Proġett għal Dance Conservatoire f’Malta
Ser jitwaqqaf f’Malta ‘Dance Conservatoire’ bl-iskop li jagħti lil studenti li jkollhom talent u li jintagħżlu wara prova, il-possibilta’ li jistudjaw id-danza wara nofsinhar, fl-istess waqt li jirċievu l-edukazzjoni akkademika tagħhom fl-iskejjel rispettivi filgħodu.
Il-filosofija wara dan il-Konservatorju hi li tgħin, tmantni u tippromwovi talent lokali. L-intenzjoni hi li jiġi pprovdut tagħlim f’livell sponsorjat u hekk jikkontribwixxi biex jogħla l-livell taż-żfin f’Malta u tingħata l-opportunita’ lil aktar studenti biex isegwu din l-arti għal livell ogħla mingħajr il-bżonn li jħallu l-familji u d-djar tagħhom f’età żgħira.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech meta nieda d-“Dance Conservatoire’, qal li l-istorja tad-danza klassika f’Malta tmur lura kważi mitt sena u għalhekk hi minnha nnifisha kultura li rridu nħarsu, inġeddu u nxerrdu.
“F’Malta hawn diversi skejjel tad-danza. Ilħaqna livelli għoljin b’numru ta’ studenti jkomplu l-istudji tagħhom barra u bi studenti jagħtu wirjiet ta’ danza ma’ akkademji u skejjel barranin. Il-qabża li jmiss hi li jkollna Konservatorju tad-Danza fejn numru ta’ studenti jingħataw tagħlim teoretiku u prattiku fid-danza f’qafas ta’ livelli stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li għal ħafna żgħażagħ, id-danza kienet opportunità għal karriera. Hu qal li biex din il-karriera tiġi żviluppata jrid ikun hemm il-qafas kollu ta’ livelli differenti ta’ studju mill-primarju, għas-sekondarju u t-terzjarju.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li bit-twaqqif ta’ dan il-Konservatorju dawn l-istudenti jkunu jistgħu jsegwu l-livelli kollha ta’ studju u anke jissuktaw l-istudji tagħhom barra l-pajjiż. Hu qal li jkun jista’ jsir ukoll bdil ta’ studenti ma’ pajjiżi oħra biex hekk l-istudenti tagħna jkollhom esperjenza aktar vasta fid-danza.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura feraħ lil Johane Casabene, il-persuna wara dan il-proġett u awguralha kull suċċess fil-ħidma tagħha.
Stqarrijiet Oħra:
PR261965en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...
PR261965