NIKKONSOLIDAW IT-TURIŻMU SPORTIV F’MALTA
Bejn it-22 u t-23 ta’ Settembru l-Malta Aviation Society ser torganizza l-Malta International Airshow. Din ser tkun il-15-il edizzjoni tal-Wirja Internazzjonali ta’ l-Ajru ta’ Malta u ser ssir fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar.
L-organizazzjoni ta’ din l-edizzjoni tal-Malta International Airshow tħabbret waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret fil-lukanda Dolmen li ġiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech u li għaliha kienu preżenti Paul Bugeja, Sindku ta’ San Pawl il-Baħar; Joe Giliberti, President tal-Malta Aviation Society; Ian Sheely, Espert tas-Sigurtà mir-Renju Unit u Bob Dixon, Koordinatur u Loġistika, Renju Unit.
“15-il sena ilu bħala l-Ministru responsabbli mill-Avjazzjoni Ċivili kont tajt il-go-aheadbiex Malta torganizza l-wirja ta’ l-ajru tagħha. Minn dak iż-żmien ’l hawn din il-wirja ħadet statura internazzjonali u llum saret parti mill-kalendarju ta’ attivitajiet li jiġu organizzati kull sena.”
Dan stqarru l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta nieda l-Malta International Airshow. Il-Ministru Zammit Dimech qal li f’Malta hawn interess qawwi f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ l-avjazzjoni. Hu qal li dan l-interess jinqasam ukoll mat-turisti li jżuruna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li għalhekk avveniment bħal dan kien jinteressa sew il-Maltin kif ukoll lit-turisti u allura kien ta’ valur miżjud għall-prodott turistiku. Hu qal li kien f’dan l-isfond li ried jirringrazzja lill-Malta Aviation Society li din is-sena, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar ser torganizza din il-wirja f’dawn l-inħawi u hekk tkun ta’ attrazzjoni oħra għas-settur turistiku fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li din kienet ukoll prova oħra li kien qed isir minn kollox biex f’dawn l-inħawi jsiru attivatijiet li jattiraw lit-turisti u lill-Maltin. Hu qal li din is-sena, bl-appoġġ tal-Ministeru tiegħu u l-MTA, diġà kien hemm parti mill-attivitajiet tal-Karnival f’dawn l-inħawi, ġie organizzat l-Easter Monday Parade, ħabbarna li ser ikun hemm festival ta’ l-Inbid filwaqt li nhar il-Ġimgħa ser inħabbru attività mużikali kbira li ser tiftaħ l-istaġun tas-Sajf.
“Bil-Malta International Airshow organizzata fit-22 u t-23 ta’ Settembru, f’tarf is-sajf, qed intawwlu l-istaġun tal-vaganzi f’dawn l-inħawi. Dan ikompli jikkontribwixxi lejn li nkomplu nippromwovu San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra bħala ċentru turistiku fejn l-attivitajiet huma regolari,” qal il-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kull pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropea jorganizza ta’ l-inqas wirja ta’ l-ajru waħda kull sena. Hu qal li grazzi għall-Malta Aviation Society Malta ilha issa 14-il sena torganizza b’suċċess il-wirja ta’ l-ajru tagħha.
Stqarrijiet Oħra:
PR261965en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...
PR261965