L-AMBAXXATUR MALTI GĦALL-AWSTRIJA JIPPREŻENTA L-KREDENZJALI
Is-Sur Christopher Grima ppreżenta l-kredenzjali tiegħu bħala Ambaxxatur ta’ Malta għall-Awstrija lill-E.T. Dr. Heinz Fischer, President tar-Republika Federali ta’ l-Awstrija f’ċerimonja li saret nhar it-Tnejn 4 ta’ Ġunju.
F’laqgħa qasira wara l-preżentazzjoni tal-kredenzjali, il-President Fischer u l-Ambaxxatur Grima tkellmu dwar ir-relazzjonijiet bilaterali b’saħħithom li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi kif ukoll dwar il-kollaborazzjoni ta’ bejniethom fuq livell ta’ l-Unjoni Ewropea.
L-Ambaxxatur Grima wassal l-isbaħ xewqat tal-Gvern u l-poplu Malti lill-Gvern u l-poplu ta’ l-Awstrija u enfasizza li r-rabta bejn iż-żewġ pajjiżi hi riflessa mhux biss fil-valuri Ewropej li ż-żewġ pajjiżi jħaddnu iżda wkoll f’diversi oqsma oħra bħall-investiment, il-kummerċ, it-turiżmu u l-kultura.
Kemm il-President Awstrijak kif ukoll l-Ambaxxatur Malti qablu li hemm lok fejn dawn ir-relazzjonijiet jissaħħu għall-benefiċċju taż-żewġ pajjiżi.
Fil-kuntest ta’ l-Unjoni Ewropea, l-Ambaxxatur Grima enfasizza li l-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta, ir-rabtiet storiċi tagħha u l-għarfien tajjeb tal-ġirien tagħha fil-Mediterran jagħtu rwol partikolari fl-Unjoni Ewropea li jixbaħ dak li kellha l-Awstrija fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi ta’ l-Ewropa tax-Xlokk.
Il-President Awstrijak u l-Ambaxxatur Malti ddiskutew ukoll materji ta’ interess komuni għaż-żewġ pajjiżi, fosthom l-immigrazzoni illegali, il-Kostitutzzjoni Ewropea u t-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea.
Other Press Releases:
PR261965en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...
PR261965