjati, apprezzati u mgħallma biex uliedna jkunu iktar konxji ta’ dak li batew missirijietna biex ħallewlhom pajjiż ħieles u sovran. 

Grazzi
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO    Infringement proceedings concerning the Finch Research Derogation

PR261965en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX   Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga għar-riċerka dwar l-għasafar tal-għana

PR261965

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga g...

More Press Releases Right arrow