Azzjoni biex titħares il-biodiversita’ ta’ pajjiżna
L-attivitajiet marbuta ma’ Ġimgħa Ambjent bdew dalgħodu bi żjara fil-ġonna botaniċi ta’ l-Argotti fejn bħalissa għaddejjin diversi inizjattivi ta’ konservazzjoni ta’ pjanti endemiċi li jinsabu mhedda bl-estinzjoni.
Waqt din iż-żjara il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent, George Pullicino stqarr li kien xieraq li l-ewwel tema tal-Ġimgħa Ambjent tiffoka fuq il-biodiversita’ – dan fl-isfond ta’ l-obbligu li għandha Malta, bħall-kumplament tad-dinja li tissalvagwardja l-biodiversita’ tal-pajjiż skond ma titlob il-Konvenzjoni ta’ Rio ta’ l-1992.
“Dan l-obbligu qed isir aktar relevanti f’dinja li għandha quddiema sfidi importanti bħall-bidla fil-klima li potenzjalment tista’ twassal għall-qerda ta’ mijiet ta’ eluf ta’ speċi,” qal il-Ministru Pullicino.
Fil-Ġonna Botaniċi ta’ l-Argotti bħalissa qed issir riċerka fuq metodi differenti ta’ kif jiġu salvati speċi ta’ pjanti mhedda fosthom Tursin il-Għul Xewwieki (Sarcopoterium Spinosum). Il-proċess ta’ mikro-propagazzjoni ta’ din il-pjanta wasal fit-tieni stadju tiegħu qabel ma iktar tard tkun tista’ titħawwel lura fl-ambjent naturali tagħha.
Barra dan fl-Argotti qed issir kultivazzjoni ta’ pjanti rari u endemiċi bħal widnet il-baħar; jinżammu speċi differenti ta’ pjanti biex b’hekk tinżamm librerija ħajja ta’ diversita’ ġenetika ta’ pjanti; jinżamm bank ta’ żrieragħ biex b’hekk issir konservazzjoni ta’ pjanti in situ; issir riċerka fuq pjanti u l-użu li dawn jista’ jkollhom fil-medicina, u anke studju fuq dawk il-pjanti li kapaċi jifilħu tibdil fil-klima.
Hu temm jgħid li l-aktar xogħol importanti li qed isir fil-ġonna ta’ l-Argotti hu li “dawn il-ġonna jirnexxilhom joħolqu katina bejn il-pjanti u s-saħħa tan-nies (arja nadifa, mediċina, serħan il-moħħ fin-natura) biex b’hekk in-nies ikunu mħajjra juzaw il-pjanti b’sostennibilita’ – u kulħadd jipparteċipa fil-protezzjoni tal-pjanti li fl-aħħar mil-aħħar huma ndispensabbli għall-ħajja fuq id-dinja.”
Il-Ministru Pullicino tkellem ukoll fuq aspetti varji tal-bijodiversita’ f’Malta. Huwa tenna li f’pajjiżna għandna framework legali li jipproteġi s-siti ekoloġiċi importanti f’pajjiżna.
“Permezz tan-network Natura 2000, dawn is-siti jammontaw għal 12.5 % ta’ l-art Maltija, li jikkompara tajjeb mal-medja fl-Unjoni Ewropea ta’ 15%, minkejja li pajjiżna għandu art limitata u densita’ tal-popolazzjoni għolja.
“Flimkien ma’ numru ta’ NGO’s, qed issir ukoll ħidma fuq diversi inizjattivi biex ikun protett il-valur tal-wirt naturali. “Il-Park Naturali u Storja fil-Majjistral ta’ Malta u l-proġett ta’ konservazzjoni fi Xrobb l-Għaġin huma żewġ eżempji ċari ta’ dan,” temm jgħid il-Ministru Pullicino
Stqarrijiet Oħra:
PR261965en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...
PR261965