Ftehim ta’ kooperazzjoni bejn Malta Enterprise u Sviluppumbria Spa
Il-Malta Enterprise u Sviluppumbria Spa - organizazzjoni responsabbli mill-iżvilupp fir-reġjun Taljan ta’ Umbria, illum iffirmaw ftehim ta’ kooperazzjoni bejniethom li kien possibbli bil-ħidma tal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin.
Il-ftehim li kien iffirmat minn Chris Falzon, Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise u Vinicio Bottacchiari, Direttur ta’ Sviluppumbria Spa jipprovdi biex iż-żewġ naħat jaħdmu flimkien biex jippromwovu r-relazzjonijiet kummerċjali u l-investiment bejn Malta u r-reġjun ta’ Umbria u dan billi jibdlu informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ investiment biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn is-settur privat taż-żewġ pajjiżi.
Barra minn hekk, Malta Enterprise u Sviluppumbria ftehmu li jgħinu kumpaniji rispettivi b’konsulenza teknika u kummerċjali u jinkoraġġixxu n-“networking” u sinerġiji ta’ kumpaniji fir-reġjuni tagħhom.
L-organizazzjoni ta’ żjarat li jippromwovu l-investiment u l-kummerċ, workshops u korsijiet professjonali kemm f’Malta kif ukoll fl-Italja, hu impenn ieħor li daħlu għalih iż-żewġ partijiet.
Punt ieħor inkluż fil-ftehim iffirmat illum hu dak li Malta Enterprise u Sviluppumbria għandhom jidentifikaw sħab li jkunu jistgħu jidħlu f’joint ventures flimkien u b’hekk jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ investiment barrani dirett fiż-żewġ pajjiżi.
Iż-żewġ naħat qablu wkoll li jipparteċipaw flimkien fi proġetti ta’ l-Unjoni Ewropea u jippromwovu inizjattivi flimkien fil-Mediterran.
Preżenti għall-iffirmar tal-Ftehim kien hemm Cecilia Attard Pirotta, Segretarja Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Paolo Trabalza, Ambaxxatur Taljan għal Malta.
Other Press Releases:
PR261965en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...
PR261965