Il-Ministeru ghal Ghawdex jichad akkuzi maghmula mill-Kap ta’ l-Oppozizzjoni waqt attivita’ tal-Partit Laburista
Il-Ministeru għal Għawdex jiċhad kategorikament l-akkużi nfondati u bla bażi li saru waqt diskors li għamel il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Dr Alfred Sant f’attivita’ tal-Partit Laburista f’Santa Luċija nhar il-Ħadd 27 ta’ Mejju 2007, u dak li ġie mxandar sussegwentement fil-media, dwar l-għotja ta’ kuntratt tad-dwal relatat ma’ Lejlet Lapsi Notte Gozitana.
L-offerti mixħuta wara sejħa maħruġa mill-Ministeru għal Għawdex b’konnessjoni ma’ tagħmir ta’ dwal li kien meħtieġ għall-organizzazzjoni ta’ Lejlet Lapsi Notte Gozitana, ġew aġġudikati minn bord professjonali mwaqqaf apposta li fih kien hemm rappreżentanti taż-żewġ ministeri nvoluti, kif ukoll persuni ta’ professjoni teknika u artistika.
Ta’ min jinnota li Josef Azzopardi, il-kuntrattur li finalment ingħata l-kuntratt, tefa’ l-orħos offerti għal tlieta minn tmien siti kkwotati, filwaqt li għal ħamsa l-oħra kellu t-tieni l-orħos offerta.
Għaldaqstant, kif kien speċifikat fi klawsola numru 13 ta’ l-imsemmija offerta, dik il-kumpanija li tefgħet l-orħos offerti għall-ħames siti l-oħra, intalbet biex tagħti rendikont ta’ prezzijiet separati kif ukoll informazzjoni relatata mat-tip ta’ apparat u numri ta’ mudelli tat-tagħmir li kien propost li jintuża. Il-Bord ta’ ġudikanti, meta kien qed jistudja l-informazzjoni u d-dettalji mogħtija mill-istess kumpanija f’dan ir-rigward, innota diversi nuqqasijiet f’żewġ kategoriji: l-ewwel ta’ natura teknika fejn id-dettalji mogħtija kienu ġeneriċi u f’ħafna każi mhux kompluti jew nieqsa; t-tieni fuq bażi aktar ġenerali fejn prezzijiet għall-istess tagħmir kienu kkwotati bi prezzijiet differenti.
Għaldaqstant Josef Azzopardi ġie assenjat bil-kuntratt għad-dwal għall-attivita’ konċernata, għaliex irriżulta li kellu l-aktar offerta eliġibli.
Il-kumpanija l-oħra involuta appellat; u wara li l-każ ġie miftuħ u studjat mill-Bord tal-Kuntratti, l-appell ġie miċħud. Dan ikkonferma li d-deċiżjoni u l-assenjazzjoni tal-bord aġġudikanti kienu ġusti. Huwa minnhu li Josef Azzopardi kien diġa lesta xi xogħol ta’ dwal, iżda dawn kienu fuq is-siti li ma kienux inklużi fl-appell tal-kumpanija in kwestjoni u li allura anke li kieku dan l-appell intrebaħ, il-kumpanija appellanti ma kienitx tkun eliġibli biex tagħmel dawn ix-xogħlijiet, għaliex l-anqas biss kienet applikat biex tagħmilhom.
Nemmnu li din l-ispjegazzjoni tagħti xhieda li l-proċedura adottata mill-Ministeru għal Għawdex u dawk kollha nvoluti fl-istudju u l-assenjazzjoni ta’ din l-offerta kienet waħda ċara, trasparenti u ġusta; u għalhekk insostnu li dak li ntqal jew qed jintqal in konnessjoni magħha, hu nfondat u bla bażi. Mhux biss iżda huwa tentattiv li jipprova juza kliem u fatti għal skopijiet ulterjuri.
Other Press Releases:
PR261965en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...
PR261965