Left arrow Go Back

DISKORS TA’ L-ONOR. TONIO FENECH, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TAL-FINANZI, WAQT IT-TNEDIJA TAL-PROGRAMM DWAR TAĦRIĠ TAL-FONDI STRUTTURALI U PROGRAMM TA’ ASSISTENZA TEKNIKA GĦAL NGOs U ORGANIZZAZZJONIJIET TAS-SOĊJETÀ ĊIVILI – TA’ XBIEX

PR0833
Date Icon 06/06/2007

Illum qegħdin hawn biex inħabbru proġett ġdid li ser ikun iffinanzjat minn fondi strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea u mill-MRC li tifforma parti mill-SOS Malta. Dan il-proġett ser jindirizza l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, partikolarment tal-NGOs, fil-Programm tal-Fondi Strutturali għall-2007 - 2013.  

Il-Gvern Malti jagħraf l-importanza tas-soċjetà ċivili f’dak li għandhom x’jaqsmu deċiżjonijiet u proġetti ta’ impatt dirett u indirett fuq iċ-ċittadin Malti.  

Organizzazzjonijiet non-governattivi għandhom rwol importanti billi jirriflettu u jikkomunikaw l-interessi taċ-ċittadin, u anke billi jimplimentaw proġetti ta’ natura soċjali fil-komunità. Dawn il-proġetti huma ta’ valur kbir anke fl-iżvilupp u fl-avvanzar ta’ pajjiżna.   

Għas-seba’ snin li ġejjin, Malta ġiet allokata 8.55 miljun euro għall-iżvilupp ta’ pajjiżna. Dawn il-fondi huma mmirati lejn diversi setturi, li jinkludu per eżempju l-edukazzjoni, l-impjiegi, it-taħrig, is-settur kulturali, is-settur tas-saħħa u l-ambjent.  

Dawn huma kollha setturi fejn diversi organizzazzjonijiet non-governattivi ilhom jaħdmu u fejn jistgħu jimplimentaw iktar proġetti sostenibbli permezz tal-fondi strutturali ġodda.  

Għal dan il-għan, il-Gvern iddeċieda li jgħin lil dawn l-organizzazzjonijiet jitħarġu fil-mekkaniżmi nvoluti biex japplikaw għal dawn il-fondi u jużawhom għal proġetti għas-soċjetà in ġenerali.   

Dan ser isir permezz tal-SOS Malta li għadha kif kellha proġett approvat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, (Planning & Priorities Co-ordination Division) biex twettaq taħriġ sħiħ u tekniku fuq il-fondi strutturali għal diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi, trade unions u kunsilli lokali fix-xhur li ġejjin.   

Dan it-taħriġ ser ikun ukoll immirat biex jiffaċilita u jisħaq element ta’ sħubija u koperazzjoni bejn l-entitajiet non-governattivi, it-trade unions, u l-kunsilli lokali, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ffinanzjati mill-fondi strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Il-proġett li huwa intitolat ‘Structural Funds Training and Technical Assistance Programme for NGOs and Civil Society Organisations – 2007’, se jinkludi sezzjonijiet varji ta’ taħriġ li ser jiffukaw fuq suġġetti partikolari u tekniċi bħal ma huwa l-immaniġġjar tal-finanzi ta’ proġetti, public procurement u d-dokumenti importanti ta’ referenza meta wieħed qiegħed japplika jew jimplimenta proġett. Dawn huma kollha suġġetti validissimi biex l-NGOs ikunu aktar attrezzati għal meta s-sejħiet għal proposti tal-Fondi Strutturali joħorġu fix-xitwa ta’ din is-sena.  

Jiena nfurmat illi ħa jingħataw ukoll eżempji varji ta’ proġetti ffinanzjati minn Fondi Strutturali li diġà ġew implimentati minn organizzazzjonijiet mhux governattivi sia f’ Malta u anki f’postijiet fl-Unjoni Ewropea, biex b’dan il-mod il-parteċipanti jkollhom idea aktar ċara ta’ tipi ta’ proġetti li jistgħu jkunu ffinanzjati minn dawn il-fondi. 

Inħeġġeġ lill-NGOs kollha, kif ukoll l-imsieħba soċjali u l-kunsilli lokali, jieħdu sehem f’dan il-proġett daqshekk importanti.  

Ta’ minn isemmi ukoll il-fatt li din it-tip ta’ assistenza teknika għal organizzazzjonijiet mhux governattivi mill-Fondi Strutturali huwa ġdid anke fl-Ewropa. S’issa ftit hemm Gvernijiet fl-Ewropa li ddeċidew jagħtu assistenza teknika lil dawn l-organizzazzjonijiet. Dan għaliex is-soltu, l-assistenza teknika tiġi użata prattikament biex jitħarġu l-Awtoritajiet Pubbliċi f’dak li għandu x’jaqsam mal-fondi strutturali.  

Madanakollu, il-Gvern Malti ddeċieda li japprova dan il-proġett tal-MRC biex permezz tiegħu jsaħħaħ anke l-prinċipji tas-subsidiarity u tal-parteċipazzjoni ċivika f’Malta. 

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO    Infringement proceedings concerning the Finch Research Derogation

PR261965en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX   Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga għar-riċerka dwar l-għasafar tal-għana

PR261965

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga g...

More Press Releases Right arrow