Left arrow Mur Lura

Jinstab użu għall-ħġieġ skartat f’Malta

PR0830
Date Icon 05/06/2007

Il-ħġieġ li jinġabar mill-bring-in site li hawn imxerrdin ma’ Malta u Għawdex mistenni li jibda jintuża fil-kostruzzjoni tat-toroq meta jitlestew b’suċċess serje ta’ testijiet li qed isiru fuq dan il-materjal. 

L-użu tal-ħġieġ imfarrak li jista’ jitħallat maż-żrar li jitqiegħed taħt is-saffi tat-tarmak intwera illum wara nofsinhar waqt dimostrazzjoni għall-mezzi tax-xandir fin-Naxxar immexxija mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, l-Onor. George Pullicino u l-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor Jesmond Mugliett.   

“Din is-sena sa’ April kienu nġabru mal-263 tunnellata ta’ ħġieġ mill-bring-in sites. Il-figura għall-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena titqabbel tajjeb ħafna ma’ dik totali għas-sena li għaddiet meta kienu nġabru mal-550 tunnellata ta’ ħġieġ. Dan ifisser illi l-pubbliku qiegħed jagħraf il-bżonn u l-ġid li joħroġ mir-riċiklaġġ,” qal il-Ministru Pulliċino.   

Is-suċċess fil-ġbir tal-ħġieġ li jiġi skartat, madanakollu ġab miegħu bżonn li jinstab użu lokali għalih peress li f’Malta ma teżistix industrija għar-riċiklaġġ tal-ħġieġ. Ta’ min isemmi wkoll li l-ispejjeż biex wieħed jesporta dan il-ħġieġ huma projbittivi – Lm400 (€931.75) kull kontejner ħġieġ ta’ 20 pied. Din iċ-ċifra tinkludi biss it-trasport u mhux l-ispejjes tat-trattament. 

“Kien għalhekk li l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ħeġġeġ lill-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta sabiex twettaq studji preliminari fuqu. Ir-riżultat qed narawh quddiemna f’din id-dimostrazzjoni tal-lum,” żied jgħid il-Ministru. 

Għalkemm l-ammont ta’ ħġieġ li qed jinġabar għal issa huwa żgħir, l-użu eventwali tal-ħġieġ fil-kostruzzjoni tat-toroq jista’ jwassal għal tnaqqis fil-bżonn li jittqatta l-blat tal-qawwi mill-barrieri. Dan peress li huwa stmat li kull 40 tunnellata ħġieġ tista’ tintuża fil-bini ta’ 100 metru ta’ triq tipika f’Malta. 

“Bħala Ministru responsabbli mill-Ambjent inħeġġeġ lill-ADT tkompli tesplora l-użu tal-ħġieġ imfarrak fit-taħlita tat-tarmak u l-possibilità li materjali oħra bħat-tyres ukoll jibdew jintużaw fil-kostruzzjoni tat-toroq.  

“Fl-aħħar nett irrid inrodd ħajr lill-Fakulta’ ta’ l-Arkitettura għax-xogħol li qed twettaq fil-laboratorji tagħha dwar l-użu f’materjali bħal dawn fil-kostruzzjoni,” temm jgħid il-Ministru Pullicino. 

Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, Jesmond Mugliett qal li t-trasport huwa ħolqa mill-aktar importanti fil-politika ambjentali tal-pajjiż, għaldaqstant il-Gvern qed jagħti attenzjoni partikolari lit-trasport fil-kunsiderazzjonijiet ambjentali tiegħu peress li ż-żewġ setturi ma jistgħux jinfirdu minn xulxin. 

“Il-Gvern hu kommess li waqt li jtejjeb l-ambjent urban ta’ pajjiżna permezz ta’ toroq ġodda, bliet u rħula aktar aċċessibli, proġetti kapitali kif ukoll proġetti ta’ tisbiħ, jara li dan isir b’mod sostenibbli bla ma jagħmel ħsara lill-ambjent, anzi fejn ikun il-każ jgħinna fil-ħidma tagħna li ntejjbu l-ambjent bħala wieħed mit-tliet pilastri tal-ħidma tal-Gvern,” qal il-Ministru Mugliett.               

Hu żied jgħid li l-ħġieġ li qed jitħallat maż-żrar għandu propjetajiet tajbin bħal b’densità għolja u b’rata baxxa li tassorbi l-ilma. Dan allura qed iwassal mhux biss biex aktar flixkien ta’ ħġieġ jiġu riċiklati, iżda wkoll tonqos id-domanda kbira fuq ir-riżorsi naturali tagħna. L-iskop hu li aktar toroq ġodda jibdew jagħmlu użu minn din it-teknika biex inkomplu nintegraw tassew t-trasport fil-politika ambjentali tagħna. Din it-teknika diġà ntużat b’mod esperimentali fis-sit tal-Park and Ride.

“L-impenn ambjentali tagħna fil-kostruzzjoni tat-toroq imur ukoll ’l hinn minn dan. Hi prassi komuni li nirriċiklaw materjal li jinqala’ fil-bini tat-toroq u jerġa’ jintuża għal dan l-iskop. B’hekk inkunu qed innaqqsu l-pressjoni żejda fuq ir-riżorsi naturali tagħna u fl-istess ħin innaqqsu mir-rimi tal-materjal li jinqala’,” qal il-Ministru Mugliett.  

Hu semma wkoll li l-Awtorità dwar it-Trasport qed turi l-impenn ambjentali huwa fid-dawl tat-toroq. L-Awtorità ħadmet fuq proġett pilota, f’Ottubru tas-sena l-oħra, ta’ dwal energyefficient f’St Andrews. Din is-sistema tiffranka sa 90 fil-mija ta’ l-enerġija użata u b’hekk tnaqqas mill-konsum ta’ riżorsi li jniġġsu l-arja.  

Intuża wkoll dawl full cut-off f’uħud mit-toroq ġodda li kienu finanzjati mill-Protokoll Taljan kif ukoll f’Ħal Far Phase III li nfetħet f’Jannar. Dan it-tip ta’ dawl minbarra li jaħli anqas enerġija, jnaqqas ukoll l-ammont ta’ tniġġiż tad-dawl fl-ambjent tal-madwar.  

Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq irrefera wkoll għal proġetti ta’ trasport innovattivi oħra bħall-Park and Ride li qed idaħħlu l-kunċett ta’ trasport sensittiv għall-ambjent.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO    Infringement proceedings concerning the Finch Research Derogation

PR261965en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX   Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga għar-riċerka dwar l-għasafar tal-għana

PR261965

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga g...

Aktar Stqarrijiet Right arrow